Nexia BT — Mossack Fonseca (Malta) — Kasco Group. Dawn huma t-tliet pilastri li Keith Schembri jserraħ fuqhom hu u joħloq skemi frawdolenti biex jaħbi d-dħul ta’ flejjes illeċti u biex jevadi l-ħlas tat-taxxi filwaqt li jagħmel użu mill-kariga pubblika tiegħu għall-benefiċċju personali tiegħu.

Ir-raba’ pilastru huma tal-MFSP, l-aġenzija ta’ investiment magħmula minn erba’ sħab, li amministraw il-ġid li Keith Schembri għandu fil-British Virgin Islands. Dik li bdiet bħala sħubija bejn erbgħa eventwalment spiċċat biex prattikament saret il-monopolju esklussiv ta’ Matthew Pace – wieħed mill-klikka Tagħna Lkoll – li f’dan ir-ritratt li nġibed fl-10 ta’ Marzu 2013 jidher fid-dar ta’ Jeffrey Pullicino Orlando jiċċelebra kemm ir-rebħa elettorali kif ukoll ix-xalata kleptokratika li kienu jafu li ser ikollhom. Fir-ritratt jidher kokka bil-bandiera f’idu.

Fit-2 ta’ April Matthew Pace inħatar membru tal-bord ta’ dik li kienet il-MEPA minkejja l-fatt li erba’ snin qabel biss kien jaħdem bħala salesman tal-poloz tal-assikurazzjoni ma’ Global Capital.

Il-MFSP ħoloqha ma’ tliet sħab oħra. Għalih Keith Schembri kien ħabib provvidenzjali u klijent speċjali. M’għandniex xi ngħidu, l-arranġament ta’ bejniethom kien wieħed reċiproku biex b’hekk iħokku dahar xulxin.

Matthew Pace mhux biss jamminsitra l-investiemnt għal Keith Schembri iżda jamministra wkoll flejjes tal-membri l-oħra tal-klikka Tagħna Lkoll bħal Robert Musumeci, Malcolm Scerri — sieħeb Keith Schembri fil-kumpanniji sussidjarji tal-KASCO u l-id il-leminija tiegħu — u Deo Scerri.

 

Hekk kif aċċetta u għadda depożiti ta’ flus dubjużi magħmula minn Keith Schembri – li allura kien diġà jaf li Keith Schembri kien iddepożita flejjes li ma kellux jiddepożita – Matthew Pace lissen id-diska mġenġla “fejnhom il-provi?” li tal-Labour ta’ sikwit jirrepetu kull darba li t-tmexxija tagħhom tinqabad bil-qalziet imniżżel.

Il-provi, Sur Matthew Pace, jinsabu fl-iskrivanija tiegħek.