Ma teżisti ebda spjegazzjoni plawżibbli u loġika għaċ-ċaħdiet kategoriċi u assoluti li għamel Joseph Muscat fil-konfront tal-istorja li jien xandart il-bieraħ dwar il-ħlasijiet ta’ aktar minn $430,000 li kien irċieva ċ-chief of staff tiegħu ħames ġimgħat wara li siefru bil-moħbi lejn Baku flimkien ma’ Konrad Mizzi u ma’ Kurt Farrugia u ma ħadd aktar.

Mhux possibbli li wieħed jitkellem b’ċertezza dwar il-kontijiet bankarji ta’ ħaddieħor. Wieħed ċertament jista’ jixhed fuq dak li jaf dwar il-karattru ta’ ħaddieħor u jista’ wkoll jasal biex jaħlef għal ħaddieħor minħabba konoxxenzi u ħbiberiji. Iżda qatt ma tista’ tkun taf b’ċertezza ħaddieħor x’jista’ jkun qed iħawwad fil-borma.

Meta l-bieraħ ġie sfidat minn Adrian Delia, Joseph Muscat seta’ qal: ‘Qrajt dak li kiteb Manuel Delia. Keith Schembri stess wrieni l-artiklu u assigurani li Manuel Delia fehem il-fatti ħażin u li teżisti spjegazzjoni sempliċi dwar minn fejn ġew dawk il-flejjes. Keith Schembri offra li jirriżenja sakemm jitnaddaf ismu iżda jien m’aċċettajtx l-offerta tiegħu. Jien stedintu biex ixandar il-verżjoni tiegħu tal-fatti. Nixtieq nesprimi l-fiduċja sħiħa fiċ-chief of staff tiegħi’. 

Li kieku verament emmen dak li kien qed jistqarr seta’ wkoll qal: ‘Irrid inżid li l-ġurnaliżmu ta’ Manuel Delia m’huwiex serju u, għalkemm huwa jibqa’ fid-dmir li jeżiġi kontabilità minn min għandu s-setgħa, mhux sewwa li jibqa’ jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq Keith Schembri. Keith Schembri huwa sinjurun kbir u, jrid jew ma jridx, se jkollu depożiti ta’ flejjes. Jekk jogħġbok erħilu kwiet biex ikompli jgħini nservi lil dan il-pajjiż.’

Li kieku ried, seta’ lissen dan li ktibt iżda fil-fatt ma qal xejn minn dan kollu. Minflok, fi żmien sagħtejn minn meta xandart l-istorja, qam fil-Parlament u lill-istorja tiegħi sejjħilha qlajja’.

Ejjew naraw il-kuntest sħiħ.

L-ewwel, meta nirriflettu dwar il-mod kif taħdem din l-amministrazzjoni, ż-żjara li kienet saret f’Baku jkun jeħtieġ li nżommuha f’moħħna. Għalkemm m’għamiltx riċerka, ninsab ċert li qatt ma ġrat qabel li kap tal-gvern ta’ Malta jsiefer fuq żjarat uffiċjali mingħajr ma jkollu miegħu xi mpjegat taċ-ċivil jew xi rappreżentant diplomatiku.

Lest nilgħab imħatra li, mill-1921 ‘l hawn, ma kien hemm lanqas Prim Ministru Malti wieħed li għażel li jsiefer biex jiltaqa’ ma’ kap ta’ gvern jew kap tal-istat ta’ pajjiż ieħor mingħajr ma kellu miegħu jakkumpanjawh fid-delegazzjoni xi persuna permanentement impjegata mal-gvern.

Dan il-fatt biss huwa biżżejjed biex iqajjem tħassib serju.

U kien ta’ tħassib serju ferm akbar il-fatt li l-laqgħa kienet saret ma’ wieħed mid-dittaturi l-aktar korrotti li hawn fid-dinja.

It-tieni, iż-żjara kienet saret bil-moħbi. Irridu niftakru li dan huwa gvern li jħobb jidher. Iżda dwar din iż-żjara ma kienu tniffsu ma ħadd. Jew kważi ma ħadd. Għax Reno Bugeja kien jaf biha u għal din iż-żjara għażel li jmur hu stess minflok bgħat lil ħaddieħor.

Iżda, f’ħin bla waqt, ġrat xi ħaġa. Fi triqtu lejn Baku, Reno Bugeja b’xi mod tilef it-triq u minn Pariġi  – mill-postijiet kollha – għamel tabirruħu li kien qed jirrapporta dwar iż-żjara bid-differenza li kien ġie mitmugħ direttament minn Kurt Farrugia u Reno rrapporta dak kollu li rrakkontalu Kurt.

It-tielet, il-ġrajjiet li seħħew wara dik iż-żjara. Joseph Muscat jerġa’ jerħilha lejn Baku. Bint Ilham Aliyev tiġi Malta. U Konrad Mizzi jkompli biż-żjarat ġej u sejjer lejn Baku, post li kien diġa’ żar għal tliet darbiet fl-2014.

Il-qofol intleħaq meta seħħ il-ftehim notorju mas-SOCAR li lkoll qed inħallsu għalih minn imneħirna. U wara li dan il-ftehim inżamm mistur għal diversi snin, ġie mxandar f’forma li tant kienet redatta li rrendewh totalment bla sugu.

Sirna nafu biss x’kien ġie ffirmat f’isimna meta xandret l-informazzjoni The Daphne Project.

U allura meta fil-Parlament Joseph Muscat “kategorikament” jiċħad kulma kellu jew ma kellux x’jaqsam ma’ din il-konfoffa, aħfrulna jekk neħduh b’niskata melħ.

Il-fatti jibqgħu li f’Jannar 2015 Keith Schembri tħallas aktar minn $430,000, ftit ġimgħat biss wara ż-żjara li kienu għamlu f’Baku. Ma rajt b’għajnejja ebda prova li turi li kienet saret xi verifika dwar minn fejn kienu ġejjin dawn il-flejjes jew inkella li l-ħlasijiet kienu ġew indikati bħala suspettużi.

Keith Schembri huwa bniedem għani — għalkemm jekk, kif iddikjara, mill-2010 ‘l hawn kellu dħul medju ta’ €2,800 fix-xahar min-negozji tiegħu, jinsab komdu iżda ċertament mhux xi sinjur warrab wiċċek — iżda anke jekk ma jiftakarx li tliet snin ilu kien tħallas $400,000 f’xahar wieħed, m’għandux jieħu wisq żmien biex jagħti spjegazzjoni raġjonevoli, jekk din teżisti.

Minflok jispjegaw, jiċħdu kif dejjem ċaħdu kollox bit-tama li dawk li kixfu l-borom ma jkunux f’pożizzjoni li jxandru l-provi li jafu li jeżistu.

Dan huwa eżatt dak li seħħ meta Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li Keith Schembri (u Konrad Mizzi) wara biss ġimgħa li kienu ilhom fil-poter ħolqu kumpannija sigrieta fil-Panama. Kienu qalu li dan ma kienx minnu. Sakemm kollox ġie konfermat b’riħet il-Panama Papers.

Biċ-ċaħdiet għaddewha lixxa dak iż-żmien u reġgħu għaddewha lixxa drabi oħra.

Iżda r-reazzjoni tagħhom tikxifhom. Meta stqarr b’ċertezza li l-istorja li jien xandart hi biss qlajja’, Joseph Muscat għamel tiegħu in-nuqqasijiet u d-dnubiet taċ-chief of staff tiegħu.

Għaliex in-nuqqasijiet u d-dnubiet ta’ Keith Schembri huma fil-fatt tiegħu wkoll.

Dwar din istorja, il-kbir għadu ġej.