“X’inbidel?” staqsiet Rosianne Cutajar b’mod retoriku.
Dakinhar li pinġieha bħala kandidata totalment leġittima għall-elezzjoni ġenerali tal-2022, Rosianne Cutajar għamlet tabirruħha li kienet qed temmen id-diskors fieragħ ta’ Robert Abela. Dak iż-żmien, Robert Abela kien stqarr li Rosianne Cutajar kienet għamlet tajjeb għan-nuqqasijiet tagħha dakinhar li nkixfet li kienet f’relazzjoni mhux xierqa u korrotta ma’ Yorgen Fenech u wara li kienet irriżenjat mill-kariga ta’ Segretarju Parlamentari. Kien qalilna li kienet pattiet biżżejjed bir-riżenja tagħha u li kienet ħallset prezz politiku. Kliem bħal dawn għandhom il-ħabta li jlissnuhom kull darba li jinqabdu jiksru l-liġijiet – speċi ta’ privileġġ li jippretendu li għandhom u li jippretendu li jparrtuh mal-konsegwenzi kriminali li jkollu jiffaċċja persuna normali f’ċirkostanzi simili.
Qabel l-elezzjoni tal-2022, Repubblika kienet esprimiet il-fehma li l-Partit Laburista kien messu warrab lil dawk il-kandidati li kienu servew taħt Joseph Muscat u li kellhom responsabbiltà kollettiva għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kif kienu kkonkludew l-Imħallfin tal-inkjesta pubblika qabel dik l-elezzjoni.
Konna ssellifna l-kelma li ntużat fl-Italja meta kienu jirreferu għal dawk il-membri tal-parlament li nqabdu fl-iskandlu msejjaħ “Tangentopoli“. Dawn kienu saru ‘impresentabili’. Jiġifieri ma baqgħux denji li jirrappreżentaw lill-elettorat bħala kandidati ta’ partit politiku li jippretendi li jkollu sehem fil-proċess demokratiku.
M’hemmx dubju li l-elettorat huwa responsabbli għall-għażliet li jagħmel. U jekk l-elettorat jagħżel li “jaħfer” id-dnubiet ta’ politiku li jkun inqabad jixxaħħam, skont ir-regoli tad-demokrazija ħadd ma jista’ jżommu milli jagħmel dan. Madankollu ninsabu konxji tal-limitazzjonijiet tal-karta tal-vot u għaldaqstant għandna liġijiet u konswetudnijiet li jirregolawha. Dawn il-konswetudnijiet huma l-partiti politiċi li qegħdin hemm biex jimmedjaw ma’ u kontra l-għażla ħielsa tal-elettorat bis-saħħa ta’ ċerti parametri għal din l-għażla ħielsa. Li kieku ma kienux jeżistu l-partiti politiċi, nkunu nistgħu nivvutaw biss għal dawk il-kandidati li nkunu nafuhom personalment.
Għal min jafda lill-Partit Laburista b’għajnejh magħluqa, Rosianne Cutajar kienet għażla ideali u eliġibbli, żbaljat kemm tkun żbaljat.
Iżda araw xi ġralhom il-votanti tagħha issa. Illum dawn qed jiġu rappreżentati fil-Parlament minn persuna li m’għadhiex parti mill-partit favorit tagħhom. Għaliex issa din il-persuna hi “indipendenti”. Indipendenti mill-Partit Laburista u mill-votanti tal-istess partit.
Dawn huma affarijiet li jiġru. Iżda Rosianne Cutajar għamlet rimarka importanti dwar il-pożizzjoni tagħha. Ma nbidel xejn minn dakinhar li Robert Abela bierkilha l-kandidatura tagħha sal-lum issa li ħa ħsieb li jkeċċiha mill-Partit Laburista. Hawn min jaħseb li l-“kxif” taċ-chats li kellha ma’ Yorgen Fenech ammonta għal xi aħbar ġdida. Iżda dak li tassew inbidel hu li sirna aktar konxji tal-kurżità li qanqlet l-istorja tal-intimità ta’ bejniethom.
Imn’Alla li min ikollu x’jaqsam sesswalment ma’ rġiel fratas ma jkunx qed jikser il-liġi. Din ma kienitx ir-raġuni l-għala kienet tkeċċiet qabel l-2022 u wkoll wara dik is-sena. Ma kienx aċċettabbli l-fatt li Yorgen Fenech kien dilkilha jdejha bix-xaħam u ftit wara marret taqbeż għalih fil-Parlament (u anki fil-Kunsill tal-Ewropa) u dan mingħajr ma ddikjarat l-interess tagħha bil-quddiem. Lanqas ma kien aċċettabbli meta aġixxiet ta’ sensara fuq tpartit ta’ proprjetà għal seħibha u mbagħad daħħlet f’butha l-flus li kienet qalgħet mingħajr ma ddikjarat dan id-dħul għal skopijiet ta’ taxxa.
Qabel l-2022, dan kollu konna diġa nafuh. Il-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika kien investigaha u kien iddikjaraha ħatja. U kien appuntu WARA li seħħ dan kollu li Robert Abela berkilha l-kandidatura tagħha.
Rosianne Cutajar dan tafu ben tajjeb u m’għandhiex għalfejn tagħmel il-mistoqsija retorika “x’inbidel?” ġaladarba t-tweġiba diġà taf x’inhi.
Il-mistoqsija tagħha fiha aktar x’tomgħod milli wieħed jista’ jimmaġina. Staqsiet x’seta’ nbidel minn ħmistax ilu meta xxandru ċ-chats għall-ewwel darba u meta Robert Abela kien qabeż għaliha, taha l-kenn u x-xandir taċ-chats sejjaħlu bħala att imxajtan ta’ “misoġenija”. Iva, hekk sejjaħlu.
Issa li Robert Abela ddeċieda li jkeċċi vittma tal-misoġenija, tgħid sar misoġenu huwa wkoll?
Din hi lezzjoni li Robert Abela kien messu tgħallem dakinhar li Repubblika tagħtu parir biex jeħles mill-pupazzi ta’ Joseph Muscat. Jekk lill-korrotti tippermettilhom igħadduha lixxa, ikollok terfa’ r-responsabbiltà politika int stess.
Il-kbir tabilħaqq għadu ġej.