Ħadd mhu se jsejjaħ għall-verita’ u l-ġustizzja jekk ma tkunx int. Din il-ġimgħa il-qrati Maltin iddikjaraw li l-Gvern kiser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem fir-rigward tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia peress li ma jista jkun hemm l-ebda fiduċja fl-indipendenza politika tal-pulizija. Il-Qorti Suprema Griega tat protezzjoni lis-sors ta’ Daphne Caruana Galizia, Maria Efimova, kontra ir-riskju għal ħajjitha hawn Malta. Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea stqarr li Owen Bonnici kien qed jigdeb meta qal li l-liġi Ewropea ma tħallihx jilleġiżla biex jipproteġi lill-ġurnalisti kontra it-tip ta’ kawza li Daphne Caruana Galizia biss kellha tiffaċċja: danni li jammontaw għal 40 miljun dollaru f’Arizona. Jonathan Ferris, possibilment sors ieħor ta’ Daphne Caruana Galizia, kellu jfittex lill-gvern bil-qorti biex jipproteġi ruħu minn azzjoni ta’ tpattija għax tkellem dwar dak li jaf.

 

L-inġustizja enormi tal-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia qed tirrepeti ruħha u tinfirex f’dan il-pajjiż bħal kankru fi stat avvanzat.

Jekk ma ssejjaħx għall-ġustizzja int, ħadd mhu ser jagħmel dan.

Niltaqgħu għal darb’oħra quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja il-Belt għada fis-7.30 ta’ filgħaxija.

Sadanittant, ara dan il-video mtella’ minn Megan Mallia, in-neputija ta’ Daphne Caruana Galizia.