Il-punt dwar il-post li kiteb Philip Sciberras mhuwiex biss li mħallef, anke saħansitra wieħed irtirat, m’għandux jikkummenta fil-pubbliku b’mod manifestament partiġġjan. Għallinqas jien hekk nifhimha. Il-punt lanqas m’hu li, hu u jikkummenta b’dan il-mod politikament motivat, il-gvern jagħmel użu mill-kredenzjali ġudizzjarji li dan suppost għandu biex imexxi inkjesti li huma politikament sensittivi. Ħadd m’għandu jibqa’ jiskanta jew jissorprendi ruħu bil-ħtif totali mill-gvern tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Kif narah jien, id-diskors li nkiteb – imlibbes kif inhu b’intonazzjoni semitika Mintoffjana – m’hu xejn ħlief ksenofobija faxxista u nazzjonaliżmu bla sens li, kieku nkiteb bil-Ġermaniż jew bit-Taljan, kien infakkarna f’diskorsi mleħħna b’mod irrabjat f’Nuremberg jew fi Piazza Venezia.
Aqraw x’kiteb.
Il-barranin merħba bihom jekk jiġu hawn fuq btala jew jekk jiġu hawn biex inaddfu d-djar tagħna jew biex jagħmlu xogħol li aħna ma rridux nagħmlu jew li ma nistgħux nagħmlu iżda li jqallagħlna l-flus f’kirjiet u f’kontijiet tar-ristoranti.
Iżda “barranin mhux mistiedna” ma jistħoqqilhom ebda merħba.
Araw ftit il-kliem li għażel: “fran tal-għira”, “tixwix”, “qrusa fl-istonku”, “nar tal-firda u mibgħeda”, “qerq u theddid”, “misħut mill-kotra”, “jgħarrxu għad-deni u d-dnewwa”, “jerfgħu salibhom”, “pajjiżhom mifni bit-tħassir”.
Qed jirreferi hawn għall-Membri tal-Parlament Ewropew li ntbagħtu hawn minn Parlament elett direttament minn eletturi madwar l-Ewropa kollha, inkluża Malta, biex iħarsu l-interessi taċ-ċittadini tal-Ewropa kollha u biex tipproteġihom mill-ksur tal-liġijiet. Inċidentalment din hi ħaġa li kien jagħmel hu.
Hawn m’huwiex jirreferi għal xi invażjoni minn armata kolonjali. Għalhekk l-użu minn naħa tiegħu ta’ retorika Mintoffjana anti-kolonjali – xi drabi wżata f’ħinha u f’waqtha minn Dom Mintoff – meta ddeskrieva inkjesta mmexxija minn uffiċjali eletti hija għal kollox barra minn lokha.
Dan m’hu xejn ħlief nazzjonaliżmu gwerrier u ksenofobija perikoluża ta’ firda. Hi mentalità li tkun ixxettlet sforz il-preġudizzji u sforz is-suppożizzjoni fallaċi li l-perspettiva lokali, tkun kemm tkun provinċjali, infurmata ħażin, inkompetenti u mhux imħejjija sew, għandha dejjem tingħata preferenza fuq il-perspettiva ta’ ħaddieħor li ma jkunx twieled hawn.
Hija diġà ħaġa inkwetanti meta dawn il-ħmerijiet jitlissnu mill-hekk imsejjħa patrijotti tal-lemin estrem. Iżda jekk diskors bħal dan jingħad minn imħallef irtirat – anke jekk ikun wieħed partiġġjan u tribali bħal Philip Sciberras – din ir-retorika tkun qed tingħata l-leġittimità.
Philip Sciberras ma nqediex b’lingwaġġ eleganti bil-Malti biex jipprova jimpressjona lil Sven Giegold jew lil Ana Gomes. Għamel dan biex għal darb’oħra jilleġittima l-ksenofobija faxxista tiegħu, kif possibilment seta’ għamel drabi oħra, hu u u jinqeda’ bl-ilbies li kien jilbes ta’ mħallef biex iservi ta’ għodda għall-interessi partiġġjani minflok għall-interessi tal-ġustizzja.
L-aħħar uffiċjali li kienu għaddew ġuri f’Nuremberg kienu mħallfin u fid-difiża tagħhom dawn kienu qalu li xogħolhom kien li jinfurzaw il-liġijiet li kien għadda ħaddieħor. Philip Sciberras lanqas skuża bħal din m’għandu.