Lil min ma jaraniex ħelwin, ma nlaqqmuħx li huwa mafjuż kif ġieb u laħaq. Dan m’huwiex xi laqam li joqgħod tajjeb ma’ kull ċirkostanza ostili. Li kieku kellna napplikaw il-laqam b’dan il-mod, inkunu qed inċajpru t-tifsira vera tiegħu u nibdew nagħmlu ħafna għaġeb fuq kollox.
Il-poster li ddendel fil-vetrina tan-negozju ta’ karrozzi sekondaman ta’ Christian Borg li jiddieħek b’Jason Azzopardi kien jixbaħ il-billboards li kien rama’ l-Partit Laburista fi żmien meta Azzopardi kien attiv fil-politika. L-eks mara tiegħu kienet stqarret li hu kien qalilha li kien għamel lejl jitlob fuq il-qabar ta’ Kristu meta fil-fatt kien f’lukanda mas-sieħba tiegħu. Bis-saħħa ta’ din il-gidba matrimonjali, Jason Azzopardi spiċċa f’ilsien in-nies. B’xorti tajba, l-pajjiż ma sema’ ebda skuża bħal dik li ppruvat iġġib Rosianne Cutajar, fis-sens li l-ħajja privata tiegħu kienet ġiet ivvjolata.
Dakinhar li tal-Labour iddieħku b’Jason Azzopardi permezz ta’ kampanja bil-billboards, kienu ppruvaw jisfruttaw il-vulnerabilità ta’ politiku bl-iskop li jweġġgħuh għaliex dan ma waqafx jiqfilhom u jġiegħlhom ikunu kontabbli għal għemilhom bis-saħħa ta’ xogħol assidwu u bil-ħila kollha tiegħu.
Christian Borg, is-sieħeb fin-negozju ta’ Robert Abela u persuna li qed tiġi investigata dwar delitti vjolenti, dwar qerq u gideb u dwar ħtif ta’ persuni, jidher li qatagħha li juża l-metodi tal-Partit Laburista bil-għan li jiskredita lil Jason Azzopardi.
Tafu r-raġuni x’inhi? Jason Azzopardi huwa l-avukat ta’ numru ta’ persuni li kienu xtraw karozzi sekondaman mingħand Christian Borg u li kienu ngidmu minħabba qerq. Dawn tellgħu lil Christian Borg il-qorti bil-għan li jitħallsu tad-danni li sofrew. Għad iridu jġibu l-provi fil-qorti ta’ dawn id-danni.
Christian Borg u, mid-dehra, Joseph Camenzuli – l-fotografu personali ta’ Joseph Muscat – ma jidhirx li ser ikollhom difiża valida x’joffru fil-qorti hekk kif jinġiebu dawn il-provi mill-vittmi tal-qerq tagħhom. U għaldaqstant qed jirrikorru għall-intimidazzjoni bil-għan li jġiegħlu lil dawn il-vittmi jċedu l-armi. Id-ditta ta’ Christian Borg xandret filmati fil-Facebook li llegalment identifikaw il-klijenti mqarrqa tagħha billi għamlet użu minn informazzjoni li kellu f’idejh Christian Borg strettament għall-iskopijiet tan-negozju. Din l-informazzjoni intużat biex tagħmel ħsara u pubblikament tumilja lil dawn il-klijenti.
Il-poster li jġib ix-xbieha ta’ Jason Azzopardi ttella’ bil-għan li n-nies tiddieħek bih. Iżda ttella’ wkoll bil-għan li ġġiegħel lill-klijenti tiegħu jaqtgħu qalbhom li qatt xi darba tista’ ssir ġustizzja magħhom.
Kif sewwa stqarret Monique Agius il-bieraħ, jiżbalja min iqis il-poster bħala mezz biex wieħed “jiddieħak”. M’hemmx ebda satira dwar persuni pubbliċi f’dan kollu. Christian Borg m’huwiex xi artist jew kummentatur dwar kwistjonijiet soċjali. Iżda huwa l-kap ta’ organizzazzjoni kriminali li lesta tuża l-għodod kollha – kemm jekk ikunu legali jew anki illegali kompriz id-dritt tal-kelma ħielsa – biex jilħaq l-għanijiet illegali tiegħu u, f’dan il-każ, biex jimbrolja lill-klienti tiegħu. Din m’hi xejn ħlief azzjoni ta’ intimidazzjoni u ta’ theddid.
Jason Azzopardi rasu iebsa u ma jċedix kif ġieb u leħaq. Iżda jista’ jingħad l-istess għall-klijenti tiegħu?
U xi ngħidu għal dawk kollha li kellhom xi forma ta’ negozju ma’ Christian Borg u li issa ntebħu li ġew milgħuba minnu? Dawn ser ikollhom il-kuraġġ li jħarrku bniedem li ma jiddardarx li jagħmel l-arja għax għandu lil min jaqilgħu u dan sabiex ikunu jistgħu jħarsu l-interessi tagħhom?
Tafu li dan il-bniedem, flimkien ma’ ċorma ta’ manigoldi, kien ħataf u arresta kontra r-rieda tagħha persuna li rieduha li tkun kompliċi fl-imġieba kriminali tagħhom?
Fuq kollox, min għad jitħajjar igħid “le” lil Christian Borg ser jiftakar li Robert Abela jinsab “midjun” ma’ Christian Borg. Kien l-avukat tiegħu u kien għamel kemxa mill-attività tiegħu. Robert Abela għaldaqstant ser jiżgura li Christian Borg jibqa’ bla mittiefes u jibqa’ jgawdi l-impunità biex ikun jista’ jħares l-interessi tiegħu, jagħmel x’jagħmel.
Ta’ min isemmi li, f’dan il-każ, Christian Borg mexa’ fuq il-passi tal-Partit Laburista. Ta’ min isemmi wkoll li, bil-għan li jippruvaw jiskreditawh u jimminawh, lil Jason Azzopardi għamlulu minn kollox biex jisfruttaw il-vulnerabilitajiet tiegħu. Bosta huma dawk li għadhom jaħsbu li, f’dan il-każ, il-Partit Laburista ġab ruħu ta’ partit politiku meta fil-fatt ġab ruħu eżatt bil-mod kif ġab ruħu Christian Borg: jiġifieri bħal dawk il-kriminali li jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex igħattu xturhom billi jippruvaw jiskreditaw u jintimidaw lil dawk li jikxfuhom.
Teżisti rabta bejn il-kampanji storiċi tal-Partit Laburista kontra Jason Azzopardi u l-kampanja ta’ Christian Borg. Hi rabta li tixbaħ dik li teżisti bejn Robert Abela u Christian Borg.
Għaldaqstant hawn għandna organizzazzjoni kriminali li tuża l-għodda tal-intimidazzjoni u tat-theddid bil-għan li tiżgura li tkompli terda’ l-profitti minn negozji leġittimi tagħha u dan billi sserraħ fuq l-aċċess sħiħ li għandha għas-setgħa li għandhom politiċi u uffiċjali li huma kompromessi.