Illum l-erbgħa Ewroparlamentari Laburisti Maltin reġgħu sabu ruħhom weħidhom u abbandunati mill-Grupp Soċjalista wara li ttieħed vot fil-Parlament Ewropew li b’maġġoranza kbira ħafna għadda riżoluzzjoni f’għeluq il-5 sena mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li permez tagħha sejjaħ biex tieqaf l-impunità fil-konfront ta’ Joseph Muscat u l-klikka tiegħu.
Is-6 Ewroparlamentari l-oħra li vvutaw kontra r-riżoluzzjoni huma membri tal-Identity and Democracy Party, partit tal-lemin estrem. Christine Anderson, Gunnar Beck, Nicolaus Fest, Maximilian Krah, Joachim Kuhs, and Guido Reil li huma membri li jirrappreżentaw lill-Alternative für Deutschland tal-Ġermanja kienu l-uniċi Ewroparlamentari li appoġġjaw lil Cyrus Engerer, Alfred Sant, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar.
Għal tal-Alternative für Deutschland, l-Unjoni Ewropea m’għandhiex tibqa’ teżisti. Dawn ta’ sikwit jinfexxew f’diskorsi ksenofobiċi u storikament reviżjonisti u ma jemmnux li t-tibdil fil-klima ġabu b’idejh il-bniedem stess.
L-Ewroparlamentari mill-gruppi politiċi l-oħrajn kollha, minn dawk tax-xellug estrem sal-Ħodor, is-Soċjalisti, l-Popolari taċ-ċentru u l-konservattivi tal-lemin, ivvutaw bi ħġarhom u wrew it-tħassib tagħhom għall-impunità li għadhom sal-lum igawdu Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Ir-riżoluzzjoni ssejjaħ ukoll sabiex ikun hemm konsultazzjoni pubblika dwar ir-riformi li, skont il-gvern, ser isiru sabiex jitħarsu u jiġu protetti l-ġurnalisti.