Kienu kostretti jieħdu parir legali biex jaraw jekk id-drittijiet tagħhom kinux qed jiġu miksura. Meta għamlu hekk, fi stqarrija uffiċjali l-gvern għajjarhom tradituri. Imbagħad kellhom jargumentaw quddiem il-qorti li persuna esposta politikament ma jistax ikun mistenni minnha serjament li tinvestiga reat kriminali li fih s-suspettati wkoll huma persuni esposti politikament.
Tmien xhur wara li ommhom ġiet assassinata, il-qorti tat raġun lil ulied Daphne Caruana Galizia li l-investigatur fil-każ tal-qtil ta’ ommhom mhuwiex investigatur kredibbli minħabba l-kunflitti ċari ta’ interess li għandu.
Dan għaliex kull filgħaxija jaqsam l-istess sodda ma’ persuna li l-eżistenza politika tagħha tiddependi kompletament fuq l-appoġġ ta’ dawk li messhom huma suspettati prinċipali f’dan il-każ.
Qed ngħid “messhom” għax mhumiex. Taħt l-għajnejn attenti u politikament motivati ta’ Silvio Valletta, il-pulizija qagħdet attenta li tevita li mqar tipprova tiftaħ xi tip ta’ inkjesta dwar politiċi li għandhom ikunu investigati bħala persuni b’interess fil-qtil ta’ dik li kienet l-aktar ġurnalista kritika fil-konfront tagħhom – kif iddeskrivewha huma stess – jekk xejn, biex għall-inqas inaddfu isimhom u jitneħħew minn fuq il-lista tas-suspettati.
Attivisti li kienu mistiedna biex jiltaqgħu ma’ Keith Arnaud, li qed imexxi l-prosekuzzjoni f’dan il-każ, qaluli li meta ġie mistoqsi, Keith Arnaud ikkonferma li l-pulizija ma tkellmet mal-ebda politiku li jista’ jkun li kellu motivazzjoni biex jelimina lil Daphne Caruana Galizia bħala att ta’ tpattija jew biex ma jħallihiex tkompli bix-xogħol tagħha.
Meta l-Maġistrat Anthony Vella l-ġimgħa l-oħra talab ir-rekords tat-telefonati ta’ Joseph Muscat, Adrian Delia u Chris Cardona, kien qiegħed – almenu kif naraha jien – sempliċiment jibgħat messaġġ li f’dan il-każ il-pulizija ma kinux qed jagħmlu xogħolhom u minflok, qed ikollu jagħmilhulhom hu.
Għalkemm huwa d-dritt tiegħu li jitlob li jingħata r-rekords tat-telefonati, il-Maġistrat Vella jaf li teżisti l-possibbiltà li dawn ir-rekords m’għadhomx jeżistu issa li tant għadda żmien minn meta seħħ il-każ. Imma jekk jirriżulta li dan ikun il-każ, it-tort żgur li ma jkunx tiegħu. Hija responsabbiltà tal-pulizija li tinvestiga reat kriminali u waqt li l-Prim Ministru kien mehdi jipprova jbellagħhielna li qed jagħmel minn kollox biex isolvi l-każ, xejn ma jeskludi li Silvio Valletta kien mehdi f’ħidma biex jiżgura li ma ssirx ġustizzja kif suppost.
Il-qorti llum irrikonoxxiet li almenu jeżisti suspett raġjonevoli li dan jista’ jkun il-każ.
Meta federazzjonijiet internazzjonali tal-ġurnalisti, osservaturi, MEPs u membri ta’ Parlamenti oħrajn, bħall-familja tal-vittma, jesprimu dubji serji kemm l-affarijiet f’Malta qed isiru kif suppost u kemm verament irridu li ssir ġustizzja f’dan il-każ, għal dan ikunu qed jirreferu. Kollox beda f’dik il-ġurnata tas-16 ta’ Ottubru meta Consuelo Scerri Herrera tfaċċat fuq ix-xena tad-delitt u mbagħad iffriżat l-investigazzjoni forensika sakemm ġiet biex tiddeċiedi jekk għandhiex tirrikuża lilha nnifisha mill-każ.
Din ix-xenata kompliet meta wieħed mill-uffiċjali li kienu fuq il-post ħa ritratti tal-partijiet minn ġisem Daphne Caruana Galizia u qagħad jogħrok idejh ixandarhom fuq Whatsapp.
U kompliet ukoll meta l-gvern ipprova jintimida lill-membri tal-familja tal-ġurnalista assassinata billi jinstiga lill-folol kontrihom waqt li kienu qed jippruvaw jiksbu xi tip ta’ protezzjoni għad-drittijiet tagħhom bħala l-eredi ta’ mara li ġiet imċaħħda mid-dritt sagrosant tal-ħajja.
Meta fis-16 tax-xahar tmur – jew ma tmurx – quddiem il-qrati biex titlob li ssir ġustizzja, tagħmel hekk għax ikun qed iseħħ dan kollu u għaliex tkun fhimt – jew forsi ma tkunx fhimt – li jekk Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha jiġu mċaħħda mill-ġustizzja, allura anke int tista’ tiġi mċaħħad milli ssir ġustizzja miegħek kull meta tiġi bżonnha.
Illum, qorti f’Malta ddikjarat li jekk Silvio Valletta ma jitneħħiex mill-investigazzjoni u x-xogħol kollu li għamel ma jerġax jiġi rivedut, se jibqgħu dubji serji kemm qed issir verament ġustizzja. Probabbli li din id-deċiżjoni issa tiġi appellata minn gvern li jrid jiżgura li qatt ma nsiru nafu min ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ara kemm hemm raġunijiet għalfejn għandna nibqgħu għaddejjin nipprotestaw.