Dan li ġej ma ktibtux sabiex nirribatti dak li kiteb Raphael Vassallo l-bieraħ. Il-fehmiet tiegħi ma nfassalhomx apposta sabiex nirribatti lil min l-espressjoni “niġi, naqa’ u nqum” għamilha l-alla tiegħu.

Mhux ser insejħilhom raġunijiet, iżda jekk ma tridx tibqa’ tinkwieta u fl-istess ħin tħoss sodisfazzjon tisma’ li l-uniċi ewroparlamentari li vvutaw flimkien ma’ erba’ mis-sitt membri Maltin huma faxxisti Ġermaniżi li għandhom nostalġija kbira għall-glorja ta’ żmien il-Waffen-SS, għandek toqgħod fuq il-parir ta’ Raphael Vassallo.

Għaliex għandu jimpurtana, staqsa Raphael Vassallo, li tant riżoluzzjonijiet li saru fl-imgħoddi mill-Parlament Ewropew li kienu sejħu biex, f’ġieħ id-demokrazija, tintemm l-impunità baqgħu jiġu injorati minn Malta? Għaliex skont il-loġika fina ta’ Raphael Vassallo, ġaladarba l-Ewropa ma tistax timponi s-saltna tad-dritt fuq Malta, għandna nibqgħu niġu, naqgħu u nqumu li l-Ewroparlamentari għal darb’oħra reġgħu għaddew riżoluzzjoni dwar pajjiżna.

Raphael Vassallo mingħalih li r-riżoluzzjonijiet dwar Malta huma xogħol skadut u sostanzjalment irrepeta dak li stqarrew l-ewroparlamentari Laburisti Engerer, Sant, Agius Saliba u Cutajar.

Naħseb li xogħol skadut huwa l-isforz ta’ dawn l-erba’ u ta’ sħabhom il-faxxisti Ġermaniżi.  Għaliex li kieku l-4 ewroparlamentari Laburisti kellhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom bħala ċittadini Ewropej li jmorru igħixu fil-Ġermanja biex jikkonvinċu lill-Ġermaniżi li kulħadd għandu jiġi, jaqa’ u jqum, kunu ċerti li kienu jkeċċuhom dritt ‘il-barra mill-pajjiż bla kliem u bla sliem.

Saħansitra anki dawk il-fanatiċi tal-Labour li ta’ sikwit itellgħu l-kummenti fil-mezzi soċjali jafu fil-fond ta’ qalbhom li bilfors hemm xi ħaġa li m’hix sewwa hekk kif semgħu li s-Soċjalisti kollha tal-Parlament Ewropew dehrilhom li ma setgħux jaqblu mal-pożizzjoni tal-erba’ ewroparlamentari Laburisti Maltin.

Jien tal-fehma li, kuntrarjament għal dak li jaħseb Raphael Vassallo, l-vot li ttieħed illum huwwqa wieħed ta’ importanza. Madankollu huwa minnu li ma ntqal xejn ġdid minn dak li ilu jintqal għal 5 snin sħaħ. Din hi appuntu r-raġuni għala jeħtieġ li nerġgħu nirrepetu dak li ilu jintqal.

Kull darba li sseħħ xi ħaġa bħal din, ikollna niftakru li r-reputazzjoni ta’ Malta f’għajnejn id-dinja m’hix ser titjieb kif ġieb u leħaq. Ir-reputazzjoni tagħna tibda’ tissewwa’ kemm il-darba jkollna l-ħila nuru lid-dinja li aħna pajjiż serju, li bi ħsiebna ndaħħlu riformi serji u li dawk kollha li kienu mdaħħlin fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ser ikollhom iwieġbu għal għemilhom.

Forsi Raphael Vassallo u jien nistgħu naqblu li r-riżoluzzjonijiet m’humiex ser isibulna tarf tal-problemi. Iżda dawn igħidulna ripetutament li jeħtieġ li nsibu tarfhom.

M’għandniex għalfejn ikollna min jimponi fuqna s-saltna tad-dritt. Is-saltna tad-dritt għandna nkunu aħna stess li nimponuha fuqna nfusna.

U hemm bosta li m’humiex ser joqgħodu jistennew sakemm Robert Abela jintebaħ li din ir-riżoluzzjoni hi importanti daqs dawk ta’ qabilha u li, għal darb’oħra, ma rnexxilux jikkonvinċi lid-dinja – jew għall-inqas lill-Partit Soċjalista Ewropew – li tassew għandu r-rieda li jġib il-bidla f’pajjiżna. Bidla li permezz tagħha jkun jista’ jsib tarf il-kaġun kollu ta’ dak li wassal għall-assassinju ta’ Daphne.

Nhar il-Ħadd li ġej ingħaqad magħna.

Il-bidla nistgħu naslu għaliha. Mhux biżżejjed li noqgħodu ngergru biss dwar l-aħħar dehra patetika ta’ Robert Abela fuq ix-xandir li jinsab taħt il-kontroll tiegħu.