Albert Fenech, li jaħdem mid-dar għas-servizz nazzjonali tal-aħbarijiet, nhar il-Ġimgħa kiteb post fuq il-Facebook li permezz tiegħu ħajjar lil Simon Busuttil imur jaqbeż mill-irdum.
Nhar il-Ħamis li għadda Simon Busuttil xandar tweet li permezz tiegħu fakkar lin-nies fl-aħħar mass meeting tal-PN qabel l-elezzjoni tal- 2017, l-aħħar jum tal-glorja tiegħu bħala kap tal-PN. Kiteb li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni li bdiet dak iż-żmien trid titkompla u tintemm.
Għandek kull dritt li ma taqbilx miegħu. Tista’ twieġbu billi tgħidlu li l-poplu diġà ddeċieda li ma jaqbilx ma dak li beda’ hu. Tista’ tgħidlu li issa m’hu f’pożizzjoni li jtemm xejn. Tista’ tgħidlu li trid.
Iżda biex ħaddiem tax-xandir pubblikament imur jgħid lil xi ħadd li s-soluzzjoni hi s-suwiċidju hija ħaġa assolutament inkredibbli. Jew forsi m’hix daqshekk inkredibbli. Hi ħaġa li tistenniha minn ċertu kwalità ta’ nies.
Albert Jerome Fenech issa se jgħidilna li qed jeżerċita l-libertà tal-kelma. U żgur. U jien qed neżerċita l-libertà tiegħi li ngħidlu li dak li kiteb huwa ta’ l-akbar mistħija għall-professjoni tiegħu, għal min jimpjegah u, jekk għandu xrara ta’ diċenza, għalih innifsu.