Huwa tassew ta’ sodisfazzjon kbir għalina li t-tliet Imħallfin l-aktar anzjani tal-pajjiż spiċċaw biex qablu magħna u qiesu bħala bla bażi l-argumenti li kienu nġiebu mill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u mill-avukat tagħha – l-Avukat tal-Istat Chris Soler – fis-sens li l-ilment li għamlet Repubblika dwar id-deċiżjonijiet li kienet ħadet Buttigieg li l-każ tal-Pilatus Bank kellu jinstemgħa fil-magħluq.
Dakinhar li l-President ta’ Repubblika Robert Aquilina beda’ jixhed u ta r-raġunijiet tiegħu għala d-deċiżjoni li kienet ħadet l-Avukat Ġenerali li ma tħarrikx lis-sidien tal-Pilatus Bank ma kellhomx mis-sewwa, kemm l-Avukat Ġenerali kif ukoll l-Avukat tal-Istat tgħidx kemm kienu għamlu plejtu. L-inkjesta dwar il-Pilatus Bank kienet diġà ilha tliet snin li ngħalqet u kien il-makku biss li ġie mħarrek. Il-balieni għaddewha lixxa u dan minkejja d-direzzjoni li l-pulizija kienet ingħatat mill-maġistrat tal-inkjesta biex dawn jiġu mħarrka wkoll. Victoria Buttigieg, għal raġunijet li tafhom hi biss, iddeċidiet li s-sidien tal-Pilatus Bank kellhom igħadduha lixxa.
Ir-rapport ta’ inkjesta maġisterjali fit-teorija huwa dokument sigriet. Daqs kemm hi wkoll sigrieta d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma jħarrikx. Madankollu l-liġi tipprovdi li deċiżjoni ta’ Avukat Ġenerali li ma jħarrikx tista’ tiġi mgħarbla mill-Qorti. U dan kien appuntu li għamlet Repubblika: talbet lill-qorti tgħarbel id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma tħarrikx.
Għalkemm ilha tallega li Repubblika ma kellha ebda dritt li tagħmel ilment dwar dan il-każ, s’issa Victoria Buttigieg baqgħet ma xehdet qatt quddiem il-qorti. U qabel ġie trattat il-mertu ta’ dan il-każ, l-Avukat Ġenerali kienet talbet lill-qorti sabiex tiddeċiedi dwar jekk Repubblika kellhiex dritt skont il-liġi li tagħmel l-ilment. X’aktarx li ttamat li twaqqaf il-kawża qabel tiġi mġiegħla tixhed.
Diffiċli li wieħed jipprova jifhem il-għala waħda mill-avukati l-aktar anzjani tal-pajjiż tidher daqshekk anzjuża bil-ħsieb biss li ser ikollha twieġeb pubblikament għall-mistoqsijiet minn fuq il-pedana tax-xhieda. Hu x’inhu, t-talbiet preliminari tagħha kif ukoll it-talba tagħha biex il-każ jinstema’ fil-magħluq ġew miċħuda mill-qorti.
Dawn kienu ġabu l-iskuża li ġaladarba s-sidien tal-Pilatus Bank kienu ħarrku lil Malta quddiem tribunal tal-arbitraġġ internazzjonali u ġaladarba dan l-arbitraġġ jinstema’ bil-magħluq, il-kawża f’Malta kellha tinstema’ fil-magħluq ukoll. Kienu wegħdu li “jippruvaw” iġibu prova dwar dan iżda kulma kellhom il-ħila li jipproduċu kienet ittra li ma kien fiha xejn minn dak li kienet allegat li kien fiha l-Avukat Ġenerali.
M’għandniex xi ngħidu, l-Qorti xejn ma kienet impressjonat ruħha. L-Avukat Ġenerali spiċċat biex appellat u l-Avukat tal-Istat saħansitra talab li anki l-kawża quddiem il-Qorti tal-Appell kellha tistema’ bil-magħluq. L-appell instema’ bil-miftuħ u, skont il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Anzjani Giannino Caruana Damajo u Anthony Ellul, ma kien l-ebda raġuni l-għala l-kawża kellha tinstema fil-magħluq.
L-Imħallfin sostnew li l-ġustizzja kellha tidher li qed issir u għaldaqstant huwa prinċipju ewlieni li l-proċeduri tal-qorti għandhom ikunu trasparenti. U huwa appuntu f’ġieħ it-trasparenza li l-qorti tista’ tgħarbel dak li l-gvern jagħmel fil-magħluq. Il-fatt li l-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat ma riedux li jkun hemm trasparenza u riedu jorbtu lil Repubblika biex ma tikxef xejn minn dak li taf, ma jistax ħlief ifisser li dawn għandhom il-faħam miblul.
Din tal-lum kienet rebħa importanti.
Repubblika kellha lill-avukat Jason Azzopardi jidher għaliha.
Araw il-konferenza stampa li għamlet Repubblika dalgħodu wara li nqatgħet is-sentenza.