Ħadd m’għadu jiddubita li f’Malta l-investigazzjoni ta’ reati kriminali b’laqta politika huma politikament ikkontrollati. Dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia mhux biss hemm il-konsegwenzi politiċi. Dan kien ukoll assassinju politiku: inħasdet il-ħajja ta’ persuna bil-għan li jintlaħqu miri politiċi u b’riżq il-qadi ta’ interessi politiċi permezz ta’ qattiela imqabbda minn politiċi.
Għalkemm il-Partit Laburista bħala entità mhuwiex involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-istrutturi tal-partit kif ukoll it-tmexxija u s-sostenituri tiegħu huma lkoll ikkundizzjonati mill-azzjonijiet – anke jekk mhux awtorizzati jew mhux mixtieqa – ta’ dawk li kienu l-moħħ wara d-delitt.
Dan ifisser li dawk kollha li huma midħla tal-Partit Laburista li għandhom kull interess li jaraw li l-Partit jibqa’ fis-setgħa, jew għax ikunu qed igawdu b’mod dirett minn din is-setgħa jew għaliex huma segwaċi li jkunu jridu jaraw lit-team tagħhom jirbaħ dejjem, għandhom kull motivazzjoni li jiżguraw li ebda responsabbiltà għall-assassinju ma taqa’ fuq xi persuna li għandha rabtiet mal-Partit.
Mhix ħaġa normali meta xi ħadd joħroġ jixxabbat minn tieqa ta’ karrozza biex jiddieħak b’iben u armel waqt li dawn ikunu qed iżuru l-post fejn omm u mara spiċċat saret trietaq bi splużjoni ta’ bomba.
Iżda hawn Malta n-normal mhuwiex ir-regola.
Daqs kemm ukoll m’huwiex normali meta Robert Abela, konsulent tal-prim ministru, jurina li jaf x’intqal jew x’ma ntqalx fuq telefon ittappjat mis-servizzi sigrieti minn dawk li jinsabu mixlija bil-qtil fuq ordni ta’ ħaddieħor.
Dan mhux biss m’huwiex sewwa. Huwa wkoll aġir illegali f’kull sens tal-kelma. Hu diġà abbużiv biżżejjed meta jkollok persuni f’karigi pubbliċi li jabbużaw fl-interess tagħhom is-setgħa mogħtija lilhom bil-liġi. Eżatt bħalma jagħmel il-prim ministru meta l-ħatra jew it-tkeċċija tal-kummissarji tal-pulizija tkun tiddependi fuq kemm dawn ikunu jew ma jkunux lesti jinvestigaw lilu jew lil ta’ taħtu.
Iżda l-abbuż ikompli jeskala meta xi ħadd bħal Robert Abela, li m’għandu ebda awtorità li jkun jaf id-dettalji ta’ dak li s-servizzi sigrieti jkunu ssemmgħu dwaru, mhux biss ikun jaf iżda saħansitra jiftaħar mad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar kemm jaf.
Il-bieraħ fil-Parlament Jason Azzopardi qal li jew dak li jaf Robert Abela sar jafu illegalment jew inkella qed jilgħabha tal-ħelu u jibblaffja. Niddubita kemm qiegħed jibblaffja.
Dawn qegħdin għassa ta’ xulxin. U jikkompromettu lil xulxin b’informazzjoni selettiva biex jiżguraw li ħadd minnhom ma jfettillu jħalli l-kuxjenza tmexxih biex b’hekk dejjem jibqgħu jikkonservaw il-poter.
Araw naqra kif il-bieraħ Joseph Muscat ta l-appoġġ kollu tiegħu lil Chris Cardona dwar is-safriet lussużi b’vaganza li dan għamel waħdu a spejjeż pubbliċi. Il-prim ministru qalilna li dawn is-safriet kienu “kunfidenzjali’. Li jfisser li matul il-vaganzi tal-Għid u dawk tas-sajf, Chris Cardona jew kien qed jinnegozja l-paċi fid-dinja minn Monako, Abu Dhabi u Monza u, f’festi tal-Milied suċċessivi, mill-pajjiż ta’ dik li kienet martu jew inkella għamel xi waħda mill-iskappaturi li huwa magħruf għalihom.
Dan kollu x’għandu x’jaqsam ma’ Robert Abela u l-ittappjar?
Dawn jgħammru f’bejta ta’ gideb u jigdbulek f’wiċċek qishom m’humiex huma. U int ma tiddejjaq xejn meta jigdbulek f’wiċċek għax, kif kien qal il-Kurunell Nathan Jessup, “m’intomx kapaċi tagħmlu dak li hu sewwa”.