a

It-tielet hekk imsejħa konferenza dwar “l-istat tan-nazzjon” qed titnieda llum presjeduta mill-President George Vella.

Skont stqarrija uffiċjali li ħabbret il-konferenza: “Il-President Vella innota li t-temi li ser jiġu diskussi fil-konferenza ta’ din is-sena huma marbutin direttament mal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin. Dawn jinkludu l-familja, l-mezzi tax-xandir u l-isfidi ġodda li dawn għandhom quddiemhom fis-soċjetà, t-tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi, d-drittijiet u l-ugwaljanza.”

M’hemmx dubju li d-diskussjoni ser tkun waħda interessanti. Għandna nagħtu daqqa t’għajn sewwa lejn il-ħajja komunitarja tagħna fis-soċjetà u għandna niddjalogaw biex intejbu l-kwalità ta’ ħajjitna. S’hawn m’hemm xejn ħażin.

Mingħajr ma rrid dan kollu jfakkarni f’dak il-kappillan li jlaqqa’ n-nies kull ġimgħa biex jitkellem dwar il-futbol filwaqt li jittraskura d-dmirijiet pastorali tiegħu. Jew f’dak it-tabib li, minflok jeżaminak u jippreskrivi l-mediċini, jerħilha joqgħod ikellmek dwar it-tifsira tal-ħajja.

Il-President jista’ jitkellem kemm irid dwar l-istat tan-nazzjon u dan minkejja l-fatt li huwa l-kap tal-istat u mhux il-kap tan-nazzjon. Meta kienet l-aħħar darba li l-President tkellem dwar l-istat tal-istat? Huwa qed isib il-ħin li jinkwieta dwar “it-tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi” tan-nazzjon fi żmien meta l-istituzzjonijiet tar-repubblika tagħna mmexxijin minnu bil-mod il-mod qed jinqerdu?

Meta kienet l-aħħar darba li l-President stqarr li kien bi ħsiebu jsejjaħ konvenzjoni kostituzzjonali bil-għan li jiġu diskussi fil-beraħ ir-riformi li huma meħtieġa għall-qafas tal-istat? Din hi biss mistoqsija retorika għaliex it-tweġiba għaliha hi magħrufa. Kien fi żmien il-pandemija tal-covid li l-President stqarr li l-konvenzjoni, li kienet ilha tiġi mwiegħda mill-2012 meta kien għadu ministru dell tal-oppożizzjoni, kellha tiġi posposta. U wara li Joseph Muscat ħatru President f’April 2019, il-wegħda kien reġa’ tenniha. Meta mbagħad feġġet l-imxija u l-President stqarr li l-konvenzjoni kien jeħtieġ li tistenna. Mhux sewwa li nirriskjaw li mmutu għal wiċċ it-titjib fil-Kostituzzjoni.

Il-marda tal-covid ġiet u marret. U l-wegħda li terġa’ titqajjem diskussjoni dwar ir-riformi fil-Kostituzzjoni baqgħet ma nżammitx.

Illum il-President m’huwiex ilaqqa’ konferenza biex jiġi diskuss in-nuqqas ta’ progress f’dawk li huma riformi fis-saltna tad-dritt li konna wegħdna lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Unjoni Ewropea li nwettqu. M’aħniex ser nitkellmu dwar in-nuqqas tagħna li nibdlu l-liġijiet bil-għan li titħares il-libertà tal-istampa u tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata. M’aħniex ser nitkellmu dwar kif s’issa r-rakkomandazzjonijiet li għamlu l-Imħallfin ta’ inkjesta li nvestigat il-qtil ta’ ġurnalista baqgħu fuq l-ixkaffa.

M’aħniex ser nitkellmu dwar kif l-uffiċċju tal-kummissarju tal-istandards fil-ħajja pubblika ġie ridott għal uffiċċju reviżur governattiv. M’aħniex ser nitkellmu dwar kif l-istazzjon televiżiv nazzjonali sar għodda ta’ propaganda ovvja li dak li kien imexxi s-Super 1 fl-imgħoddi wasal biex qal li TVM issa qed jeżaġera.

M’aħniex ser nitkellmu dwar kif l-avukat ġenerali tat maħfra lil min kien spara fuq uffiċjali tal-pulizija mingħajr ma ħadet xejn lura  bi tpartit ħlief it-tkomplija tal-protezzjoni lil eks ministri.

M’aħniex ser nitkellmu dwar it-theddid li eks prim ministru qed jagħmel fil-beraħ fil-konfront ta’ maġistrat – mhux għax din qatgħet xi kawża kontrih, iżda għaliex sempliċement ġabret provi li jistgħu jintużaw kontrih mill-prosekuturi. Ħaġa li x’aktarx ma sseħħx minħabba l-kapaċità li għandu li jxewwex il-manigoldi.

M’aħniex ser nitkellmu dwar kif il-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet ġiet annullata mill-qorti minħabba qerq u korruzzjoni.

M’aħniex ser nitkellmu dwar kif ebda istituzzjoni ma ħadet passi wara li kien feġġ l-iskandlu tal-Panama Papers fl-2016.

M’aħniex nitkellmu dwar kif il-qrati qed jisimgħu provi dwar każijiet kriminali ta’ arresti li seħħew 20 sena ilu u li qed ikollhom jilliberaw lill-akkużati għaliex ix-xhieda m’humiex igħarfuhom.

M’aħniex nitkellmu dwar kif Yorgen Fenech, wara li għaddew 5 snin mill-arrest tiegħu, għadu qed jistenna’ li jgħaddi ġuri għall-akbar delitt politiku fl-istorja ta’ Malta.

Il-President m’huwiex iħabbel rasu dwar dan kollu. Moħħu biss fin-nar tal-festi u fil-kitba korretta bil-Malti fil-poeżiji.

Qed jinkwieta dwar l-istat tan-nazzjon għaliex ma jridniex ninkwietaw dwar l-istat tal-istat.