Minn dokmenti li jien rajt b’għajnejja jirriżulta li Keith Schembri rċieva aktar minn $430,000 fi ħlasijiet f’Jannar 2015 minn għejjun mhux magħrufa. Dawn il-flejjes tħallsu 5 ġimgħat wara li Keith Schembri – akkumpanjat mill-prim ministru Joseph Muscat, minn dak li kien Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi u mill-kelliem tal-gvern Kurt Farrugia – kellu laqgħa ma’ Ilham Aliyev tal-Ażerbajġan li fiha ġie negozjat id-dħul tal-kumpannija tal-Ażerbajġan SOCAR fl-infrastruttura tal-enerġija ta’ Malta.

Il-fund managers li kienu ħadu ħsieb ir-ri-investiment ta’ flejjes li Keith Schembri diġà kellu f’idejh, immarkaw dawn id-depożiti bħala new funds. Il-kliem new funds ifissru li Keith Schembri ma kienx sid il-flejjes li ġew depożitati u li dawn ma jistgħux jitqiesu bħala flus li kienu diġà għad-dispożizzjoni tiegħu.

Id-dokumenti li jinsabu f’idejn il-fund managers  – u li jien rajt b’għajnejja – la jagħtu rendikont dwar minn fejn ġew dawn il-flejjes u lanqas li kienet saret xi verifika dwar minn fejn kienu ġew u dan minkejja l-fatt li Keith Schembri, bħala chief of staff tal-prim ministru huwa persuna esposta politikament (PEP). Dan il-fatt irendi suspettużi t-transazzjonijiet kollha li saru, liema transazzjonijiet kien messhom ġew irrappurtati lill-FIAU. Ma jidher li sar xejn minn dan kollu jew, jekk sar xi ħaġa, jidher li ma ttieħdu ebda passi.

Fis-17 ta’ Diċembru 2014, ħames ġimgħat qabel saru dawn il-ħlasijiet, delegazzjoni uffiċjali mmexxija mill-prim ministru – li kienet tikkonsisti minn politiċi biss – telqet minn Baku wara li ltaqgħet ma’ delegazzjoni mmexxija mill-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev.

Kien hemm ġimgħat sħaħ ta’ attività qabel l-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn Ilham Aliyev u Joseph Muscat, liema dokument ma kienx ġie mxandar mill-gvern ta’ Malta. Minn kemm ilu li ġie ffirmat it-Trattat ta’ Versailles fl-1919, l-iffirmar ta’ trattati sigrieti ma baqgħetx konswetudni diplomatika. Madankollu l-kontenut ta’ dan il-ftehim baqa’ ma xxandarx u, ironikament, l-unika persuna li tkellmet dwaru f’Malta kien l-Ambaxxatur tal-Ażerbajġan Vaqif Sadiqof li kien qal li “l-Memorandum of Understanding jittratta dwar l-enerġija (…) u dwar diversi proġetti kbar”.

Fil-15 ta’ Diċembru il-mezzi tax-xandir tal-Ażerbajġan kontrollati mill-gvern ħabbru li “l-Ażerbajġan u Malta ffirmaw żewġ dokumenti dwar il-koperazzjoni strateġika fil-qasam taż-żejt u tal-gass”. U minkejja l-fatt li Kurt Farrugia kien preżenti għat-taħditiet, il-mezzi tax-xandir ta’ Malta, li ma kinux ġew mistiedna biex jirrappurtaw dwar dan l-avveniment, ma ngħataw ebda informazzjoni.

Għal snin sħaħ inħbiet kull informazzjoni dwar il-ftehim sakemm minn investigazzjonijiet ta’ The Daphne Project irriżulta li “l-kaxxa ta’ Malta kienet qed titlef flejjes kbar” bħala riżultat ta’ dan il-ftehim. The Guardian kien irrapporta li “Malta kienet qed tħallas rata ħafna aktar għolja (għall-gass) minn dawk li dak iż-żmien kienu negozjati fis-suq ħieles mill-Greċja, mill-Italja u mit-Turkija. Minn estimi li saru minn The Guardian jirriżulta li s-SOCAR għall-gass kienet ħallset $40m inqas minn dik is-somma li spiċċat ħallsitha Malta”.

Sensiela ta’ mistoqsijiet li ntbagħtu lil Kurt Farrugia fejn intalbu spjegazzjonijiet mingħand Keith Schembri għadhom s’issa mhux imwieġba.

Fil-frattemp Keith Schembi jibqa’ ma jitniffisx – lanqas jekk issegwih matul it-toroq tal-Belt Valletta, kif għamel Jacob Borg il-bieraħ.