Araw dan il-video ta’ Net News. Clyde Puli inqada’ bit-televiżjoni biex jirrepeti dak li kien stqarr lil The Malta Independent. Jagħmel spjegazzjoni dwar il-proċess tal-għażla tal-kandidati u jikkritika “sezzjoni tal-media” – identifikata mill-ġurnalist bħala t-Times of Malta – talli daħket bil-qarrejja tagħha.
Iżda ma kenitx biss it-Times of Malta li tkellmet dwar l-intervista li Clyde Puli kien ta dwar is-suġġett lil Malta Independent. Jien kont ktibt dwarha wkoll.
Kif ktibt f’post imxandar dan l-aħħar, kull partit politiku għandu d-dritt li jagħżel il-mod dwar kif għandu jidentifika u kif eventwalment għandu jagħżel il-kandidati tiegħu. Iżda, kif stqarr Clyde Puli stess fl-intervista li ta lill-Malta Independent, ġaladarba ‘l-governanza tajba’ tibqa’ dejjem valur ewlieni għall-Partit, allura l-Partit m’għandux għażla oħra ħlief li joqgħod għar-regoli tiegħu stess.
Fi ħdanu l-PN suppost għandu entità mwaqqfa bl-istatut bis-setgħa li tagħżel il-kandidati qabel dawn jirċievu l-approvazzjoni aħħarija mill-Kumitat Eżekuttiv. Kif spjega sewwa Clyde Puli (u kif irrappurtatu ħażin il-Malta Independent) il-Kummissjoni Għażla tal-Kandidati bħalissa m’hix kostitwita. Mhux minnu li Clyde Puli xolja lil din il-kummissjoni. Il-membri tagħha kien skadielhom it-terminu hekk kif issejjħet l-elezzjoni tal-2017 u tlestiet il-lista tal-kandidati u l-kummissjoni ma reġgħetx ġiet kostitwita.
L-istatut jipprovdi li l-membri ta’ din il-kummissjoni għandhom jinħatru mill-Kumitat Eżekuttiv. Dawn il-ħatriet jidher ma sarux.
Fil-frattemp Clyde Puli ħabbar l-ismijiet tal-kandidati li ġew magħżula minnu għall-approvazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv. Huwa qal lill-Malta Independent li “jonqos biss il-formalizzazzjoni ta’ dan il-proċess”, liema stqarrija huwa fisser li jkun irid igħaddi l-ismijiet tal-kandidati magħżula lill-Kunsill Amministrattiv u l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit.
Ma saret ebda riferenza għall-Kummissjoni Għażla tal-Kandidati.
Forsi hawn min jaħseb li għall-PN din hija biss ħaġa interna. Ċertament hi ħaġa interna – imma mhux totalment. Għax minkejja d-diskors kollu dwar l-għażla demokratika tat-tmexxija attwali, huwa fatt li r-regoli tal-Partit jista’ jibdilhom biss il-Kunsill Ġenerali.
Allura hawn għandna każ fejn il-regoli ngħataw il-ġenb u każ ta’ governanza ħażina.
Iżda mhux hekk biss. Kieku ried, Clyde Puli seta’ ħareġ minn din il-gażiba billi jgħid li, meta stqarr li “jonqos biss il-formalizzazzjoni ta’ dan il-proċess”, ried ifisser li kien għaddej proċess biex jiġu nominati membri ġodda għall-Kummissjoni. U din l-ispjegazzjoni kienet tgħaddi.
Minflok għamel hekk, ħareġ jattakka lill-ġurnalisti li xandru r-rapport u qal li dawn kienu qed iqarrqu. U spiċċa biex ġie segwit mit-trolls bl-attakki fuq Ivan Camilleri tat-Times of Malta u fuqi – attakki immexxijin minn dak li kien ix-xufier tiegħu. Ġejna akkużati li rrappurtajna ħażin dak li kien stqarr Clyde Puli u li gdibna dwar dak li qal.
Ma gdibna xejn. Araw il-video. Darbtejn.
Allaħares li kull minn jieħu żball f’dak li jistqarr jibda’ jeħodha drawwa li jattakka lill-ġurnalisti. Il-partiti politiċi kollha, mhux biss dawk li jkunu fil-gvern, għandhom id-dmir li jirrispettaw il-libertà tal-kelma.