Bħalissa b’ċerta arja għaddejja kampanja ta’ intimidazzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li prinċipalment tinsab iffukata fuq dawk il-membri tal-Kunsill Ġenerali li huma magħrufin bħala persuni li kienu appoġġjaw lil Adrian Delia fl-elezzjoni għal kap tal-partit u li, wara li għaddew diversi xhur tat-tmexxija tiegħu, bdew jiddubitaw jekk għandux jibqa’ jmexxi lill-partit.

Xi ftit minn din l-initimidazzjoni qed issir fil-beraħ fuq il-midja soċjali u l-aktar lingwaġġ iebes qed jiġi riżervat għal dawk il-Kunsilliera li qed jappellaw għall-moderazzjoni minn naħa ta’ oħrajn li esprimew ruħħom fis-sens li l-kritiċi tat-tmexxija preżenti tal-partit għandhom jiġu “eliminati”.

Madankollu wasluli rapporti mingħand Kunsilliera li ġew mistiedna għal laqgħat ristretti ma’ Adrian Delia li, waqt dawn il-laqgħat, ċerti manigoldi li jappoġġjaw lill-kap qegħdin jagħmlu pressjoni fuq dawk li huma taħt suspett li bidlu fehmithom dwaru.

F’dawn il-laqgħat privati mal-Kunsilliera, Adrian Delia qed jirrepeti dak li diġà ġie mistqarr uffiċjalment u qed igħidilhom li jinsab ċert li għandu l-appoġġ tal-biċċa l-kbira tal-membri tal-PN. Qed igħidilhom ukoll li l-PN għadu ma ħax ir-ruħ fost l-elettorat tort ta’ numru ta’ Membri Parlamentari tal-PN li huwa kien “wiret” mingħand kapijiet preċedenti li qed jirrifjutaw li jiġbdu l-istess ħabel miegħu.

Uħud li attendew għal dawn il-laqgħat qaluli li Adrian Delia qalilhom li minkejja n-nuqqas ta’ appoġġ minn naħa ta’ dawn id-deputati, jinsab ċert li jista’ jwassal biex il-partit jakkwista riżultat aċċettabbli fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Minkejja li dak li ried ifisser bil-kliem “riżultat aċċettabbli” m’huwiex ċar, Adrian Delia qal li jinsab ċert li l-elettorat se jpattiha lil deputati bħal Jason Azzopardi u Karol Aquilina billi ma’ jtellagħhomx u jtella’ flokhom kandidati li hu għandu fiduċja fihom u li lesti li jappoġġjawh hu u jmexxi lill-PN ‘il quddiem.

Huwa evidenti li ma tkellem xejn dwar il-fatt li l-istrateġija li permezz tagħha dawk li huma kritiċi tiegħu kellhom jiġu mġiegħla jagħmlu l-wisa’ għal dawk li jappoġġjawħ, falliet bil-kbir fl-elezzjonijiet riċenti għall-Parlament Ewropew.

Fi kliem ieħor, Adrian Delia qal li jekk il-Kunsilliera se jintalbu jivvutaw dwar mozzjoni li titolbu jwarrab, għandhom ibaxxu rashom għar-rieda tal-votanti tal-PN li jriduh jibqa’ fejn hu biex ikun jista’ jtemm il-missjoni tiegħu.

F’laqgħa minnhom mal-Kunsilliera, Adrian Delia ġie rappurtat li ammetta li l-partitarji ħorox tiegħu jinsabu mgħaddba għal dawk li qed jipproponu li jsir vot ta’ fiduċja. Lill-Kunsilliera ġie rappurtat ukoll li qalilhom li l-lista ta’ dawk il-Kunsilliera li ffirmaw il-mozzjoni favur is-sejħa biex issir laqgħa tal-Kunsill Ġenerali kellu jaqfilha biex b’hekk ma tispiċċax f’idejn il-manigoldi li jkunu mdawwrin miegħu kuljum fid-Dar Ċentrali.

Lil dawn il-Kunsilliera, Adrian Delia qalilhom li l-ismijiet ta’ dawn il-Kunsilliera huwa żammhom misturin għax jibża’ minn xi vendikazzjoni li tista’ ssir fuqhom minn naħa tal-partitarji tiegħu.

Il-Kunsilliera li kellmuni qaluli li, fl-aħjar ipotesi, Adrian Delia jidher li nqata’ sewwa mir-realtà u qed iserraħ fuq il-konvinċiment li għandu dwar it-triq li huwa qabad.

Jidher li jinsab konvint li politikament għadu jagħżaq fl-ilma mhux għaliex il-kwalitajiet li huma meħtieġa biex imexxi partit huma neqsin. Skont hu, il-PN jinsab f’hiex jinsab tort ta’ dawk id-deputati li m’humiex jagħtuh l-appoġġ.

Minkejja dan kollu, jibqa’ jgħid li din is-sitwazzjoni m’għandhiex iżżommu milli twasslu għar-rebħa finali li huwa konvint li tinsab wara l-bieb.

Dawn il-Kunsilliera qaluli li, fiċ-ċirkostanzi, Adrian Delia xorta waħda baqa’ kalm u żgur minnu nnifsu. Għallinqas fid-deher, qed jagħmel tabirruħu li m’hu jiddejjaq xejn bil-possibilità li jkollu jiffaċċja vot ta’ fiduċja – vot li għad jista’ jirbħu marġinalment fil-Kunsill Ġenerali, anke jekk f’moħħu jinsab fiduċjuż li vot bħal dan ma jistax jitilfu.

James Baldwin darba kien qal li “dawk li jemmnu li għandhom rieda tal-azzar u li huma sidien tad-destin tagħhom jistgħu biss ikomplu jemmnu dan kemm il-darba jibdew jemmnu fil-qerq tagħhom stess”. Jidher li Adrian Delia għandu ħabta li jemmen il-qerq tiegħu stess.

Dan jista’ jindika li, bl-istess mod kif għal Adrian Delia n-nuqqas ta’ appoġġ fil-Kumitat Eżekuttiv u fil-Grupp Parlamentari ma jnaqqaslu xejn mil-leġittimità tiegħu, għandu mnejn iħoss li lanqas m’hu kontabbli lejn l-awtorità tal-Kunsill Ġenerali.

Madankollu huwa ċar li dawk il-ftit konsulenti b’esperjenza politika li qed jagħtuh il-pariri jippreferu li jevitaw xi riżultat diżastruż ta’ vot li jkun ittieħed fil-Kunsill Ġenerali. F’ċirkostanzi normali, fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali kollox ikun ippjanat minn qabel. Dawn jissejħu regolarment mit-tmexxija tal-partit b’aġenda li tkun ġiet miftiehma minn qabel u li jiġu indirizzati minn kelliema magħżulin apposta bil-għan li tonqos kemm jista’ jkun il-kritika.

Minn naħa l-oħra, dan kollu ma jgħoddx għal Kunsill Ġenerali li jkun ġie msejjaħ mill-Kunsilliera stess: laqgħa bħal din taf li jkollha fuq l-aġenda tagħha kwistjonijiet li t-tmexxija ma jkollhiex ħerqa kbira li titħaddet dwarhom u li jindirizzaw lill-ġemgħa kelliema li t-tmexxija żgur ma kenitx tistedinhom biex jitkellmu.

Illum is-Sunday Times of Malta rrappurtat li s-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli qed jagħmel sforz biex ifittex raġunijiet biex jibqa’ ma jissejjaħx Kunsill Ġenerali Straoardinarju.

Jekk il-laqgħa tal-Kunsill Ġenerali tispiċċa ma sseħħx, jibqa’ mhux imkejjel l-appoġġ li għandu Adrian Delia fost l-attivisti tal-partit.

Fil-frattemp qed imur dejjem għall-estrem il-lingwaġġ aħrax li qed jintuża minn numru żgħir ta’ persuni – li jgħidu li huma membri tal-PN u partitarji ta’ Adrian Delia – fil-konfront ta’ dawk li Adrian Delia qed iwaħħal fihom għall-problemi politiċi li għandu ma’ wiċċu.

Dan jista’ jkun konsistenti mal-messaġġ li qed iwassal lill-Kunsilliera Adrian Delia fis-sens li l-futur politiku tiegħu u dak tal-PN huma marbutin flimkien u li dawn jiddependu fuq it-tqaċċat mill-partit ta’ dawk li jidhrilhom li m’għandux jibqa’ jmexxi lill-partit.