Il-gvern għandu ġenn fuqu biex igħatti l-fatt li kien hu stess li kien għatta l-iskandlu dwar il-ħlas ta’ benefiċċji b’qerq. Tat-Times of Malta ma waqfux biss mal-kxif tal-iskandlu u qed jagħfsu lill-gvern biex iwieġeb għall-mistoqsijiet tagħhom. U t-tweġibiet li qed jagħti l-gvern huma kawlata sħiħa.
It-tweġibiet li ħarġu bihom illum il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru tal-Politika Soċjali ma jaqblux.
Skont it-Times of Malta tal-lum:
Robert Abela stqarr li “l-uffiċċju tiegħu f’Kastilja ħa passi mill-bidu nett hekk kif waslulu rapporti dwar l-allegazzjonijiet. Il-każ kien ġie mgħoddi lill-Pulizija u Grixti ġie mitlub jirriżenja mill-Parlament”.
Huwa stqarr ukoll li “l-każ inkixef minn Kastilja u ġie rappurtat lill-Pulizija minn Kastilja”.
Din l-istqarrija hi waħda qarrieqa. Jekk huwa minnu li l-każ kien ġie rappurtat lill-Pulizija minn Kastilja (m’hemmx mod li nsiru nafu jekk dan huwiex minnu jew le), ċertament m’huwiex minnu li l-każ kien inkixef minn Kastilja. Għaliex kien proprju l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li kien għatta kollox.
Fl-20 ta’ Diċembru 2021 it-Times of Malta xandret l-aħbar li Silvio Grixti kien “irriżenja mill-Parlament wara li kien ġie interrogat mill-Pulizija li kienet qed tinvestiga l-ħruġ ta’ ċertifikati tal-mard foloz. Dan l-aħħar it-tabib Grixti ġie interrogat mid-Dipartiment dwar il-Kriminalità Finanzjarja tal-Pulizija u ngħata l-libertà proviżorja.” Dan ir-rapport ġie msejjes fuq informazzjoni li kien akkwista l-ġurnal mingħand min kellu x’jaqsam mal-investigazzjonijiet.
Ma ħarġet ebda stqarrija minn Kastilja dwar dan is-suġġett. Skiet taqtgħu b’sikkina. Ir-riżenja mill-Parlament tat-tabib Silvio Grixti kienet spiċċat taħt id-dell tar-riżenja mill-gvern ta’ Justyne Caruana fit-22 ta’ Diċembru. Dwar it-tabib Silvio Grixti ma kienu qalu xejn. Ċertament ma kienitx Kastilja li kixfet il-każ.
Issa pparagunaw l-istqarrijiet mimlijin ftaħir ta’ Robert Abela mat-tweġibiet li ta l-ministeru ta’ Michael Falzon.
Il-ministeru stqarr li f’Settembru tas-sena l-oħra, l-Income Support and Compliance Division (ISCD) fi ħdanu kien intebaħ b’applikazzjonijiet suspettużi għal għajnuna dwar diżabilità u kien tkellem mal-Pulizija dwar il-possibilità li kienu nħarġu ċertifikati mediċi foloz…
Madwar sena qabel meta kien ukoll warrab mill-Parlament, il-Pulizija kienet interrogat lil Grixti b’rabta mal-każ, iżda l-Ministeru stqarr li qatt ma kien jaf b’dawn l-investigazzjonijiet u kien biss is-sena l-oħra li tfaċċawlu s-suspetti meta sar jaf “b’numru ta’ applikazzjonijiet li dwarhom kien hemm suspett li ġew imsejsa fuq ċertifikati tal-mard foloz”, liema ċertifikati mbagħad ġew mgħoddijin lill-Pulizija biex tkun tista’ tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha.
Hekk sewwa! Il-Prim Ministru jgħid li kien hu li għadda l-każ lill-Pulizija li mbagħad bdiet tinvestiga f’Diċembru 2021 iżda sa Settembru 2022 l-Ministru responsabbli ma kien għadu jaf b’xejn. Fil-fatt, il-ministeru kien reġa’ nforma lill-Pulizija dwar l-informazzjoni li kellu f’idejh, skont ir-rapport imxandar fl-istampa, disa’ xhur wara li l-Pulizija kienu diġà ilhom jinvestigaw u fi żmien meta t-tabib Grixti kien diġà ingħata l-libertà proviżorja.
Robert Abela jew gideb meta stqarr li kien “ħa deċiżjonijiet politiċi” dwar Silvio Grixti jew inkella gideb meta stqarr li “kien hu li kixef il-każ” fl-2021. Naħseb li gideb meta stqarr li kien hu li kien kixef il-każ. Tant m’huwiex minnu li kien hu li “kixef” każ li tgħatta b’tant segretezza li sadattant il-ministeru baqa’ joħroġ u jimposta ċ-ċekkijiet illegali (u, disa’ xhur wara li l-Prim Ministru kien suppost għadda l-każ lill-Pulizija, baqa’ joħroġ u jimposta ċ-ċekkijiet) u ma kien għadu sema’ b’xejn dwar dak li kien qed iseħħ.
Jiena nemmen li fl-2021 Robert Abela kien ħa deċiżjoni politika u ddeċieda li jgħatti l-iskandlu billi jeħles minn Silvio Grixti u jwaħħal kollox fuqu biex b’hekk isalva l-ġilda politika tiegħu u dik tal-ministri tiegħu.
Lill-ġurnalisti Robert Abela qalilhom li “ma kienx bi ħsiebu jikkummenta dwar l-involviment, jew in-nuqqas ta’ involviment, ta’ ċerti persuni għaliex l-investigazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin”. U fl-istess nifs għadda kummenti dwar l-involviment, jew in-nuqqas ta’ involviment, ta’ ċerti persuni u stqarr li “jinsab ċert li ebda membru parlamentari ma kien imdaħħal fl-irregolaritajiet jew ordna lil ħaddieħor iwettaq l-irregolaritajiet”.
Insomma, il-Prim Ministru irnexxielu jikkontradixxi lilu nnifsu f’nifs wieħed.
Dan il-każ mhux ser jieqaf hawn. Aħsbu ftit. Mill-141 każ li għadda quddiem il-qorti, inġabru lura madwar €2.1 miljun. Huwa stmat li għad hemm madwar 600 każ ieħor li għad iridu jgħaddu għal quddiem il-qorti.
Dan l-iskandlu mhux biss huwa wieħed li jqallagħlek l-istonku. Huwa wkoll skandlu enormi li ħadd – saħansitra anki eks membru parlamentari bħal Silvio Grixti – ma jista’ jgħaddiha lixxa minnu.
Immaġinaw li kieku kumitat ta’ każin tal-banda jirriżultalu li madwar €4,000 tal-fondi tal-każin kienu ntużaw biex saru ħlasijiet mhux awtorizzati. Immaġinaw it-taqlib li każ bħal dan iġib fil-każin bl-intervent ta’ biżibilju ta’ regolaturi, aġenziji dwar il-financial intelligence, investigaturi u prosekuturi.
Iżda l-gvern li għandna baqa’ jħallas u jimposta ċ-ċekkijiet maħruġin b’qerq li minnhom gawdew votanti tiegħu li joqgħodu f’ċerti distretti elettorali u l-Prim Ministru mingħalih li ser ibellagħhielna li – ta’ eroj li hu – “ħa d-deċiżjoni politika” li jġiegħel membru parlamentari jwarrab mill-Parlament.
Araw x’kien kiteb Silvio Grixti fil-Facebook dakinhar li rriżenja.
Gideb dwar ir-raġuni tar-riżenja tiegħu għaliex kien jaf li Robert Abela, li suppost kien ġiegħlu jwarrab, ma kienx ser imerih. U spiċċa billi ta l-appoġġ kollu tiegħu lil Robert Abela. Bewsa u tgħanniqa.
Hemm ukoll kwistjoni oħra. Meta f’Diċembru 2021 it-Times of Malta kienet xandret l-istorja għall-ewwel darba, Silvio Grixti kien diġà ġie arrestat, interrogat u meħlus mill-Pulizija bil-libertà proviżorja. Iżda sal-lum – jiġifieri Settembru 2023, baqa’ ma ttellgħax il-qorti minkejja l-provi kollha li għandha f’idejha l-Pulizija li twettqu delitti kriminali meta kien “għen” mijiet ta’ persuni biex jisirqu lill-kaxxa ta’ Malta. Dan il-fatt waħdu jindika li Robert Abela kien intervjena biex jiżgura li saħansitra anki Silvio Grixti (dan biex ma nsemmix ukoll lill-kompliċi tiegħu li hemm fil-gvern) jibqa’ ma jirrispondix għal għemilu quddiem il-liġi.
Meta l-ġustizzja tkun ser tilħaqhom, jagħmlulha l-bsaten fir-roti.