Għall-mument immaġinaw li Rosianne Cutajar kienet membru parlamentari Nazzjonalista u mhux politiku Laburista. Din m’hix xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Il-PN ukoll kellu wħud fi ħdanu li kienu nqabdu f’imġieba mhux xierqa u li, bħal Rosianne Cutajar, spiċċaw biex twarrbu mill-partit tagħhom stess. Għalkemm, kuntrarjament għal dak li seħħ fil-każ tagħha, dawn ma damux wisq biex twarrbu.

Issa li ħlomtu b’Rosianne Cutajar ittemm il-karriera politika immaġinarja tagħha fi ħdan il-PN, x’taħsbu li għandu jkun il-pass tagħha li jmiss? Ippermettuli nagħtikom daqqa t’id.

Tiftakruhom lil ċerti politiċi tal-PN li kienu twarrbu mill-partit tagħhom minħabba l-iskandli li kienu mdaħħlin fihom? Minn moħħna jgħaddu l-ismijiet ta’ John Dalli, Jesmond Mugliett, Jeffrey Pullicino Orlando u Cyrus Engerer. Aħsbu ftit dwar fejn kienu spiċċaw  wara li twarrbu mill-partit tagħhom. Iva, qtajtu sewwa: spiċċaw fi ħdan il-Partit Laburista. Darba kien hemm ġurnalista formidabbli li stqarret li tal-Labour kienu saru l-iskip li minnu jinġabru l-politiċi li ma jiswewx karlin.

Li kieku l-istorja kellha tirrepeti ruħha, Rosianne Cutajar bħalissa qed tħejji ruħha biex tingħaqad mal-partit fl-oppożizzjoni.

Ejjew issa nniżżlu saqajna mal-art u nimirħu fid-dinja li ngħixu fiha u li fiha Rosianne Cutajar hi eks politku tal-Partit Laburista. Bħal fil-każijiet ta’ Konrad Mizzi u Chris Cardona qabilha, l-familja politika tagħha tatha l-ġenb. Taħsbu li hemm xi ċans taħt il-kappa tax-xemx li għada Rosianne Cutajar ser titfaċċa fuq il-bankijiet tal-oppożizzjoni u li tissokta l-karriera politika tagħha fuq in-naħa opposta? Ippermettuli nwieġeb: m’hemm ebda ċans li dan iseħħ.

Għalkemm jinsab f’sitwazzjoni infeliċi, nieqes mir-riżorsi u sajjem mill-esperjenza, l-PN huwa mogħni b’biżżejjed diċenza biex joqgħod lura milli jnaddaf id-dnubiet tal-avversarji bi tpartit mal-konverżjoni politika tagħhom.

Dakinhar li Joseph Muscat kien ħaddan miegħu lil John Dalli, x’uħud kienu stħajjlu li l-fehma li l-politika hi l-arti tal-possibbli ngħatat raġun.

Araw issa sa fejn wasslitu din il-fehma.