Ġuvnott fl-aħjar tiegħu nqatel midfun taħt xita ġebel u terrapien f’binja mibnija ta’ kafkaf fuq art pubblika. M’huwiex l-ewwel jew l-aħħar wieħed li nqatel sforz it-traskuraġni u r-regħba ta’ ħaddieħor. Iżda d-determinazzjoni qawwija ta’ ommu li ma tippermettix li l-qtil ta’ binha jintnesa’ u jgħaddi mal-oħrajn, irrendiet lil dan il-każ bħala wieħed uniku.

L-eku tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u d-determinazzjoni tal-membri tal-familja tagħha li ssir ġustizzja magħha huwa trasparenti u ovvju.

Robert Abela dan jifhmu sewwa.

Għaliex?

Għaliex jistenna’ li nkjesta pubblika għandha tikkonkludi li l-gvern tiegħu ppermetta l-ħolqien ta’ ambjent li fih il-barunijiet tal-industrija tal-bini li għandhom rabtiet mill-qrib u kontroll fuq persuni mdaħħlin fil-politika, ħassew li jistgħu jagħmlu li jridu, jaqilgħu flus kemm iridu u jqarrqu mingħajr ħadd ma jkun jista’ għalihom. U ħadd ma jkun jista’ għalihom anki jekk dan il-qerq tagħhom isarraf fil-ħsad ta’ ħajjet ġirien, ħaddiema u persuni innoċenti oħra li jkunu għaddejjin mit-toroq għall-affari tagħhom.

Robert Abela jaf li ma jaqbillux li tinġibed konklużjoni bħal din. B’mod speċjali għaliex, min-natura tagħhom, il-konklużjonijiet ta’ inkjesti pubbliċi jixxandru u huma aċċessibbli għall-pubbliku.

Għaldaqtant jinsab f’paniku u xhieda ta’ dan hi l-ittra li huwa bgħat lill-Prim Imħallef il-bieraħ li fiha lmenta dwar id-dewmien li qed ikun hemm biex il-maġistrat tikkonkludi l-inkjesta tagħha. 

L-ewwelnett jeħtieġ li nsemmi kif, permezz ta’ din l-ittra, l-Prim Ministru pprova jqarraq bil-poplu:

  1. F’inkjesta maġisterjali, l-Maġistrat jiġbor il-provi li jistgħu jkunu rilevanti kemm il-darba jittieħdu proċeduri kriminali. Jekk ikun hemm responsabbiltà politika x’tintrefa’ u jkun jeħtieġ li jsiru tibdiliet legali u amministrattivi, dawn ma jistgħu qatt jirriżultaw minn inkjesta maġisterjali u dan għar-raġuni li t-termini ta’ riferenza ta’ inkjesta maġisterjali huma msemmijin fil-liġi u dawn jgħoddu biss b’mod esklussiv għall-kamp kriminali.
  2. Id-dewmien fil-konklużjoni ta’ inkjesta maġisterjali ma jeffettwax il-bidu ta’ proċess kriminali kemm il-darba l-identità ta’ min ikun responsabbli kriminalment tkun diġà ġiet stabilita. Il-Maġistrat m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dan kollu. Il-pulizija tista’ tarresta u tinterroga lil min ikun jidhrilha mingħajr dewmien u l-avukat ġenerali għandu d-dritt li jniedi proċeduri bil-qorti u jħarrek. Minn dan kollu l-Prim Ministru ma semma’ xejn. Kiteb lill-Prim Imħallef għaliex jaf li l-membri tal-ġudikatura qatt ma jwieġbu ittri bħal dawn u għaldaqstant hu jibqa’ dejjem bl-ewwel u bl-aħħar kelma.
  3. Il-Prim Ministru, hu u jikteb li l-Maġistrat kellha biżżejjed żmien biex tikkonkludi l-inkjesta, jaf ben tajjeb li kiteb barkata ħmerijiet. Inkjesti maġisterjali dwar imwiet li jkunu seħħew illegalment idumu aktar miż-żmien li għadda minn dakinhar tal-qtil ta’ Jean Paul Sofia sal-lum. Mhux qed ngħid li dan hu sewwa. Qed ngħid biss li dan huwa fatt sagrosant. Il-Maġistrati huma l-awturi part-time ta’ rapporti ta’ inkjesti. U huma wkoll ġudikanti full time fil-qrati inferjuri. Hi s-sistema li għandna li qed toħloq id-dewmien u l-Maġistrati (kif ukoll il-Prim Imħallef) m’għandhom ebda saħħa li jibdluha. Mill-banda l-oħra, l-Prim Ministru f’idejh għandu din is-setgħa u, permezz tal-Parlament, jista’ jibdel il-liġijiet sabiex titjieb u titħaffef is-sistema tal-ġbir tal-provi.
  4. L-aspirazzjonijiet ta’ omm Jean Paul Sofia huma akbar minn dawk li Robert Abela jaħseb li huma. B’mod mill-aktar ammirevoli, din stqarret kemm il-darba li tixtieq li l-mewt ta’ binha jservi ta’ xprun sabiex fil-ġejjieni jiġi salvat ħajjet ħaddieħor u dan indipendentement mir-responsabbiltà kriminali diretta ta’ dawk li kkaġunaw il-mewt tal-għażiż tagħha. Trid li l-mewt ikun xprun li jġib bidla. U din il-bidla tista’ sseħħ biss kemm il-darba l-fatti jkunu magħrufa minn kulħadd. Minnhom innifishom, l-inkjesti maġisterjali m’humiex aċċessibbli għall-pubbliku u ma jixxandrux. Il-konklużjonijiet tagħhom jkunu aċċessibbli biss għall-Avukat Ġenerali. U huwa l-Avukat Ġenerali biss li għandu s-setgħa li jiddeċiedi x’għandu jseħħ wara li jkunu nġibdu l-konklużjonijiet. Jekk l-Avukat Ġenerali jiddeċiedi li jerfa’ l-provi fuq xkaffa, ma nkunu nistgħu qatt nitgħallmu l-lezzjonijiet li jkun jeħtieġ li nitgħallmu. Għaldaqstant inkjesta maġisterjali li ssir fil-magħluq ma tista’ qatt tissostitwixxi inkjesta pubblika.
  5. Huwa l-Prim Ministru biss li għandu s-setgħa li jordna inkjesta pubblika. Kulħadd għandu d-dritt jilmenta dwar dewmien mal-Prim Imħallef permezz ta’ xi ittra. Kull min kellu x’jaqsam mal-qrati jaf li hemm ħafna fuqhiex wieħed x’jilmenta speċjalment fejn jidħol id-dewmien biex jinqatgħu s-sentenzi. Iżda l-Prim Ministru m’huwiex xi bniedem kwalunkwe. Dan għandu setgħat li ħaddieħor m’għandux. U fost dawn is-setgħat hemm dik li jordna inkjesta pubblika. Ir-responsabbiltà għall-fatt li baqa’ jirrifjuta li jordna din l-inkjesta hi tiegħu. Forsi jista’ wkoll jikteb ittra bl-ilmenti ndirizzata lilu nnifsu.

Hemm min forsi jistaqsi jekk aħniex ser nibdew insejjħu għat-tnedija ta’ inkjesta pubblika kull darba li xi ħadd imut traġikament fuq il-post tax-xogħol. Oħrajn forsi ser jistaqsu jekk aħniex ser nibdew narmaw il-postijiet pubbliċi bir-ritratti tal-vittmi tal-inċidenti u nixgħelu ix-xemgħat kull darba li jseħħ xi inċident. Dan mhux kollu xi ftit iżżejjed? Jew, kif fissirha l-Partit Laburista l-bieraħ – bla mistħija ta’ xejn indirettament igiddeb lil omm Jean Paul Sofia – ser ikun hemm min japprofitta ruħu kontra l-gvern b’mod partiġġjan kull darba li jmut xi ħadd?

F’ċirkostanzi normali, forsi le. Iżda fl-ittra tiegħu, l-Prim Ministru mingħajr ma ried wera’ li min qed jitlob li jingħata rimedju għandu kull raġun għaliex is-sitwazzjoni preżenti hi kollox barra waħda normali.

Permezz tal-ittra tiegħu lill-Prim Imħallef, il-Prim Ministru ppretenda b’mod indirett li l-pubbliku għandu jaqbel miegħu li s-sistema ġudizzjarja f’Malta m’hix taħdem. U għal dan xeħet it-tort fuq l-Imħallfin minkejja l-fatt li dan il-falliment istituzzjonali jaħti għalih hu.

Madankollu, ġaladarba qed naqblu li s-sistema m’hix taħdem, l-kwistjoni dwar min għandu jerfa’ r-responsabbiltà mhix daqstant importanti .

Il-qraba tal-vittmi ta’ mwiet illegali ma jista’ qatt ikollhom fiduċja li fil-fatt seħħ dak kollu li kellu jseħħ biex jiġu evitati l-imwiet tal-għeżież tagħhom, aħseb u ara kemm jista’ jkollhom fiduċja li dawk li huma responsabbli kriminalment u politikament għal dawn l-imwiet għad jieħdu dak li ħaqqhom.

Ħadd – lanqas (bl-ammissjoni tiegħu stess) il-Prim Ministru nnifsu – ma jemmen li għandna sistema li taħdem.

Għalhekk jagħmel sewwa min iqiegħed ir-ritratti u jixgħel ix-xemgħat fuq l-għatba ta’ Kastilja u dan sakemm xi ħadd li ma jkollu ebda rbit mal-gvern jinħatar biex jinvestiga bil-miftuħ x’wassal għall-mewt ta’ Jean Paul Sofia u jingħata s-setgħa li, mingħajr biża’, jġiegħel lil min jerfa’ r-responsabblità.

Hekk biss tista’ sseħħ il-bidla. Uħud minn dawn il-vittmi li sofrew aktar minn ħaddieħor mill-konsegwenzi tal-korruzzjoni u tal-fallimenti amministrattivi – jiġifieri dawk kollha li ommijiethom u wliedhom inqatlu sforz il-korruzzjoni u l-fallimenti amminstrattivi – qegħdin ipattu għall-imġieba ta’ din is-soċjetà ngrata permezz ta’ kampanja biex titjieb il-kwalità ta’ ħajjitna lkoll. Il-ħidma tagħhom hi mmirata biex tevita li jkollna ngħaddu mit-triq doloruża li huma kienu ġew iġiegħla li jgħaddu minnha.

Minflok intilfu fin-niket u talbu l-kumpens, waħidhom u pubblikament dawn ħaduha kontra t-tirannija u l-arroganza li fis-satra tal-lejl tinżel it-taraġ ta’ Kastilja biex ittajjar minn postu ritratt ta’ binhom il-mejjet.

Waqt li l-istat jagħmel l-almu kollu tiegħu biex lil Jean Paul Sofia joqtlu għal darb’oħra, dawn jibqgħu determinati u qalbiena.