Fil-Parlament il-Prim Ministru għadu kemm ċaħad “katergorikament” li ċ-chief of staff tiegħu Keith Schembri kien irċieva ħlasijiet ta’ aktar minn $400,000 ħames ġimgħat wara li f’Diċembru 2014 għamlu żjara nkiss inkiss f’Baku u ltaqgħu ma’ Ilham Aliyev. Il-ħlasijiet li ktibt dwarhom aktar kmieni llum kienu saru f’Jannar 2015.

Fil-Parlament waqt il-ħin tal-mistoqsijiet Joseph Muscat intalab mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex jagħti r-reazzjoni tiegħu għar-rapport li jien xandart illum. Huwa wieħeb fis-sens li Keith Schembri kien diġà ċaħad l-istorja – lil min ċaħad? meta ċaħad?  — u li jingħaqad miegħu biex jiċħad l-istorja kategorikament. “Dawn huma qlajjiet tas-soltu,” qal il-prim ministru.

Hawn ikun jeħtieġ li nsaqsi lill-prim ministru kif inhu daqshekk ċert li din l-istorja hi qlajja’. Jaqaw għamel xi audit tal-finanzi ta’ Keith Schembri? Kif inhu daqshekk ċert li Keith Schembri qallu kollox?

Hu u jagħmel tiegħu ċ-ċaħda ta’ Keith Schembri li f’Jannar 2015 tħallas $400,000 f’new funds (“ċaħda” li sa fejn naf jien għadha ma saritx) il-prim ministru huwa lest li jqiegħed il-pożizzjoni tiegħu fix-xifer?