Il-partiti politiċi qed jagħmlu kawlata sħiħa bit-tifsira vera tas-“saltna tad-dritt. Il-bieraħ it-tnejn li huma għamlu użu minn dawn il-kelmiet f’kuntest li huwa rrilevanti għall-aħħar. Kienu qishom tfal tal-iskola jissuppervjaw u jlissnu kliem bħal; “mhux int trid ir-rool off low ħi? Mel’issa oqgħod għaliha ta!”.
Fi stqarrija mxandra l-bieraħ il-Partit Nazzjonalista qal li erba’ mill-membri tal-Kunsill Ġenerali ppruvaw iqarrqu u li “l-PN kompla jispira ruħu mill-valuri tad-demokrazija, s-saltna tad-dritt, il-ġustizzja u l-libertà tal-kelma”. F’ċirkostanzi normali, t-tlissin ta’ kliem bħal dan ma jdoqq xejn – bħallikieku wieħed ikun qed igħid li l-PN ser ikompli jinvoka d-dritt li japplika d-duwa kull meta jħoss l-uġiegħ fil-muskoli.
Għandhom għalfejn tal-PN joqgħodu jserrħulna moħħna li għadhom jemmnu fis-saltna tad-dritt? Kien hemm xi ħadd ssuġġerixxa mod ieħor? Hekk kif it-trolls bi ħġarhom dawwru l-kanuni tagħhom fuq Ivan Bartolo (in-negozjant u eks kandidat tal-PN u mhux il-membru parlamentari), jaqaw stennew li xi ħadd ser kien ser igħid xi diskors bħal dan?
Dawk li llum għandhom il-kontroll tal-PN f’idejhom qed jilgħabu man-nar. Għadha friska fl-imħuħ l-istorja li, waqt il-kampanja għat-tmexxija tal-PN fl-2017, l-id il-leminija ta’ Adrian Delia, Jean Pierre Debono kien bagħbas il-listi ta’ dawk li kienu eliġibbli għall-vot sabiex jiżgura r-riżultat li xtaq hu. Jean Pierre Debono kien ġie mwissi formalment talli huwa stess kien iffalsifika prokuri. Iżda din it-twissija kienet saret biss biex ikun deher li ttieħdet xi forma ta’ azzjoni.
Imbagħad erġajna koppi meta, bis-saħħa tal-fatt li l-kontroll tal-listi ta’ dawk eliġibbli għall-vot tinsab f’idejh, ra kif għamel biex iserraħ rasu li jintagħżel hu biex jimla’ post battal fil-Parlament. Kollox sarlu suf meta mbagħad feġġ l-inkwiet politiku li seħħ ftit wara.
U issa erġajna sibna ruħna wiċċ imb’wiċċ ma’ sensiela ta’ deċiżjonijiet li lil Jean Pierre Debono politikament jistgħu jsibulu tarfu.
Fil-frattemp, bħallikieku ninsabu ngħixu fil-Medju Evu, Ivan Bartolo qed jiġi mixli b’reat intollerabbli: f’moħħu qed jimmaġina l-“mewt” tar-re. Il-fatt li huwa ma eskludiex b’mod kategoriku li għad ikun interessat li jikkontesta għat-tmexxija tal-partit jekk din il-kariga titbattal, b’xi mod pinġewh bħala prova ta’ tradiment.
Ivan Bartolo kien jaf għal xiex kien ser jidħol. Kien jaf li ħaddieħor kien qed ifarfar mir-responsabbiltà u ddeċieda minn jeddu li jidħol hu fejn kien messu daħal ħaddieħor. Kien jaf ukoll kif kienu ġew ittrattati dawk li wrew nuqqas ta’ qbil qabel iddeċieda li jerġa’ jitfaċċa fix-xena.
Ninsabu f’sitwazzjoni tassew surreali. Wara ftit jiem ta’ skiet frott il-ħasda li kienu ħadu, it-trolls ta’ Adrian Delia irxuxtaw. X’uħud minnhom sabu ruħħom hawn ukoll.
Dawn huma nies li għalihom il-problemi li bħalissa għandu ma’ wiċċu l-PN m’humiex daqstant ir-riżultat tal-fatt li:
- dak li kien sieħeb fin-negozju tal-kap tal-partit xlieħ li gideb meta kien qal li ma kienx jaf bl-eżistenza ta’ kumpanniji barranin li kien ħalaqhom hu stess u talli kien għamel stqarrijiet foloz lill-pulizija;
- dak li politikament huwa ħobża u sikkina miegħu bagħbas vot biex jassigura li post battal fil-Parlament jieħdu hu u mhux kandidat magħżul mill-elettorat tad-distrett;
- martu xlietu fil-qorti li kien abbuża kemm lilha kif ukoll lil uliedhom;
- il-banek qed jiġru warajh biex jitħallsu ta’ djun kbar li kien għamel magħhom;
- il-votanti tal-partit tiegħu jinjoraw il-kandidati preferuti tiegħu għall-Parlament Ewropew u jibbojkottjaw il-kandidati preferuti tiegħu għall-kunsilli lokali;
- il-pulizija qed jinvestigawh fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin…
Għal dawn it-trolls il-problemi tal-PN għandhom aktar x’jaqsmu mar-riforma li kienet saret fl-2010 fit-trasport pubbliku milli mar-raġunijiet li għadni kemm elenkajt.
Is-saltna tad-dritt ma tfissirx li dawk li għandhom is-setgħa u r-responsabbiltà li jwettquha għandhom igħawwġuha kif jaqbel lilhom biex mingħalihom igħattu x-xemx bl-għarbiel u jaħarbu mir-realtà.
Is-saltna tad-dritt tfisser li l-liġijiet għandhom japplikaw għal kulħadd.
Bħalissa tal-PN m’humiex komdi b’dan. Għalhekk żelqitilhom meta ħassew il-ħtieġa li jfakkruna li verament jemmnu fis-saltna tad-dritt.
Kien ferm aktar malizzjuż fi kliemu Joseph Muscat meta tkellem dwar is-saltna tad-dritt fil-kuntest tal-każ ta’ Matthew Pace li milli jidher irid jibqa’ ggranfat mas-siġġu tas-setgħa fl-Awtorità tal-Ippjanar.
Ma jistax ikun hemm pressjoni akbar fuq persuna maħtura mill-gvern meta tinħareġ stqarrija pubblika li dan m’għadux igawdi l-fiduċja tal-prim ministru. Persuna li tinħatar f’kariga mill-gvern — bħalma huma maħtura dawk kollha li jservu fuq il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar — għandha twarrab meta l-gvern jitlef il-fiduċja fiha.
Għaldaqstant Joseph Muscat lissen ħmerija kbira meta qal li, “għaliex nemmnu fis-saltna tad-dritt”, Matthew Pace huwa stess għandu jara jekk għandux iwarrab ġaladarba li l-kunflitt ta’ interess li jeżisti bejn ir-rwol tiegħu bħala regolatur u n-negozju privat tiegħu bħala sensar kien il-kaġun li wassal lill-qorti biex tagħti ordni li jieqaf minnufih proġett ta’ żvilupp enormi.
Il-membri tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar m’humiex imħallfin. Wara li jinħatru, dawn jistgħu jitneħħew mill-kariga minnufih u m’humiex imħarsa mid-diskrezzjoni li għandu l-prim ministru fuqhom. Joseph Muscat m’hu ser ibellagħha lil ħadd li nħakem minn xi konverżjoni Damaxxena: jaf sewwa li dawk li jinħatru minnu biex iħarsu l-interessi tal-gvern jaqgħu taħt id-dixxiplina tiegħu. Kien hu, wara kollox, li kien keċċa lil John Rizzo minn Kummissarju tal-Pulizija hekk kif dan kien għoddu wasal biex iħarrek fil-qorti lill-imgħallem tiegħu John Dalli.
M’hemm ebda liġi li żżomm lill-prim ministru li minnufih idabbar ras Matthew Pace.
Għalhekk l-istqarrija ta’ Joseph Muscat jeħtieġ li tiġi mgħarbla sew.
Jew dan kollu huwa biss teatrin biex Joseph Muscat iġiegħelna ninsew malajr il-kwistjoni tad-dB – kwistjoni li nibtet minħabba r-rigal fil-forma ta’ bejgħ bir-ribass ta’ biċċa art tiswa’ mitqlu deheb li l-gvern ta lil dawk li jixħtu l-“għalf” lill-partit fil-gvern u dan biex jinbena’ bini mostruż f’Pembroke.
Jew inkella Joseph Muscat irid iwassalielna li – għalkemm naħsbu li l-“kink” huwa hu – dak li jiġbed l-ispag tas-setgħa, jiġifieri Keith Schembri, ma jridx jara l-pappa li żżomm kuntent lil Matthew Pace – l-istess persuna li tħaddimlu flusu, jiġu minn fejn jiġu – titwarrab minn taħt ħalqu.
Hu x’inhu, dak li għandna quddiemna huwa fil-fatt l-oppost tas-saltna tad-dritt. Kif qal xi ħadd dan l-aħħar, dak li għandna m’hi xejn ħlief is-saltna tal-ħallelin.
Permezz ta’ din il-manipulazzjoni Laburista mhux biss qed jitgħawwġu l-liġijiet u r-regolamenti biex jiġu akkomodati l-bażużli, iżda qed tiġi manipulata saħansitra t-tifsira vera tal-kliem u dan sabiex konvenjentement titgħatta r-realtà.
Il-Labour jinsab fil-gvern u, għax għandu s-setgħa, jista’ jagħmel ħsara ħafna aktar milli jista’ jagħmel il-PN. Għandu s-setgħa li jippermetti lil sieħeb Keith Schembri li jagħmel il-flus mill-bejgħ ta’ proprjetà li ma kinitx teżisti li kieku ċ-ċirkostanzi kienu mod ieħor. Għandu s-setgħa wkoll li, lil min “għalef” lill-partit, jippermettilu jgħum f’baħar ta’ flus ġenerati minn proprjetà pubblika. Setgħa li se twassal biex, permezz ta’ proġett, jitkerraħ pajjiż sħiħ u jitħassar tal-ambjent li jgħixu fih il-ġirien tal-inħawi.
Partit li jinsab fl-oppożizzjoni ma jistax ikollu setgħa bħal din. Għalkemm jixtieq li jkollu. Fl-isfond tal-mod kif l-oppożizzjoni qed iġġib ruħħa, dan diġà huwa ħażin minnu nnifsu.
Int u taqra’ dan li qed nikteb, ħadd m’għandu għalfejn ifakkrek bin-nifs li tieħu kuljum biex tkun tista’ tgħix. In-nifs li tieħu taħseb fih biss meta dan jibda’ jonqsok.
Aħsbu ftit il-għala tal-PL u tal-PN jeħtiġilhom ifakkruk kuljum dwar kemm taħraqhom qalbhom għas-saltna tad-dritt.