Jien ma twilidx negozjant. Mhux bħal Keith Schembri. Qatt ma għext ta’ negozjant u mhux bi ħsiebni mmut ta’ negozjant. Nirrikonoxxi li hu għandu talenti li jien m’għandix, kif għandhom Roger Federer, Stephen Fry u Rocco Siffredi. Iżda, bħalhom ilkoll, għandi ħiliet li għandu kull bniedem. Jitgħaxxew meta jiġu mgħarxa. Joħroġ id-demm meta jinqatagħlhom laħamhom. Jekk xi ħadd jistaqsihom jekk kienux ħallsu ħafna flus biex joħolqu kumpannija barra minn Malta, liema kumpannija tkun is-suġġett ta’ kontroversja kontinwa minn Frar 2016 sa April 2023 u għandha rabta mal-assassinju ta’ ġurnalista li, għal diversi drabi, saħansitra kien is-suġġett ewlieni li fuqu kitbet The New York Times, it-tweġiba tagħhom (eżatt bħal tiegħi) ma tkunx “ma niftakarx”.

M’hix xi ħaġa minn ewl id-dinja li n-negozjanti taqbadhom amnesija huma u jwieġbu mistoqsijiet f’laqgħat pubbliċi dwar l-iskandlu tas-seklu. Madankollu, ħaġa bħal din wieħed għandu jistennieha minn min, bħal Renè Artois, ma jiskrupla xejn biex jigdeb.

Keith Schembri stqarr li kien jaf li kellha tinħoloqlu trust fi New Zealand. Jiddispjaċini, imma dan ma kienx sewwa. L-iskandlu tal-ħolqien tal-kumpannija Panamiża ma kienx dwar il-Panama. Kien dwar il-kumpannija, għall-fatt li din kienet waħda offshore f’ġurisdizzjoni li tissanzjona l-ħabi u s-segretezza u għall-fatt li nħolqot biss ftit jiem wara li Keith Schembri nħatar f’kariga uffiċjali.  M’għandniex raġunijiet biex ma jkollniex grazzja mal-Panama. Seta’ kien pajjiż ieħor, bħalma hu New Zealand. B’daqshekk?

Keith Schembri għoġbu jammetti li kellu trust fi New Zealand għaliex ittama li fost il-poplu hemm min hu tant preġudikat li lil dan il-pajjiż iqisu bħala pajjiż li tista’ tafdah għaliex huwa popolat mill-bojod u minn ngħaġ. Il-kwistjoni kollha m’hix dwar il-pajjiż fejn ħoloq din it-trust. 

Keith Schembri twieled negozjant u x’aktarx li ser imut negozjant. M’jinix daqshekk ċert, madankollu, kif wieħed jista’ jitwieled negozjant. Tgħid Keith Schembri ħareġ minn ġuf ommu hu u jżomm f’idejh calculator, pjan tan-negozju u pjan strutturali għall-kontijiet offshore? Il-fatt li tkun twilidt negozjant ma jnaqqas xejn mill-gravità tal-ħolqien ta’ kumpanniji f’offshore f’pajjiżi li m’għandhom x’jaqsmu xejn man-negozju tiegħek. Ġaladarba Keith Schembri ma kienx qed jaqla’ x’jiekol minn New Zealand, x’kienet ir-raġuni li flusu ried ifaddalhom f’dak il-pajjiż? Għaliex ma faddalhomx f’pajjiżu? Għaliex ma riedx li jħallas it-taxxa fil-pajjiż li kien qed iqallagħlu ħobżu, jiġifieri Malta? Għaliex ma riedx jagħmel tajjeb lil Malta għall-ħsara ambjentali li kien qed joħloq in-negozju tiegħu? Għaliex ma riedx jikkontribwixxi għall-ġid tal-poplu Malti li jiddependi mill-għajnuna soċjali? L-evażjoni tat-taxxa, għaliex qed inbierkuha?

Dan mhux kollox.

Dakinhar li talab li tinħoloqlu kumpannija fi New Zealand, huwa ma kienx negozjant. Dakinhar kien uffiċjal pubbliku ġdid. Għal ġieħna, kien iċ-chief of staff tal-Prim Ministru u allura l-id il-leminija tal-ogħla uffiċjal pubbliku u, fl-aħħar mill-aħħar, responsabbli għas-servizzi pubbliċi kollha. Fost dawn ir-responsabbiltajiet hemm dik tal-ġbir ta’ biżżejjed taxxi biex tiġi finanzjata l-amministrazzjoni tal-pajjiż. Taxxi li Keith Schembri pprova jaħrab milli jħallas.

Naf li qed nilgħab il-logħba ta’ Keith Schembri: dan ma jiddejjaq xejn jammetti li evada t-taxxa għaliex, ġaladarba tkun twilidt negozjant, bħal speċi jkun mistenni li tevadi t-taxxa. Iżda hawn m’aħniex nitkellmu biss dwar l-evażjoni tat-taxxa. Kif ammetta huwa stess, Keith Schembri talab li tinħoloq it-trust fi New Zealand mhux biss biex ikun jista’ jevadi l-ħlas tat-taxxa. Ried li jevadi kull għarbiel għaliex it-trust kienet inħolqot biex tirċievi flejjes ġejjin mit-tixħim. Dan hu ma jammettiħx. Anzi jiċħdu. Iżda lil min qabditu amnesija qawwija tista’ qatt tafdah?

Lil Keith Schembri, ma’ wiċċu ċċappsulu numru ta’ dokumenti b’kitba li turi li l-kumpannija kellha tirċievi flejjes mingħand Yorgen Fenech, mhux fi żmien li matulu Keith Schembri ma kellux jibqa’ jservi ta’ uffiċjal pubbliku iżda fi żmien meta kien għadu f’din il-kariga u li matulu kellu s-setgħa li jħaxxen bwiet Yorgen Fenech permezz tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

Lil min ħakmitu amnesija fakkruh dwar ix-xhieda ta’ żewġ persuni. L-ewwel, Silvio Valletta pubblikament u taħt ġurament stqarr li Keith Schembri kien waqqaf investigazzjonijiet tal-pulizija li setgħu ġabu f’inkwiet ta’ natura kriminali lilu u lil sħabu fin-negozju. It-tieni, Edward Scicluna pubblikament u taħt ġurament stqarr li hu, bħala ministru tal-finanzi, ma kellu ebda sehem fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura finanzjarja li ffavoraw lil sħab Keith Schembri.

Waqt ġuri, tkun fula f’qargħa meta l-mixli jammetti, fost ħafna biki u lfiq, l-akkużi miġjuba kontrih u dan minħabba l-provi ċari li jkunu nġiebu kontrih. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-biċċa l-kbira tal-kriminali jibqgħu b’fommhom sieket biex b’hekk, bis-saħħa tas-skiet, ma jiżdied xejn mal-provi li jkun hemm kontra tagħhom. Kull darba li Keith Schembri stqarr li ma jiftakarx, ħallat flimkien żewġ linji klassiċi ta’ difiża: d-dritt li ma jinkriminax lilu nnifsu bit-tweġibiet tiegħu u d-dritt li jinvoka l-ġenn tal-moħħ. Il-bieraħ dawn il-linji ta’ difiża huwa ħawwadhom flimkien. Meta jseħħ ġuri, l-avukati tal-akkużat ta’ sikwit ifittxu li jiskreditaw il-provi li tkun ġabet il-prosekuzzjoni. Skont dawn, ix-xhieda huma giddibin u d-dokumenti huma żbaljati jew inkella foloz jew imfissrin barra mill-kuntest tagħhom.

Il-ġurati u l-imħallfin ma joqgħodux jistennew lill-mixli biex jammetti qabel joħorġu b’kundanna. Dawn ikun jeħtieġ li jaslu għal deċiżjoni msejsa fuq il-provi li jkunu raw u li jkunu semgħu.

Huma aktar kredibbli l-provi li nkixfu mill-Panama Papers – minkejja l-attentati ta’ Keith Schembri u sħabu biex jostru kollox – miċ-ċaħdiet tal-istess Keith Schembri? U żgur li huma aktar kredibbli. Allura x’ser jiġri issa? Il-provi li nġiebu quddiem il-PAC jistgħu biss iwasslu għall-pubblikazzjoni ta’ rapport. Iżda l-poplu qed isegwi dak li qed jingħad u issa l-istess poplu jeħtieġ li jagħmel ġudizzju. Nifhem li, dwar dan, ma tantx jista’ jkun hawn ottimiżmu. Il-bieraħ Keith Schembri ta l-impressjoni li huwa ilu sa minn Frar 2016 fi stat perpetwu ta’ delużjoni apopletika. Qatt ma kien kredibbli kemm ilu li nqabad bil-qalziet imniżżel. Il-poplu kien messu qata’ s-sentenza fl-2017. Din baqa’ ma qatagħhiex. Kien messu qata’ s-sentenza fl-2022 u reġa’ ma qatagħhiex. U kull darba li s-sentenza tibqa’ ma tinqatax, il-poplu jkun qed iġib ruħu bħallikieku kien grupp ta’ ġurati li jilliberaw kriminal minkejja l-eżistenza ta’ provi ċari kontrih u jeħles ħafif.

Il-poplu ma jistax jibqa’ jitmexxa mill-indifferenza, mill-ġjufija u mill-kompliċità partiġġjana. Bis-saħħa tat-trasparenza, inkjesta parlamentari tista’ twassal biex tagħmel pressjoni morali fuq is-sistema tal-ġustizzja kriminali u tista’ wkoll iġġiegħel lill-mekkaniżmi kostituzzjonali jaħdmu kif suppost.

Ftit tal-ġranet ilu, Robert Abela lmenta b’mod melodrammatiku dwar il-dewmien biex tintemm l-inkjesta dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, liema nkjesta nbdiet f’Diċembru. Kellu raġun (għalkemm mhux għar-raġunijiet li ġab hu).

Għandi issa għal xiex nilmenta li l-inkjesta dwar il-Panama Papers, li kienet intalbet għall-ewwel darba f’Lulju 2017, għadha sal-lum ma ntemmitx?

Naf li għal Keith Schembri dan ma jimporta xejn.