Il-bieraħ filgħaxija, numru żgħir ta’ deputati parlamentari ltaqgħu mal-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard li qed jippilota l-liġi li ser iġġib kważi fix-xejn il-proċedura tal-iffriżar temporanju tal-ġid għal dawk li jkunu mixlija b’ħasil ta’ flejjes maħmuġin. Dawn kienu qed jiddiskutu l-liġi fl-istadju tal-kumitat. Jiġifieri dik il-fażi fil-proċess li fiha jiġu mgħarbla l-artikli kollha tal-abbozz u wara l-emendi jgħaddu għall-vot.
Bismarck darba kien stqarr li jkun jaqbel jekk in-nies ma tkunx konxja dwar kif jinħadmu z-zalzett u l-liġijiet. Il-bieraħ kont preżenti fis-sala li fiha kien qed jiġi diskuss l-abbozz fl-istadju tal-kumitat u ħassejt dak li kien antiċipa Bismarck. L-abbozz fih 31 paġna. Ftit minuti qabel bdiet is-seduta, d-deputati bdew jirċievu 18 il-paġna mimlijin emendi għall-abbozz. U l-ministru ppretenda li kellhom bilġri jgħaddu għall-vot dak il-ħin stess. Dawn b’dan il-mod jiddeċiedu d-destin tal-ħatja u ta’ dawk li huma innoċenti.
Dan kollu jien stennejtu li kien ser iseħħ iżda ridt inkun preżenti biex nara b’għajnejja stess.
Immorru ftit lura fiż-żmien. L-iffriżar temporanju tal-ġid jiġi mpost fuq dawk li jkunu mixlijin b’delitti finanzjarji. Wieħed jista’ jgħid li ġidek kollu jiġi ffriżat iżda titħalla tagħmel użu minn ftit minnu biex ikollok biex tgħix u forsi wkoll biex tkun tista’ tħallas l-ispejjeż tal-edukazzjoni tal-ulied u xi djun oħra, partikolarment jekk ma tkunx qed tgħix waħdek. M’għandniex xi ngħidu, int tibqa’ tkun preżunt innoċenti sakemm ma jiġix pruvat mod ieħor. Iżda ġaladarba l-flus faċilment jistgħu jinħbew biex jixxejjen l-effett tal-iffriżar tal-ġid, dan l-iffriżar jitqies bħala miżura temporanja. Dan japplika wkoll għal dawk li jkunu mixlijin bid-delitt tat-traffikar tad-drogi.
Fis-sistema ġudizzjarja Maltija, ħafna drabi dak li jissejjaħ “temporanju” jispiċċa biex jieħu ż-żmien tiegħu. Illum tista’ tiġi mixli u jiġri li jkollok tistenna’ għaxar snin sakemm jinqata’ l-każ tiegħek mill-qorti. Dan ċertament m’huwiex ġust u hemm sentenzi tal-qrati li ddeċidew li m’hemmx proporzjon fid-danni u ħsara li jsofru dawk li fit-teorija jitqiesu innoċenti iżda li jkollhom ġidhom iffriżat.
Minflok emenda l-liġijiet biex iqassar iż-żmien li fih għandha tingħata sentenza, l-gvern għażel li jdgħajjef is-saħħa u l-effettività tal-iffriżar temporanju tal-ġid sal-punt li dan mhux ser jibqa’ ta’ xkiel għall-mixli.
Din il-liġi m’humiex ser igħadduha għal min hu preżunt innoċenti u li jkun ġie ffriżat il-ġid tiegħu sakemm jiġi mgħoddi ġuri. Dawk li jkunu mixlija bi traffikar ta’ drogi ser jibqgħu b’ġidhom iffriżat.
Nikkunsidraw xi ftit kuntest lil hinn mill-Parlament. Jeżistu provi kredibbli u li għal xi żmien ilhom magħrufin pubblikament li jindikaw li Joseph Muscat x’aktarx ser ikollu jiffaċċja akkużi ta’ tixħim u ta’ ħasil ta’ flus b’rabta mal-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet fiż-żmien meta kien prim ministru u anki fiż-żmien ta’ wara li warrab mill-kariga.
Bil-liġi kif inhi llum, il-ġid tiegħu ikollu jiġi ffriżat sakemm jinqata’ finalment il-każ tiegħu fuq medda ta’ numru ta’ snin.
Ilna ngħidu li l-motivazzjoni vera tal-gvern wara dawn l-emendi fil-liġi hi biss biex ikun jista’ jinqeda’ Joseph Muscat.
Il-bieraħ l-oppożizzjoni permezz ta’ Karol Aquilina sfidat lill-ministru, iżda kien hemm ukoll membri oħra tal-oppożizzjoni bħal Joe Giglio, Darren Carabott u Adrian Delia li, huma u jopponu l-manuvra tal-gvern, tkellmu tajjeb u b’mod tassew elokwenti.
Karol Aquilina ppreżenta emenda sabiex il-liġi l-ġdida ma tkunx tapplika għal każijiet ta’ korruzzjoni. Jiġifieri min ikun mixli b’atti ta’ korruzzjoni għandha tibqa’ tapplika għalih il-proċedura tal-iffriżar temporanju tal-ġid.
Dan kollu ġie spjegat lill-Ministru minn Joe Giglio. Lill-Ministru qallu li jekk huwa (jiġifieri l-Ministru) jidhirlu li l-akkuża ta’ traffikar tad-droga tant hi waħda ta’ serjetà kbira li timmerita l-impożizzjoni tal-iffriżar temporanju tal-ġid (ħaġa li l-oppożizzjoni taqbel magħha), din il-miżura għaliex m’għandhiex tapplika wkoll għall-akkuża ta’ korruzzjoni biex b’hekk jingħata sinjal li l-korruzzjoni m’hix tollerata? Giglio fakkar lid-deputati tal-gvern li huma kienu ntroduċew liġi li bis-saħħa tagħha tneħħiet il-preskrizzjoni fuq akkużi ta’ korruzzjoni mwettqa minn politiċi. Għaldaqstant, staqsa Giglio, l-iffriżar temporanju tal-ġid il-għala m’għandux japplika wkoll f’każijiet bħal dawn?
Ħadd ma skanta hekk kif il-membri tal-gvern ilkoll ivvutaw kontra l-emenda tal-oppożizzjoni. Madankollu xtaqt nara b’għajnejja u nisma’ b’widnejja xi skuża kien ser iġib Jonathan Attard. Ma stajtx nimmaġina xi skużi kont inġib li kieku kont liebes iż-żarbun tiegħu. U hekk kif smajt bl-iskuża li ġab, stajt nifhem aħjar.
Dan stqarr li d-delitt ta’ traffikar tad-droga huwa wieħed ta’ min jistmerru u li, f’ċerti każijiet, iġorr miegħu il-piena ta’ ħabs. Skont il-Ministru dan id-delitt iħalli warajh il-vittmi.
Hekk hu.
Iżda l-implikazzjonijiet ta’ stqarrija bħal din huma koroh immens. Jonathan Attard jidhirlu li mal-korruzzjoni m’hemmx għalfejn inkunu iebsin għaliex, skont hu, din ma tħallix vittmi warajha. U b’dan il-mod ser jipproponu li jiġġustifikaw li Joseph Muscat (u l-kompliċi tiegħu) igħadduha lixxa. Speċi ta’ d-delitti li wettqu ma weġġgħu lil ħadd u għaldaqstant m’għandhomx iħallsu ta’ għemilhom.
Nesa’ l-Ministru – jew għamel tabirruħu li nesa’ – li l-korruzzjoni ħalliet vittma li kienet iġġib l-isem “Daphne Caruana Galizia”. Il-Ministru jmissu jaf li min għal darb’oħra jinjora l-konklużjonijiet tal-Imħallfin tal-inkjesta fis-sens li Daphne nqatlet sforz l-impunità ta’ gvern li ried igħaddiha lixxa minkejja l-korruzzjoni, ikun qed ikompli jsaħħaħ din l-impunità.
Dan kollu jmur lil hinn minn normalizzazzjoni tal-korruzzjoni. Dawn issa mhux biss qed jinjoraw il-liġijiet. Qed jeliminawhom totalment. Issa mhux biss qed jonqsu li jieħdu azzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, iżda qed iżarmaw lill-istat innifsu.
Din il-ġimgħa Robert Abela stqarr li Rosianne Cutajar u Justyne Caruana kienu ġew kastigati biżżejjed u li issa jeħtieġ li jerġgħu ikunu attivi fil-politika. Fi kliem ieħor, għal Robert Abela l-abbuż tas-setgħa, bħal meta deputata parlamentari tiffroda u tisraq lill-kaxxa ta’ Malta bis-saħħa ta’ mpjieg fantażma, għandu jinħafer. U jekk ministru tabbuża mis-setgħa billi tiffroda u tisraq lill-kaxxa ta’ Malta bis-saħħa ta’ impjieg fantażma li tkun tat lil ġbinha, tista’ tinħafer ukoll. Fi kliem ieħor, kull min jabbuża mill-poter u jiffroda u jisraq flejjes mill-kaxxa ta’ Malta jkun jista’ jerġa’ lura għall-ħajja pubblika qisu mhux hu.
M’hemmx dubju li Robert Abela jinsab b’dahru mal-ħajt u kellu jirrikorri għal dawn il-persuni ġaladarba li ser ikollu jiddefendi lil Joseph Muscat. Jekk ser igħid li għemil Joseph Muscat kien wieħed skużabbli – u saħansitra ġustifikat – Robert Abela ma jistax jibqa’ jnaffar dawk il-politiċi li hu kien warrab minħabba għemil inqas serju.
Tgħid dan ifisser ukoll li ser isejjaħ lura lil Chris Cardona u lil Konrad Mizzi biex ikun jista’ jaqdi lil Joseph Muscat u jipprova jiskansalu l-ħabs?
Jonathan Attard staqsa dwar jekk kull min jinsteraq minn politiċi korrotti għandux jitqies b’vittma. U jekk Joseph Muscat seraqna lkoll, dan għandu jagħtina d-dritt li neżiġu li għandu jiffaċċja l-ġustizzja? staqsa l-Ministru.
Is-sewwa jpinġuh bħala dak li hu ħażin. U l-ħażin ipinġuħ bħala dak li hu sewwa.