F’intervista ma’ Times Talk illum Robert Musumeci kompla jiddefendi bis-sħiħ lil Adrian Delia. Minkejja l-fatt li bosta minna la huma avukati u lanqas periti jew lanqas it-tnejn f’daqqa, ma tridx wisq biex tintebaħ x’hemm mistur wara din id-dikjarazzjoni ta’ Robert Musumeci. Dan jaqbillu u għandu interess li jara li l-affarijiet jinżammu kif inhuma biex b’hekk il-PN jibqa’ jagħżaq fl-ilma.

Iżda, għal mument, ejjew ninsew dan kollu u nwarrbu fil-ġenb il-motivazzjonijiet li x’aktarx għandu Robert Musumeci meta jitkellem b’dan il-mod u fl-istess waqt nagħmlu tabirruħna li tħaddet bis-sinċerità.

Dan stqarr li m’hix ħaġa sewwa li, permezz ta’ investigazzjoni, iseħħ l-assassinju politiku ta’ xi ħadd li jista’ “ma jkollokx grazzja miegħu”. Dan l-argument fil-fatt huwa sempliċi ħafna. Theresa May ikollha twarrab jekk xi ħadd jivvinta allegazzjoni? Tkun tista’ teħles minnha billi toħloq stejjer foloz u fabbrikati? Tkun tista’ ssejjaħ għal investigazzjoni biex iġġiegħelha “tagħmel dak li hu sewwa u twarrab”?

Min jagħmel dawn il-mistoqsijiet ikun qed jassumi ħaġa li hi fil-fatt korretta daqs kemm hi wkoll tal-waħx: li min imexxi l-entitajiet dwar l-infurzar tal-liġijiet ma jgħarbilx il-kwalita’ u l-kredibilita’ ta’ allegazzjoni li ssir u li kull allegazzjoni li ssir tiġi trattata bl-istess kejl.

Din hija kwistjoni ta’ tħassib kbir, mhux biss għall-politiċi. Nieħdu bħala eżempju allegazzjonijiet dwar vjolenza domestika. Li kieku kelli nallega li Theresa May hi ħatja ta’ vjolenza domestika, qabel tibda’ tinvestiga l-pulizija m’għandhiex tieħu in konsiderazzjoni l-fatt li din il-bniedma jien qatt ma ltqajt magħha wiċċ imb’wiċċ? F’dan il-kuntest, l-allegazzjoni tiegħi l-pulizija m’għandhiex tkejjilha b’kejl differenti minn dak li bih tkejjel allegazzjoni simili li ssir minn żewġha u minn uliedha?

Allura, skond ir-raġunar ta’ Robert Musumeci, hi u tiffaċċja akkużi ta’ vjolenza domestika – li hi tiċħad bis-sħiħ – id-dmir ta’ Theresa May li ġġib ruħħa b’mod korrett għandu jinbidel meta l-allegazzjoni ssir minn xi ħadd li lanqas qatt ma ltaqa’ magħha jew jekk issir minn xi ħadd li għex magħha għal snin twal?

Madankollu l-eżempju li ġabet l-intervistatriċi biex tmeri lil Robert Musumeci ma kinitx dwar xi allegazzjoni fil-konfront ta’ Adrian Delia dwar vjolenza domestika. Kienet qed tirreferi għall-investigazzjoni li tinsab għaddejja mill-FIAU dwar ħasil ta’ flus. U kien appuntu f’dan l-istadju li Robert Musumeci stqarr li politiċi m’għandhomx jitwarrbu mill-kariga minħabba investigazzjoni li qatt ma kien messha nbdiet.

U f’dan l-istadju wkoll iqumu mistoqsijiet dwar l-infurzar tal-liġijiet. Tagħmel sew dik l-aġenzija tal-infurzar tal-liġijiet li twarrab dawk l-allegazzjonijiet manifestament foloz li jkunu saru apposta minn persuni malinni bl-iskop li jħammġu jew jagħmlu ħsara lil ħaddieħor. Iżda dan ma jgħoddx għal dawk l-allegazzjonijiet li oġġettivament jimmeritaw investigazzjoni.

Mill-perspettiva legali, int innoċenti sakemm jiġi pruvat li int ħati. Iżda jasal stadju li fih persuna tispiċċa taqa’ taħt suspett li wettqet reat kriminali. F’pajjiżi oħra, meta jasal dan l-istadju persuna tiġi infurmata formalment li tinsab taħt investigazzjoni. Xorta tibqa’ meqjus innoċenti iżda tiġi mgħarraf li qed tinġabaru evidenza li tista’ tintuża quddiem qorti biex tiġi pruvata l-ħtija tiegħek.

Ft tmiem proċess bħal dan, jista’ jkun hemm riżultati differenti. Min ikun qed jinvestiga jista’ jintebaħ li l-provi juru li int innoċenti u għalhekk ismek ikun jista’ jitnaddaf. Jista’ wkoll jirriżultalu li hemm provi li jwasslu għall-ħtija u jmexxi bil-qorti kontrik. U hawn il-qorti tista’ ssibek jew ħati jew inkella innoċenti u tilliberak. Min jinstab ħati mbagħad ikollu dritt li jappella mis-sentenza.

F’dawn ix-xenarji kollha, jista’ jiġri li kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll il-qorti ma jkunux f’pożizzjoni li jippruvaw it-twettiq ta’ reat kriminali – dan pero’ ma jfissirx li l-innoċenza tal-akkużat tkun ikkonfermata. Jafu li int wettaqt reat kriminali iżda m’għandhomx il-mezzi biex dan jippruvawh.

Bir-raġunar tiegħu Robert Musumeci qed ifisser żewġ affarijiet. Minn banda jista’ qed igħid li politiku għandu jwarrab mill-kariga biss wara li jkun instab ħati mill-qorti. Jekk qed jirraġuna b’dan il-mod, dan ifisser li qed jitbiegħed mil-livelli ta’ mġieba li tesiġi kull demokrazija tal-punent mingħand persuna pubblika.

Mill-banda l-oħra jista’ qed igħid li f’pajjiżna l-aġenziji investigattivi jistgħu jibdew l-investigazzjonijiet mhux għaliex dawn ikunu msejsa fuq evidenza u fuq suspetti raġjonevoli iżda għax ikunu motivati politikament. Issa diġa’ nafu li dan huwa l-każ. Kif kien stqarr ħmistax qabel l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia dak li kien Prim Imħallef – Silvio Camilleri – qed nilgħabu man-nar u qed nirriskjaw li naqgħu taħt ħakma tad-delinkwenti.

Il-liġi qed tiġi wżata bħala għodda biex tipprova tkisser lil min ma jaqbilx mal-gvern: mill-VAT audits li saru biex jippruvaw isikktu lil Daphne Caruana Galizia sal-“famuża” investigazzjoni fuq tal-Occupy Justice talli dawn wettqu “reat” għax użaw flus biex jinxtraw fjuri u xemgħat mingħajr il-permess tal-gvern.

Kellmu lill-membri ta’ xi professjoni: dawn jistgħu malajr igħidulek kif iż-żelu tar-regolaturi tal-FIAU għall-investigazzjonijiet jikber u jiċkien skond il-każ. Jekk m’intix wieħed minn tal-klikka Tagħna Lkoll, ħalli għalihom biex jaqbdu miegħek bla ħniena.

Dan kollu ilna nafuh. Iżda hija ħaġa tal-iskantament li, minn fuq il-pulptu tal-Labour, jiġi Robert Musumeci jammetti ħaġa bħal din hu u jiddefendi lil Adrian Delia. Dan qed jammetti li, għal raġunijiet politiċi, aġenziji tal-infurzar f’Malta qed jiġu wżati mill-għedewwa politiċi ta’ min hu innoċenti.

Hemm ħaġa oħra li jsemmi Robert Musumeci: dan stqarr li anki meta jkun hemm provi dwar reat kriminali u kundanna mill-qorti, dawk il-politiċi li “l-poplu” jkun iridhom, m’għandhomx jiġu mġiegħla jwarrbu.

Min jirraġuna b’dan il-mod ikun qed imur lil hinn sew minn dak li hu kunsidrat aċċettabbli f’demokrazija. Min jagħti priorita’ lill-vot popolari fuq it-twettiq tal-ġustizzja jkun qed igħolli lill-populiżmu fuq pedestall u jidfen lis-saltna tad-dritt. Fi kliem aktar sempliċi, Robert Musumeci jgħid li l-liġi m’għandhiex tgħodd għal min hu popolari fost il-poplu.

Din l-idea tal-waħx ma ħariġx biha għall-ewwel darba Robert Musumeci. Kien Silvio Berlusconi li fl-Italja ħareġ bil-prinċipju li, biex tiskansa l-ħabs, l-ewwel ikun jeħtieġ li ssir prim ministru. Dan kien biss l-ewwel pass fi proċess li qed iċajpar id-differenzi bejn il-korruzzjoni politika, il-kriminalita’ organizzata, l-arroganza tal-poter u n-namrar mingħajr mistħija mal-faxxiżmu.

Robert Musumeci m’huwiex waħdu. Miegħu hemm oħrajn li, filwaqt li qed jippruvaw ikissru l-prinċipju li min jidħol għall-ħajja pubblika għandu jkollu livell aktar għoli ta’ mġieba, qed jippruvaw idaħħlu l-idea awtoritarja li bis-saħħa tal-voti u taċ-ċapċip, il-liġijiet tal-pajjiż ma jibqgħux igħoddu għalik ukoll. Bil-konsegwenza li min huwa politikament korrott ikun ma jista għalih ħadd.

Meta bdejt nikteb dan l-artiklu stqarrejt li ma kontx bi ħsiebni ngħarbel ir-raġunijiet għaliex Robert Musumeci qal dak li qal.

Iżda meta jsemmi t-tielet punt tiegħu, Robert Musumeci jikxef il-karti hu stess meta ttanta joħloq rabta bejn Adrian Delia u Joseph Muscat – li Musumeci jqishom it-tnejn bħala vittmi ta’ allegazzjonijiet foloz.

Dan id-diskors qalu fl-istess nifs hu u jistqarr li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġijiet u l-qrati f’Malta qed jintużaw politikament biex jiġu skreditati l-politiċi. Ma jfissirx dan allura li l-istess entitajiet tal-infurzar tal-liġijiet u l-qrati jistgħu ukoll jintużaw biex, bħalma diġa’ għamlu fil-każ ta’ Joseph Muscat, lill-ħatja jħalluhom jgħadduha lixxa?

Wara kollox, skond il-kejl ta’ Robert Musumeci, il-popolarita’ ta’ Joseph Muscat għandha teżentah milli jħares il-liġijiet bħal ħaddieħor. “Għax iriduh in-nies”.

Tal-aħħar. Wara li jistqarr li mhux rilevanti kemm huma veri jew le l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront ta’ Adrian Delia, għaliex Delia huwa popolari u jriduh in-nies, Robert Musumeci jgħaddi biex jagħti parir lil Adrian Delia u jħeġġu biex minnufih jieħu passi kontra min qed jagħmel l-allegazzjonijiet.

Hemm x’tifhem f’dawn ir-rimarki. Jidher li qed itih parir biex iniedi proċess ta’ persekuzzjoni kontra dawk fil-PN li ma jaqblux li mexxej, li ma’ wiċċu għandu allegazzjonijiet bħal dawk li qed jiffaċċja Adrian Delia, m’għadux jerfa’ r-responsabbilta’ politika.

Ma tridx wisq għerf biex tintebaħ il-għala Robert Musumeci qed igħid dan kollu. Eżatt bħal dawk it-talin li hu jaf sew li jikkontrollaw l-aġenziji tal-infurzar biex jaġixxu fl-interess tal-Partit Laburista, Musumeci hu wieħed minn dawk li jimmanipulaw lil Adrian Delia biex jagħmel l-istess.

Ħadd aktar minnu m’hu kuntent jara lill-Partit Nazzjonalista jegħreq ma kull jum li jgħaddi.