Mibgħuta minn xi ħadd li identifika ruħu miegħi:
Onorevoli Dr. Delia,
Fis-29 ta’ Ġunju tal-1982, nhar l-Imnarja, (meta allura int kont se tagħlaq t-tlettax-il sena), sitt mitt Nazzjonalist kienu mkeċċija mix-xogħol għax obdew direttiva tal-Partit. Jien kont wieħed minnhom. Niftakar għaddejt sajf li lanqas kont kapaċi nixtri ġelat lit-tfal. Kont niddependi għall-għixien tal-familja fuq persuni ġenerużi li offrewli xogħol għal ftit jiem u fuq oħrajn li kienu jitfgħuli l-flus fil-letter box.
Dak inhar kellna lil Dr. Eddie Fenech Adami, politiku li fi żmien erba’ snin dawwar il-maġġoranza favur il-PN. Kien jimlina bil-kuraġġ għax hu kien l-iżjed wieħed kuraġġuż.
Jekk tħares lura għandek dejjem issib persuni ta’ integrita’ u maturita’ politika li għamlulna ġieħ kbir u li servew bħala Kap tal-PN: Nerik Mizzi (li l-motto tiegħu kien dejjem: “Nirreżistu, nirreżistu”, u li bena il-PN mill-ġdid); Dr. George Borg Olivier (Missier Malta Indipendenti), lil Dr. Eddie Fenech Adami (il-Prim Ministru li daħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropeja), u lil Dr. Lawrence Gonzi (li kien kapaċi jżomm lil Malta barra minn reċessjoni u li kiseb 1.2 biljun Euro mill-EU u li qegħdin jitgawdew ISSA mill-Maltin kollha). Qatt ġietek ix-xewqa li tqabbel ruħek ma’ xi wieħed minn dawn? Jekk le, ismagħni ftit.
X’kienu s-suċċessi tiegħek kemm ilek Kap tal-PN? Ejja ngħodduhom. It-total huwa 0. X’kienu d-disfatti s’issa? Huma żgur aktar mis-suċċessi tiegħek. Insemmu t-tkeċċija għaġġelija ta’ Dr. Simon Busuttil (li xi ħadd forsi qallek tagħmel u inti, bl-immaturita’ politika tiegħek, obdejtu b’għajnejk magħluqa), il-qassata li għamilt fil-każ ta’ Dr. Kevin Cutajar u r-riżultati tal-biki tal-aħħar elezzjonijiet fejn kont il-Kap tal PN. Irnexxilek li titlef ukoll il-fiduċja tas-Siġġiewin meta dan il-post kien dejjem b’maġġoranza Nazzjonalista.
Bħalissa il-PL qiegħed jiddefendik. Eżatt bħal dak il-bojja li jifraħ lill-ikkundannat kemm għandu għonqu sabiħ.
Jekk tħoss li għandek ‘in-Nazzjonalisti warajk, jew aħjar ‘it-tesserati warajk – għax kienu huma li tellgħuk Kap – għaliex ma ssejjaħx għal vot ta’ fiduċja tagħhom? Jekk qiegħed tibża’ – kif naħseb li fil-fatt int, għax kieku diġa’ sejjaħt għal dan il-vot-allura m’hemmx dubju li inti, bħala politiku, beżżiegħ. U għall-beżżiegħa m’hemmx post fil-politika. Barra minn hekk, jekk ma ssejjaħx dan il-vot għax taf li tista’ titlef postok tkun qed tpoġġi l-interessi personali tiegħek qabel dawk tal-PN u ta’ Malta.
Nistaqsi jien: Aħna tal-Imnarja 1982, u dawk l-eluf, li bejn l-1981 u l-1987, batew b’kull mod li wieħed jista’ jaħseb biex naraw li f’pajjiżna jaħkmu l-liberta’, il-ġustizzja u s-serħan tal-moħħ, jixirqilna lilek bħala Kap tagħna, il-Kap tal-PN? Qatt, qatt u qatt. On. Delia, inti għadek tista’ tagħti s-sehem tiegħek fil-politika fi ħdan il-PN, imma mhux bħala l-Kap.
On. Delia, ikun aħjar għalik li tirriżenja minn rajk. B’hekk biss tista’ ssalva l-ġieħ politiku tiegħek. Tħallix li jaslu l-festi ta’ l-Indipendenza u tkun għadek mexxej. Lejliet il-21 ta’ Settembru, 2019, il-Fosos żgur se jibqgħu vojta. Forsi, b’hekk biss tiġi f’sensik u tinduna li taħt it-tmexxija tiegħek il-PN wasal fil-qiegħ.
Nagħlaq din l-ittra billi nikkwota lil Oliver Cromwell li, f’April tal-1653, temm hekk id-diskors tiegħu lill-parlamentari: In the name of God, go!
Dejjem tiegħek,
Spartacus