Ġimgħa ilu għidt li Keith Schembri rċieva żewġ pagamenti li jammontaw għal aktar minn $400,000, ħames ġimgħat wara li ġie lura minn żjara riżervata għall-politiċi biss f’Baku, f’Diċembru tal-2014. Meta Adrian Delia sfidah fil-Parlament biex jirreaġixxi, Joseph Muscat qam biex jgħid li Keith Schembri ċaħad dan. Ma qalx meta. Ma qalx kif.
Keith Schembri baqa’ sieket.
Imbagħad ippubblikajt id-dettalji tat-tranżazzjonijiet tal-flus li kien irċieva. Hu baqa’ sieket.
Imbagħad bdiet diskussjoni fuq l-ispazju tal-kummenti hawn, u fuq Facebook, u fuq il-websites li kitbu fuq l-istorja: fejnhom il-provi?
Ħa nagħmel xi ħaġa ċara mal-ewwel. Iva, għandi prova dokumentata li ssostni dak li qed ngħid. Din ma ħloqthiex mix-xejn. Lanqas ma qgħadt fuq xi konverżazzjoni ma’ xi sors. Jew tnejn. Din il-biċċa aħbar hi sostnuta minn prova dokumentata, li qiegħda għandi, u għadha mhux ippubblikata.
Irrid niċċara numru ta’ affarijiet.
Ir-rwol ta’ ġurnalist hu li jippubblika informazzjoni li hija minnha dwar dawk li jokkupaw kariga pubblika. Mhuwiex ir-rwol ta’ ġurnalist li jmexxi l-kawża li twassal biex xi ħadd jinstab ħati. Hemm nies oħra fl-organizzazzjoni governattiva li huma mħallsa biex jagħmlu dak ix-xogħol u għandhom is-setgħa li jeħtieġu biex jiksbu din il-prova u jużawha.
Il-mestier għandu s-salvagwardji li jiżguraw li l-ġurnalisti jkunu fiduċjużi fil-verità ta’ dak li jippubblikaw. Allura jekk jitfaċċa xi ħadd u jgħidli li Keith Schembri għamel hekk, jew xi ħaġa oħra, irrid nivverifika dik l-informazzjoni ma’ sorsi indipendenti oħra.
X’irid jiċċekkja ġurnalist miegħu innifsu? Irid jara jekk dik il-prova li għandu f’idu hux se twassal biex xi ħadd jinstab ħati? Le. Dak hu xogħol il-prosekutur. Irid jiċċekkja jekk l-informazzjoni hix minnha jew le. Dak li jista’ jgħinu hu li jsaqsi lilu nnifsu jekk ikollux biżżejjed biex jipprova b’mod sostanzjali dak li qed jgħid jekk tinfetaħlu kawża ta’ libell.
Innutajtu? Keith Schembri ma ċaħadx l-informazzjoni li ppubblikajt. U lanqas għamilli libell.
Innutajtu li għal kuntrarju ta’ Joseph Muscat, hu kellu l-mezzi biex jiċċekja li dak li qed ngħid hu bbażat fuq is-sod, u meta għamel hekk, assuma li għandi l-provi li juru dak li hu jaf?
Minflok wieħed jiddiskuti jekk jaqbilx li wieħed jippubblika l-provi jew le, forsi għandna niddiskutu xi ħaġa oħra minflok.
Taħsbu jekk fl-aħħar ġimgħa minn meta pubblikajt din l-informazzjoni, ġietx xi aġenzija ta’ kontra l-ħasil tal-flus jew tal-infurzar tal-liġi biex titlobni l-informazzjoni li għandi, biex tara jekk għandhiex tinvestiga aktar?
Qtajtu. Ma ġie ħadd.
Issa, mhumiex dawk in-nies li għandhom jistaqsu jekk għandix il-provi li jistgħu jgħinuhom jagħmlu xogħolhom? Jekk iridu jagħmlu xogħolhom?
Għax jekk wieħed jara l-affarijiet kif inhuma, jekk l-investigaturi u l-prosekuturi ma jridux jagħmlu xogħolhom, il-ġurnalist ma jistax jagħmilhulhom hu. Il-provi, jekk jiġux ippubblikati hawnhekk jew le, huma biss jistgħu jagħmlu xi ħaġa dwarhom. U kif tgħallimna mill-esperjenza qarsa ta’ dawn l-aħħar 5 snin, ma huma se jagħmlu xejn minn dan.
Ifhem, jekk qed titlob lili biex nippubblika l-provi li jissostanzjaw dak li qed ngħid, tkun qed tagħmel lili il-protagonist jew is-suġġett ta’ din l-istorja. Jien m’iniex l-istorja. Jien ktibt l-istorja. Is-suġġett tal-istorja hu Keith Schembri. Għall-kuntrarju tiegħi, Keith huwa uffiċjal tal-istat. Għall-kuntrarju tiegħi, hu obbligat li jagħti rendikont dwaru nnifsu. Għall-kuntrarju tiegħi hu mistenni minnu bi dmir li juri li dak li qed ngħid jien dwar l-affarijiet finanzjarji tiegħu hu fażull.
Il-finanzi tiegħu għandhom ikunu trasparenti. Id-dħul tiegħu għandu jkun iddikjarat. It-taxxi tiegħu għandhom jitħallsu. Il-kumpaniji tiegħu għandhom ikunu magħrufa mill-awtoritajiet tat-taxxi. L-irċevuti tiegħu għandhom ikunu ġustifikati. Il-pagamenti li jaċċetta għandhom ikunu għas-servizzi li jipprovdi.
Għaliex dawk in-nies li qed jitolbuni noħroġ il-provi tal-istorja, mhumiex jitolbu lil Keith Schembri joħroġ il-provi li juru li hu nadif tazza?
Għaliex, u hawn tinsab l-ironija, ħadd ma jistenna lil Keith Schembri jkun onest, nadif u ħieles mit-tbajja’ tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Ir-reati tiegħu jitqiesu bħala normali. Huma, kif il-Prim Ministru darba iddeskrivihom, normali fil-ħajja ta’ ‘negozjant li rnexxa’.
Negozjant li rnexxa hu mistenni li jevadi t-taxxi u jwaqqaf kumpaniji offshore sigrieti, jirranġa għal self lil partijiet terzi misterjużi bi flus li apparentement ma jkunux jeżistu huma u ħerġin imma jsiru ta’ veru huma u deħlin, u jiddikjara profitti ħafna anqas milli jdaħħal fil-fatt, jekk ma jiddikjarax ukoll li qed jispiċċa bit-telf.
Allura meta n-nies jidhru li huma daqshekk ċerti li dan qed jiġri, il-fatt li qed jistaqsu lill-ġurnalist biex jippubblika l-provi m’għandhomx f’moħħhom biss li jintimidawh biex jippruvaw jagħlqulu ħalqu, meta ma jkunx se jsir libell lil hinn mill-valur tal-intimidazzjoni?