Il-bieraħ fil-qorti seħħet storja mhux tas-soltu. L-avukati ta’ Yorgen Fenech qalu li jeżisti tape recording li kien għamle Melvyn Theuma li għadu qatt ma nstema’ fil-qorti. Dan it-tape recording l-avukati ta’ Theuma kien jafu bih, iżda mid-dehra ħadd aktar ma kien jaf bl-eżistenza tiegħu.
Milli jidher dan it-tape recording ma kienx issemma’ għaliex il-komputer ta’ qorti ġie “mbagħbas”. Għad irridu niskopru x’ġara’ eżatt iżda ħaġa bħal din qed isservi biex iżżid it-tensjoni. Il-prosekuzzjoni ta’ konttra Yorgen Fenech qed tistrieħ b’ruħħa u ġisimha fuq ix-xhieda ta’ Melvyn Theuma. U x-xhieda ta’ Melvyn Theuma qed tistrieħ fuq l-immunità li ngħata permezz tal-proklama. U s-sisien ta’ din l-immunità jibqgħu sodi biss kemm il-darba Theuma jixhed il-verità. Il-verità kollha.
Il-bieraħ Lawrence Cutajar tħalla jistenna’ barra l-awla tal-qorti għal ġurnata sħiħa. U meta spiċċa s-smigħ tax-xhieda, qalulu biex jerġa’ jmur il-qorti ġurnata oħra u fil-frattemp ġie mwissi biex ma jkellem lil ħadd.
Dak li kien il-kummissarju tal-pulizija jinsab taħt twissija. Illum nafu li hu kien tkellem dwar l-arrest eventwali ta’ Melvyn Theuma ma’ persuna magħrufa li hi midħla ta’ Theuma. B’dan l-aġir, l-eks kummissarju kien indaħal fil-każ minn wara dahar l-investigaturi. Tgħid kien ukoll indaħal aktar minn hekk? Tgħid kien ixxaħħam biex tiġi rranġata l-maħfra għal Melvyn Theuma? Tgħid l-indħil tiegħu ser iwassal biex jaqa’ l-każ kollu tal-prosekuzzjoni kontra l-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia?
Il-bieraħ fil-qorti Lawrence Cutajar kien akkumpanjat minn avukat. Min ikun issejjaħ biex jixhed mhux soltu li jqabbad avukat biex jassistih. B’daqshekk m’jien qed nimplika xejn.
U lanqas m’għandi nasal għal ċerti konklużjonijiet minħabba l-identità tal-avukat li qabbad Lawrence Cutajar.
L-avukat tiegħu huwa Ezekiel Psaila.
U hemm avukat ieħor bl-istess kunjom li qed jassisti xhud ieħor fil-każ kontra Yorgen Fenech: dan hu Ishmael Psaila, l-avukat ta’ Keith Schembri.
M’għandniex xi ngħidu, Ezekiel u Ishmael huma individwi separati u jaħdmu f’ditti legali differenti. U kif dan l-aħħar Ezekiel kiteb fil-Facebook, m’għandna qatt inħalltu avukat li jipprattika fil-qrati kriminali mal-klijent li jkun qed iservi.
Qed niġu mwissija li m’għandniex niġbdu konklużjonijiet għall-fatt li Lawrence Cutajar u Keith Schembri iqabbdu lil dawn l-avukati aħwa.
Lanqas m’għandna niġbdu ebda konklużjoni hekk kif nagħtu daqqa t’għajn lejn dan ir-ritratt ħelu tal-aħwa Psaila mal-attivist leġġendarju tal-Labour Ronnie Pellegrini, illum mejjet.