Fit-tieni sular tad-Dar Ċentrali tal-PN hemm l-uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali. Dan l-uffiċċju jinsab fil-qalba tal-makna tal-partit u jinsab imdawwar mill-uffiċċji ta’ impjegati għolja tal-partit, ta’ konsulenti, ta’ amministraturi u ta’ dawk li jaħdmu fil-qasam tal-komunikazzjoni. M’hemmx numru kbir minn dawn, iżda l-ftit li hemm jaħdmu minn hawn.
Meta tliet snin ilu Clyde Puli kien leħaq segretarju ġenerali, ttella’ ħajt diviżorju f’dan is-sular li jifred l-uffiċju tiegħu u dak tal-assistenti tiegħu mill-uffiċji tal-bqija tal-ħaddiema. U f’dan il-ħajt twaħħal bieb tal-injam li kien jinżamm dejjem magħluq ħlief meta kien jinfetaħ permezz ta’ key-code li ftit kienu dawk li kienu jafuh.
Dan il-ħajt kellu effett psikoloġiku għax spiċċa biex iddemoralizza lill-ħaddiema li ħassew li ma kienux qed jiġu fdati. Il-ħajt irrappreżenta l-mentalità ta’ assedju tat-“tmexxija”, n-nuqqas ta’ ħila li kellha li tiddjaloga mal-ftit riżorsi li kellha, il-biża’ mill-isfidi, mill-bidla u mid-dubji.
Meta Francis Zammit Dimech daħal minflok Clyde Puli wara li rriżenja dan tal-aħħar fi Frar li għadda, is-segretarju ġenerali l-ġdid sab li kellu jidħol għad-dmirijiet ġodda tiegħu bil-mod. Il-kastell ta’ Adrian Delia kien diġà beda’ jiġġarraf iżda hu bħala kap kien għadu hemm.
Kien għadu hemm sa nhar is-Sibt li għadda.
Nhar it-Tnejn filgħodu, Francis Zammit Dimech ta ordni biex jiċċarrat il-ħajt u biex il-bieb jitneħħa. Illum il-ħajt m’għadux hemm.
Il-bidla bdiet iżda fadal x’isir u t-tiċrit tal-ħajt kien ġest simboliku ta’ sinjifikat kbir.
Adrian Delia għadu qed jidher fuq it-televiżjoni biex lill-kollega tiegħu Jason Azzopardi jgħajjru giddieb u biex jitlob għar-riżenja tiegħu. Minflok jirringrazzjah talli qed jirriskja ħajtu kuljum hu u jikxef il-verità li qed toħroġ mill-qorti, Adrian Delia qed jipprova jiżolah.
Din il-verità inkonvenjenti tinkludi stqarrija ġuramentata li saret mill-uffiċjal investigatur tal-pulizija li dak li kien ġie rappurtat fil-ġurnali dwar il-bdil ta’ messaġġi bejn Adrian Delia u Yorgen Fenech wara li fl-2019 nkixfet l-identita ta’ sid is-17 Black, huwa “ġenwin”. Din il-verità inkonvenjenti wasslet biex tellfet lil Adrian Delia it-tmexxija tal-PN. Iżda dan jidher li mhux ser iġiegħel lil Adrian Deli biex b’doża ta’ umiltà u għaqal li jsodd ħalqu. Mid-dehra t-tobba qed iħajru lill-preżentaturi biex f’dawn il-ġranet jistiednu politiċi skreditati għall-programi tagħhom.
U fl-istess ħin Adrian Delia baqa’ jiddeverti ma’ dawk li telqu mill-PN wara huwa li tilef l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li għadda. Issa għadda biex jipprova jimmina lill-PN bis-saħħa tal-mezzi tax-xandir tal-Labour. Forsi meta neħħa l-kitarra minn fuq ħoġru, pprova jikkonvinċi lil ħbiebu sabiex jirrispettaw “ir-rieda tat-tesserati” u li jkunu “leali lejn il-Kap elett demokratikament” – kantaliena li tant kienu jħobbu jirrepetu.
Għad hemm bosta ħitan li għadhom qed jifirdu lill-PN minnu nnifsu. Il-bidla ser iseħħ bil-mod u l-bidla għall-aħjar ser tiddependi mit-tiri konuni, rieda tajba kollettiva u sens ta’ altruwiżmu.
Illum fl-uffiċċju tas-segretarju ġenerali hemm sens ta’ tama ġdida. Dment li s-segretarju ġenerali jibqa’ lura milli jsegwi dak li stqarr dan l-għaref il-bieraħ f’Xarabank.