Il-Partit Nazzjonalista kellu laqgħa tajba f’Ħaż-Żabbar il-bieraħ għallinqas kif jidher mit-tbissim fuq wiċċ dawk li jidhru fir-ritratti.
Waħda mill-aktar sitwazzjonijiet ibsin għal kull politiku tasal kull meta, jkunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi, jkollhom iżommu espressjoni kalma fuq wiċċhom. Jibdew bil-kolazzjon bis-smigħ tal-Vesti la Giubba u bil-qari tal-Malta Today qabel jaqbdu t-triq li twassal biex iżommu ħajjin l-aspettattivi għoljin tal-partitarji tagħhom.
Ir-raba’ kampjun imxandar kull xahar in fila jikkonferma li Joseph Muscat ma tilef xejn mill-appoġġ tiegħu minkejja nuqqasijiet rekord f’dik li hi governanza tajba u minkejja l-korruzzjoni. U minkejja n-nuqqasijiet rekord f’dik li hi governanza tajba u f’dik li hi korruzzjoni, l-appoġġ għal Adrian Delia m’huwiex jiżdied.
Għal kull persuna li esprimiet fiduċja f’Adrian Delia, hemm tnejn li jesprimu fiduċja f’Joseph Muscat.
Aktar minn disa’ persuni minn kull għaxra li s-sena l-oħra vvutaw Labour iddikjaraw li hekk bi ħsiebhom jerġgħu jivvutaw, ħaġa mhux tas-soltu għal gvern li jkun jinsab fl-ewwel sena tat-tieni leġislatura tiegħu.
Sitt persuni biss minn kull għaxra li vvutaw PN is-sena l-oħra ddikjaraw li bi ħsiebhom jerġgħu jivvutaw PN.
Numru żgħir ħafna minn dawk li vvutaw PN fl-2017 qalu li issa jkunu lesti jivvutaw Labour. Il-biċċa ‘l kbira ddikjaraw li mhux se jivvutaw jew li għadhom ma ddeċidewx.
Dan huwa r-raba’ kampjun in fila u anke f’dawn il-livelli ma jidher li ma teżisti ebda xejra ta’ titjib, żgħira kemm hi żgħira, fl-appoġġ għall-PN.
Minkejja l-ħafna teoriji u argumenti li x’uħud iqanqlu privatament, il-qarrejja tat-tip minn Tas-Sliema ta’ Daphne Caruana Galizia — il-famużi hekk imsejjħa “elitisti” — ma jammontawx għal 35% ta’ dawk li vvutaw PN fl-2017. Dan qed jingħad la minħabba kwistjonijiet ta’ ġografija (id-differenzi bejn dawk li vvutaw PN fl-2017 minn naħa ta’ fuq u dawk minn naħa ta’ isfel huma sottili u mhux ċari) u lanqas minħabba limitazzjonijiet kulturali.
Kuntrarjament għall-mod kif qed jirraġunaw wħud oħra, dan ir-riżultat ma nħoloqx tort ta’ xi qasma fil-grupp parlamentari jew, anqas u anqas, minħabba l-kritika ta’ xi blogger li għall-grazzja t’Alla ma baqax fil-politika attiva wara li kienet saret ċerta riforma fil-qasam tal-karrozzi tal-linja.
Lanqas – kif qed jinsistu xi oħrajn – m’huwa tort tal-stejjer li kienet xandret dik il-ġurnalista li spiċċat b’ħajjitha maħsuda u li forsi setgħet treġġa’ lura l-akkużi li kienet xandret bis-saħħa tal-kontenut ta’ intervista mxandra fuq The Malta Independent on Sunday.
Fil-fehma tiegħi hemm diversi raġunijiet għaliex għad hemm differenzi kbar fl-appoġġ li jgawdu ż-żewġ partiti fi żmien meta tal-Labour żgur ma jistħoqqlux il-fiduċja tan-nies. Erba’ minn dawn ir-raġunijiet huma dawn:
L-ewwel nett, il-PN ma jidhirx li għad għandu l-ħila li kellu fl-imgħoddi li jimmobilizza l-partitarji. Dan in-nuqqas ta’ ħila ma bediex is-sena li għaddiet. L-elezzjoni tal-2017 kienet biss il-qofol ta’ xejra li kienet ilha li bdiet bejn wieħed u ieħor fl-1998 u li minn dakinhar ‘l hawn bdiet tiddgħajjef il-ħila f’dak li hu mmobilizzar tal-għeruq tal-partit. Mis-sena li għaddiet ‘l hawn, is-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar. Dawn l-għeruq – dawk li għad fadal – jidhru li huma aktar iffukati fuq iż-żamma tal-appoġġ ta’ votanti Nazzjonalisti xettiċi milli fuq il-kisba tal-voti minn naħa tal-votanti Laburisti. U huwa proprju dan li qed jindikaw ir-riżultati.
It-tieni, apparti fejn jidħlu kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-abort jew li jistgħu jwasslu għall-abort, il-PN qed jidher dgħajjef f’bosta kwistjonijiet ta’ policy. Filwaqt li jidher li l-PN aċċetta b’ruħu u ġismu l-kunċett li l-ekonomija sejra tajjeb, ma jidhirx li l-partit għandu xi pjan ekonomiku alternattiv. Malli tal-Labour ma jibqgħux jitkellmu dwar ċerti kwistjonijiet, tal-PN jagħmlu l-istess. Għalkemm il-PN jidher li kkonsolida lill-votanti konservattivi nsara tiegħu (jista’ wkoll jagħti l-każ li votanti konservattivi nsara Laburisti jfittxu l-kenn tal-PN jekk il-kwistjoni dwar l-abort tkompli tiħrax), l-ambjentalisti, l-umanisti soċjali u dawk li qed jinsistu favur l-indafa u t-trasparenza f’dik li hi governanza m’humiex isibu wisq interess minn naħa tal-politiċi fil-qasam li jimmilitaw fiħ.
It-tielet, fost l-elettorat il-mexxejja tal-PN tal-lum ma jispirawx fiduċja li għandhom il-ħila li jservu fil-gvern tal-pajjiż. Fl-imħuħ tan-nies, Edward Scicluna – bl-“u ejja come on” tiegħu, bin-nuqqas ta’ etika u bil-vujtaġni politika tiegħu b’kollox – xorta waħda għadu meqjus bħala l-Ministru tal-Finanzi mill-aktar ovvju, ħafna aktar minn Kristy Debono. Ma nafx x’jista’ jiġri biex tinbidel din il-perċezzjoni. Hija verament ħaġa li tnikket meta tara lin-nies jippreferu lil vagabondi bħal Chris Cardona li jfittxu l-kumpannija ta’ prostituti, li jinfexxu fix-xorb u li jitħalltu mal-assassini. Iżda dawk huma l-fatti.
Ir-raba’, il-mod lagħqi li biħ il-mezzi tax-xandir tal-partit qed jirrappurtaw l-attivitiajiet tal-mexxej qed inaffar bis-sħiħ lil min m’huwiex fanatiku u li jivvota PN jiġri x’jiġri. Dawk li tradizzjonalment jivvutaw PN iżda li sal-lum għadhom xettiċi dwar il-kap tal-partit mhux se jimpressjonaw ruħħom b’rappurtaġġ bħal dan fuq Adrian Delia u fuq dawk ta’ madwaru, minkejja t-tgħanniq u l-bews kollu. Affarijiet bħal dawn imxandra fuq it-televiżjoni tal-Korea ta’ Fuq ma jħallu ebda effett u wisq inqas m’huma se jħallu xi effett hawn. Biex inkun ġust, irrid ngħid li f’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm ftit taċ-ċaqlieq u xxandru stejjer jaħarqu dwar il-gvern iżda dan ma kienx biżżejjed biex seta’ ħalla xi effett fuq is-sondaġġi. U fil-frattemp, filwaqt li x-xandir tal-PN donnu iktar moħħu li joħloq fan club aktar milli joħloq moviment politiku, qed tinħela l-opportunità li permezz ta’ dawn il-mezzi jintlaħqu wħud minn dawk is-70,000 li qed igħidu li se jivvotaw Labour u li jifformaw id-differenza li bħalissa teżisti bejn iż-żewġ partiti.
Dawn huma biss erba’ mir-raġunijiet li m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ Adrian Delia, mal-ħiliet tiegħu jew man-nuqqas tagħhom, jew inkella mal-kwistjonijiet li kellu dwar ħlas ta’ taxxa. Iċ-ċifri huma dawk li huma u ebda twaħħil tat-tort b’rabja fuq dak jew fuq l-ieħor jew inkella ħafna ċapċip u entużjażmu fil-każini m’hu se jbiddel dan il-fatt.