Ftit suġġerimenti lill-Prim Ministru Robert Abela kif għandu jintefaq il-budget:
- Iċ-ċittadini Maltin m’għandhomx bżonn jivvjaġġaw b’xejn fuq il-karozzi tal-linja. Għandna bżonn aktar karozzi tal-linja – biex in-nies ma tistenniex mill-anqas 20 minuta għall-karozza li mbagħad tgħaddi ‘full up’. Oħroġ naqra mill-karozza tiegħek bix-xufier, Prim Ministru, u irkeb il-karozza tal-linja int stess, speċjalment qabel u wara x-xogħol, u ara kemm-il persuna ordinarja ddum tistenna fuq l-istage.
- Qabbad lill-Ministru Ian Borg, biex minflok ikompli jibni t-toroq bla rażan, jara kif se jsolvi l-problema ta’ dawk li diġà jeżistu. Forsi għadu ma ntebaħx li kull darba li tagħmel ix-xita, kull triq – kbira jew żgħira -issir pixxina. Fil-każ, jekk il-Ministru għandu bżonn xi eżempju (u mhux l-agħar wieħed), itolbu jimxi max-xatt tal-Gzira fix-xita u jipprova jaqsam it-triq, jekk il-karozzi ma jimlewhx b’ilma maħmuġ minn rasu sa saqajh sakemm qiegħed jimxi jew jistenna t-traffic lights qabel ma jibda jogħdos fl-ilma. Jekk m’għandux aptit jaqsam, jistenna l-karozza tal-linja għax xorta jxarrbuh.
- Issa li ġejja l-elezzjoni u se tibdew iddaħħlu n-nies għall-impieg qishom pastizzi, agħmel mezz li fost dawk il-kapurjuni bażużli kollha b’paga li tbellhek, ma tinsiex timpjega dawk li, jkun xi jkun il-kulur politiku tagħhom, huma kompetenti f’xogħolhom. Ix-xogħol bażwi li sar fit-triqat – biex anke dawk it-triqat li qabel kienu xotti issa saru xmara – juru fiċ-ċar x’issarraf l-inkompetenza u l-korruzzjoni.
- Mur fuq min qiegħed jippjana t-toroq jew it-tiswija tagħhom u wissihom li qabel ma jdaħħlu xi flus fil-but minn taħt, jippjanaw sew ix-xogħol kollu li jrid isir, biex ma jiftħux triq darba wara l-oħra, darba għal skop u darba għal iehor, ħalli jisirqu aktar flus bl-appalti, iżda jaħsbu wkoll fil-bżonnijiet reali tal-poplu.
- Jekk għandek bżonn flus għall-kaxxa ta’ Malta, oħroġ il-wardens – xemx u xita – u ġegħelhom iwaqqfu kull karozza b’sewwieqa waħedhom fuq il-‘ast lane u jiġbru 50 ewro minn kull wieħed minnhom. Malajr tiġbor kemxa flus – forsi bihom tibda tara kif tirranġa t-triqat.
- Kif qiegħed fiż-żifna, ġiegħel lil Ministru Ian Borg jaqbad lil xi ħadd fil-wheelchair u jieħdu passiġġata mat-triqat. Mhux jagħmel bħal Alfred Sant fil-passat, li qagħad bilqiegħda fil-‘wheelchair’ hu meta qal li ried jieħu xi tip t’azzjoni, imma jimbotta l-wheelchair Ian Borg stess. Forsi wara xi eżerċizzju bħal dan, jibda jifhem xi jfisser ikollok it-triqat bit-toqob u l-bankini għoljin bla post fejn ittella’ l-wheelchair. Fil-każ ma jafx lil min se jimbotta, qabbdu jdaħħal lilek fil-wheelchair u jimbuttak, ħalli forsi t-tnejn li intom tifhmu minn xiex iridu jgħaddu l-familji kull darba li jridu joħorġu lil dawk fosthom li qegħdin f’wheelchair.
- Jekk trid tiffranka l-flus u tħajjar it-turisti, obbliga lil min qiegħed japprova dawn il-kruhat ta’ bini li qegħdin tħallu jittellgħu, iġiegħlu jħallsu lill-iżviluppaturi għax-xogħol kollu ta’ żieda ta’ dranaġġ u ta’ pajpijiet, kif ukoll għall-istallazzjoni u l-manteniment ta’ magni ta’ depurazzjoni tal-baħar. B’hekk, il-bajjiet tagħna ma jibqgħux jitniġġsu u xejn ma jsir bħala prevenzjoni. U waqqaf l-uffiċjali tiegħek milli jaqbduha maż-żgħar li jridu xi washroom, waqt li tħallu lil dawn l-assassini tal-ambjent jgħadduha lixxa.
Dawn huma ftit ideat prattiċi ta’ kif tonfoq u tagħmel il-flus u ttejjeb il-ħajja ta’ dawk li m’għandhomx xufier, u li jippruvaw ma jużawx il-karozza, jekk għandhom waħda. U forsi jekk tibda ġġiegħel dawk li bil-kunsens tiegħek, qegħdin iħassrulna kull sbuħija tal-ambjent u tal-postijiet mibnija f’pajjiżna, li jħallsu għal kull ma jagħmlu (inkluż it-taxxi), forsi nibdew nemmnu li veru taħseb fil-poplu. Għax għalissa, l-impressjoni hija li aħna ċ-ċittadini normali, ilek li nsejtna, u li frankament, tiġi taqa’ u tqum minna lkoll!