L-istat Malti ma jista’ qatt ifittex l-iskużi biex jiffinanzja, jippromwovi u jagħti pubbliċità lil ktieb anti-semitiku li jiskuża lill-Olokawst u li jfaħħar lil Hitler.

L-awtur ta’ “Mein Führer Adolf Hitler, L-Istorja u l-Bijografija” ta’ ġieħ u rringrazzja lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Dan il-fatt waħdu ma jfissirx li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iffinanzja l-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb. Iżda l-fatt jibqa’: dan l-ktieb ġie ffinanzjat jew le? Il-Kunsill għandu jiċħad minnufih li ffinanzjah. Jekk il-Kunsill jibqa’ ma jiċħadx, il-membri tiegħu għandhom iwarrbu. F’demokrazija, l-propaganda Nażista m’għandha tingħata ebda spazju u m’għandu jkun hemm ebda kompliċità jew żbalji innoċenti li għandhom jiskużaw kull uffiċjal pubbliku li jservi ta’ forċina għal dan kollu.

Il-ġimgħa li għaddiet l-awtur ta’ “Mein Führer Adolf Hitler, L-Istorja u l-Bijografija” ġie intervistat fuq TVM u l-intervista għadha tidher fil-website tax-xandar pubbliku. L-editur,il-bord editorjali tal-istazzjon televiżiv nazzjonali, il-producers u l-managers, ippermettew li tixxandar din il-propaganda Nażista. Jien sirt naf biha b’kumbinazzjoni. Jista’ jagħti l-każ li ttamaw li kull min ser isegwi l-intervista ser isir appostlu tan-Nażiżmu. Ma ġara’ xejn.F’demokrazija m’huwiex aċċettabbli għall-istazzjon televiżiv nazzjonali li jagħti din il-pubbliċita kollha lill-anti-semitiżmu, lil min jiċħad l-Olokawst u lil min jixgħal ix-xemgħat tad-devozzjoni f’ġieħ Adolf Hitler.

Ma nafx min huma l-membri tal-bord editorjali ta’ TVM għax dan jidher li huwa sigriet tal-istat. Jeħtieġ li nsiru nafu min huma dakinhar li l-gvern ixandar l-ittri tar-riżenja tagħhom.

Dwar in-Nażiżmu, ma jista’ qatt ikun hemm kompromessi. Jekk m’intix kontra, int kompliċi. Dan japplika wkoll għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u għall-Public Broadcasting Services.