Qed jidher xaqq dawl fil-kriżi li għaddej minnha l-Partit Nazzjonalista

Adrian Delia qatt ma kellu xi forma ta’ kontroll fuq il-partit tiegħu. Il-fatt li se jkollu jiffaċċja vot ta’ fiduċja quddiem il-Kunsill Ġenerali – vot li huwa stess iddikjara li ma riedx jiffaċċja dwar jekk għandux ikompli jew le bħala kap tal-partit – m’hi xejn ħlief turija ċara li n-nuqqas ta’ kontroll m’huwiex limitat biss għall-Grupp Parlamentari. Hemm numru sostanzjali ta’ attivisti tal-partit li huma lesti li jisfidawh fil-beraħ bis-saħħa ta’ petizzjoni ffirmata minnhom.

Jekk il-maġġoranza tal-Kunsilliera tal-Partit jiddeċiedu permezz ta’ vot sigriet li għandu jdabbar rasu, hemm grupp ieħor ta’ persuni li Adrian Delia m’hemmx dubju ser jipprova jserraħ fuq l-appoġġ tagħhom billi jmur igħid li l-Kunsilliera kienu għażluh biex jikkontesta t-tellieqa finali u li issa mhux rilevanti l-fatt li bosta minnhom reġa’ bdielhom dwaru.

Għaliex kienu t-tesserati li kienu għażluh u allura jkun fid-dmir li jkun lejali lejhom billi jibqa’ fejn hu.

M’għandniex xi ngħidu, raġunar bħal dan qajla jagħmel sens. Araw ftit kif juża l-istess loġika meta jirreferi għall-Grupp Parlamentari. Qal li jiġi jaqa’ u jqum jekk il-Grupp Parlamentari jappoġġjaħx jew le. Fil-fehma tiegħu, il-membri ta’ dan il-Grupp huma fid-dmir li jappoġġjawh anki jekk huwa ma kienx l-għażla tagħhom: kienu t-tesserati li mponewh fuq il-membri tal-Grupp u dmirhom hu li jbaxxu rashom.

Għad nisimgħu li din il-loġika għandha tiġi mposta wkoll fuq 1,500 Kunsillier.

Din il-loġika m’hi xejn ħlief negazzjoni tar-realtà. Jekk il-PN jitlef is-sħubija ta’ numru ta’ tesserati, il-vijabilità tal-partit – xi ftit jew wisq – mhux se tkun effettwata ħażin. Tifhmunix ħażin. B’daqshekk m’jinix ngħid li jkun tajjeb jekk isseħħ xi ħaġa bħal din jew li jkun ta’ ġid jekk iseħħ dan kollu. Madankollu jeħtieġ li nifhmu l-kuntest.

Ipparagunaw xenarju bħal dan li għadni kemm semmejt ma’ xenarju li fih il-PN jitlef l-appoġġ ta’ wħud mill-membri parlamentari fil-Parlament. Jekk dan kollu jseħħ waqt li partit ikun fil-gvern, żvilupp bħal dan ikun wieħed katastrofiku. Jekk partit ikun fl-oppożizzjoni, fl-aħjar ipotesi xenarju bħal dan ikun ta’ ħsara kbira.

Min naħa l-oħra, meta partit ikun tilef għexieren ta’ eluf ta’ voti ta’ persuni li qatt ma kienu membri f’xi partit iżda li minn dejjem ivvutaw għall-istess partit, il-tellieqa għall-kisba tas-setgħa ssir kważi impossibbli li tintrebaħ.

Il-membri tal-Kunsill Ġenerali m’huma xejn ħlief l-intermedjarji bejn il-votanti u dawk li jiġu eletti minnhom. Mexxej ta’ partit li jkun mingħalih li jista’ jmexxi kampanja ta’ suċċess mingħajr l-appoġġ sħiħ tal-attivisti membri tal-Kunsill Ġenerali ma jafx x’ikun qed igħid.

Ftit ġimgħat wara l-elezzjoni tal-2017, kont ktibt artiklu f’The Sunday Times of Malta dwar il-ħidma tal-Labour fost il-votanti. Kont ktibt li tal-Labour kienu għamlu tajjeb għall-eluf ta’ voti li kienu tilfu minħabba l-korruzzjoni, bis-saħħa ta’ kampanja effettiva ta’ laqgħat wiċċ imb’wiċċ mal-votanti.

F’dik l-analiżi kont ktibt ukoll li, sa mill-1996, ingħatat aktar importanza għall-kampanji mmexxijin mit-televiżjoni u mill-midja soċjali u dan a skapitu tal-makna effiċjenti li kien bena’ l-Partit Nazzjonalista fis-snin 70 u 80 – makna li kienet tikkoordina il-ħidma ta’ mijiet ta’ persuni prattikament f’kull triq f’kull lokalità – u li spiċċat ġiet traskurata.

Biex jirbaħ elezzjoni, partit ikun jeħtieġ li jkollu l-ħila li jġiegħel lin-nies tiegħu jivvutaw u, f’dan ir-rigward, it-televiżjoni u l-media soċjali m’humiex daqstant effettivi.

Wara l-elezzjoni tal-2017, il-PN suppost kellu jindirizza din il-problema – problema li kienet diġà bdiet tqajjem rasha fiż-żmien meta Eddie Fenech Adami kien qed iħejji ruħu għar-rebħiet kbar li kiseb fl-1998 u fl-2003. Snin li fihom l-attenzjoni ngħatat lill-gvern aktar milli lill-partit. Snin li fihom tfasslet il-politika għaqlija dwar id-dħul fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona Ewro. Snin li fihom akkumulaw id-djun u nħass in-nuqqas ta’ finanzi. Snin li fihom kien hemm min spiċċa diżappuntat għax ingidem minħabba ċerti deċiżjonijiet politiċi. Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha servew biex komplew dgħajjfu l-komunikazzjoni bejn il-partit, il-kumitati sezzjonali u l-votanti.

It-tmexxija l-ġdida tal-PN li ħadet ir-riedni wara l-elezzjoni tal-2017, din il-problema lanqas biss xammitha, aħseb u ara kemm ħadet ħsieb biex issib tarfha.

Minn naħa tagħhom, il-membri tal-Kunsill Ġenerali – is-suldati tal-partit – ġew mgħotija l-ġenb u bosta minnhom ċedew l-armi. Kienu mhux ftit dawk li sabu ruħħom intimidati minn grupp ta’ persuni li għalihom il-mexxej il-ġdid sar l-“alla” tagħhom.

Jekk dawn il-kunsilliera se jibqgħu jiġu injorati, il-partit se jispiċċa jkollu qasma bejn dawk tad-Dar Ċentrali u l-membri tal-kumitati sezzjonali li s’issa baqgħu jiġru wara n-nies biex jipperswaduhom jivvutaw PN iżda li m’hemmx garanzija li ser tibqagħlhom il-ħeġġa li jkomplu jagħmlu dan.

Minn dak li qed jinkiteb mit-trolls tiegħu, nistgħu nikkonkludu li Adrian Delia qed ilesti ruħu għal konfront distruttiv. Frank Portelli, wieħed mis-segwaċi ferventi tiegħu, lil dawk li sejħilhom bħala “illuminati” (jiġifieri dawk li m’humiex lesti jsallu u jixgħalu x-xemgħat quddiem ix-xbieha ta’ Adrian Delia) qalilhom li l-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-PN ma jistgħux iwaqqgħu vot tat-tesserati.

Beżaqha. Din ir-‘rivoluzzjoni’ fil-PN taf twassal għat-tmiem loġiku tagħha. Bil-gwerra ċivili li tinsab għaddejja bħalissa, bid-deputati parlamentari maqsumin bejniethom, bil-mezzi tax-xandir tal-partit ikkargati biex jaqtgħu l-irjus ta’ dawk li ilhom jappoġġjaw lill-partit tul ħajjithom u bl-attivisti kuljum jieklu lil xulxin ħajjin, Adrian Delia jaf jasal fejn irid jasal biex lill-Partit jagħmlu terrapien. Jaf ikun il-kaġun tat-tkissir tal-Kunsill Ġenerali – jiġifieri tal-attivisti ta’ kull lokalità f’dawn il-gżejjer – u b’hekk jeqred kull tama mhux biss li l-Partit għad xi darba jirbaħ l-elezzjoni li jmiss iżda wkoll li jibqa’ sħiħ wara li jkun għadda l-maltemp kollu.

Jekk Adrian Delia jibqa’ ma jirriżenjax wara li l-Kunsill Ġenerali jkun tlaqqa’ kontra x-xewqa tiegħu biex jiddiskuti vot ta’ sfiduċja fih, wara li jkun ittieħed vot fuq il-mozzjoni u wara li l-mozzjoni tkun sabet appoġġ sostanzjali (anki jekk mhux maġġoranza), ikun qed iniżżel lill-Partit miegħu fil-qiegħ u jkun qed iċaħħadlu l-futur tiegħu.

Jien membru tal-PN.

Nixtieq nara l-PN b’ġejjieni sabiħ quddiemu: ġejjieni li fih il-PN ikun jista’ jiżviluppa, jiddiskuti u jmexxi politika li tħajjar lin-nies li jivvutawlu.

Ġejjieni li matulu jkun partit jitkellem dwar kwistjonijiet nazzjonali; li jfassal proposti biex jinstab tarf ta’ problemi kaġunati mill-baħar jaqsam dejjem jikber li jeżisti bejn l-għonja u dawk li jaqilgħuha u jikluha; li joħroġ bi proposti dwar jista’ jreġġa’ lura l-koeżjoni f’soċjetà maqsuma fuq kriterji ta’ razza, lsien u kultura; li jipproponi riformi fl-edukazzjoni biex titrabba’ ġenerazzjoni ta’ ċittadini responsabbli li tieħu post l-egoiżmu patoloġiku ta’ żminijietna; li joħroġ b’suġġerimenti dwar ir-ristrutturar tas-sistemi tagħna sabiex inkunu nistgħu niffinanzjaw is-servizz tas-saħħa u l-pensjonijiet tal-anzjani tagħna; li jara kif l-ekonomija tagħna tista’ terġa’ ssir sostenibbli b’riżq l-ambjent li jkollhom igħixu fih uliedna u wlied uliedna; li jiggarantixxi l-ġustizzja għan-nisa fil-kuntest tal-ugwaljanza mal-irġiel; li jara li l-kompetenzi tal-istat u tal-knisja jibqgħu mifrudin u li jibena’ spazju politiku msejjes fuq ix-xjenza, r-raġuni, l-umanità u l-ħniena; li jiġġieled bis-serjetà kontra l-korruzzjoni u jeqred l-impunità; li jassigura li jseħħ il-valur tal-ġustizzja bħala valur ewlieni fl-amministrazzjoni.

Irrid inkun membru ta’ partit li jimmira li jwettaq il-missjoni tiegħu u mhux li jintilef fi strateġiji dojoq; li ma jħallatx it-tattika mal-istrateġija; li ma jabbużax mill-għodda konvenzjonali tas-setgħa permezz tal-gideb u l-qerq; li jagħmel użu sħiħ mill-għodda ta’ dak kollu li huwa etiku u morali; li jxerred il-fehmiet tiegħu b’żelu mingħajr ma jkun żelanti żżejjed.

Nixtieq inkun membru ta’ partit li jaf sew lilu nnifsu u f’xiex jemmen qabel jażżarda jitlob l-appoġġ mingħand in-nies; li jikkunsidra lilu nnifsu bħala parti mis-soluzzjoni u li jfittex is-sħubijiet b’riżq il-ġid komuni; li jkun umli biżżejjed li jammetti meta jiżbalja; li jkun kburi b’dak li jkun wettaq.

Lill-PN nixtieq nerġa’ narah bħala partit li tkun tixtieq li tissieħeb fih, li tivvutalu mhux għax huwa inqas ħażin mill-partit l-ieħor iżda għaliex b’sinċerità jkun irid ikun forza b’riżq is-sewwa.

M’jinix infittex li nsegwi mexxej. Lanqas m’jien infittex li nixgħallu x-xemgħat.

Irrid nara partit li fih jissawwru u jitfasslu l-ideat  u fejn dawn l-ideat jingħaddu mill-għarbiel biex b’hekk l-iżbalji li jkun għamel ħaddieħor ma jirrepetux ruħħom.

Irrid nara partit politiku li jkun l-università tal-għerf, akkademja tat-taħriġ għal min jagħtiha għas-servizz pubbliku, għajn għal dawk li jkollhom il-viżjoni u l-ambizzjoni u li ma jaħsbux li pajjiżna jinsab fiċ-ċentru tad-dinja.

Hekk kif jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali, mistenni li tiġi diskussa mozzjoni li titlob lil Adrian Delia iwarrab għaliex il-PN m’akkwistax ir-riżultat mistħoqq fl-aħħar elezzjoni. Jidhirli li din il-premessa hi żbaljata. Nażżarda ngħid li l-PN akkwista riżultat aħjar milli kien jixraqlu.

Il-PN m’għandu ebda dritt li jeżiġi l-appoġġ mingħand in-nies. M’għandux jirbaħ l-elezzjonijiet għar-raġuni biss li m’huwiex il-Partit Laburista.

Il-Kunsill Ġenerali għandu raġun li jitlob ir-riżenja ta’ Adrian Delia mit-tmexxija iżda mbagħad għandu hu stess jerfa’ r-responsabbiltà tat-tmexxija. Lill-PN ikun irid mhux biss jara kif ser jikkonvertih f’makna elettorali effettiva iżda wkoll f’partit li n-nies ikunu jixtiequ jarawh fil-gvern għaliex fih ikunu qed jaraw garanzija ta’ ġejjieni isbaħ.

Dan ma jistax iseħħ biss bil-bidla fil-mexxej.

Il-PN jinsab f’salib it-toroq: se jerġa’ jingħata r-ruħ jew ser imut mewta naturali?