Is-sentenza li ngħatat il-bieraħ mill-Imħallef Silvio Meli f’kawża kostituzzjonali li saret mill-werrieta ta’ Daphne Caruana Galizia kontra l-gvern fiha ħafna fuqhiex wieħed x’jixtarr. M’għandniex xi ngħidu li l-ewwel effett tal-ordni tal-Imħallef hi li Silvio Valletta għandu jtir minn fuq il-każ.
U fis-sentenza tal-qorti saret osservazzjoni f’waqtha: hija ħaġa tad-daħk li wieħed jippretendi li bniedem li hu miżżewweġ lil politiku ewlieni fil-Partit Laburista se jkun oġġettiv f’każ li għandu l-potenzjal li jagħmel il-ħsara politika lill-Partit Laburista.
M’għandix dubju li l-bieraħ l-Imħallef Antonio Mizzi qara’ sew is-sentenza tal-kollega tiegħu.
Antonio Mizzi kien ġie mitlub iwarrab milli jippresiedi l-kawża dwar l-appell li għamel Joseph Muscat wara sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet ordnat lill-pulizija jinvestigawh dwar reati kriminali indikati mill-iskandlu tal-Panama Papers. Niftakru li mart Antonio Mizzi hi MEP tal-Labour.
Is-sentenza ta’ Silvio Meli hi dwar Silvio Valletta. L-Imħallef ma ntalabx igħarbel il-ħiliet ta’ Silvio Valletta jew huwiex iwettaq xogħlu kif suppost jew le bħala uffiċjal tal-pulizija, jridu jew ma jridux martu jew l-imgħallem tagħha. Iżda ntalab igħarbel dwar jekk id-dubji ovvji li nħolqu dwar il-kunflitti ta’ interess jiksrux jew le d-drittijiet fundamentali tal-membri tal-familja tal-vittma. Silvio Meli ddeċieda li kien hemm dan il-ksur.
Nitlobkom tifhmu sewwa. Is-sentenza tal-bieraħ kienet fis-sens li l-issuktar tal-investigazzjoni minn Silvio Valletta tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Din is-sentenza għandha tapplika wkoll għal sitwazzjonijiet simili. Independentement mid-deċiżjoni ta’ Antonio Mizzi li jkompli jisma’ l-kawża minkejja l-pożizzjoni u l-lejaltajiet ta’ martu, l-kunflitti ta’ interess li għandu tant huma ovvji li huma inaċċettabbli.
Iżda hemm ukoll ħaġa oħra fis-sentenza tal-Imħallef Meli li wieħed ta’ min isemmiha. Jgħid li l-aġir tal-gvern “jimmerita l-akbar ċensura” talli “b’mod arroganti ppretenda li jiddetta lill-familja tal-vittma dwar x’għandhom igħidu” u “fittex li jintimidahom”.
Hawn l-Imħallef kien qed jagħmel riferenza għall-osservazzjoni superfiċjali li għamel il-gvern fil-kawża li għamlet il-familja Caruana Galizia fis-sens li, fil-fehma tal-gvern, ġaladarba tlitt irġiel ġew mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-familja kien messha bidlet il-pożizzjoni tagħha.
Il-qorti wriet l-istmerrija għal dan it-tip ta’ lingwaġġ li ċertament rrifletta l-kliem intimidatorju li l-gvern għamel użu minnu kontra kull min jażżarda li jħares drittijietu mill-abbużi tal-gvern.
Waħda tal-aħħar. Din hi sentenza storika li mhux biss ippremjat l-isforzi tal-familja Caruana Galizia fil-ħarsien ta’ drittijiethom iżda wkoll iffokat fuq ir-reżistenza dgħajjfa li hawn f’dan il-pajjiż kontra l-ikkalpestar tad-drittijiet ċivili mill-gvern. Il-qrati tagħna rrikonoxxew li minflok ‘għamel minn kollox’ biex issir ġustizzja mal-qattierla ta’ ġurnalista, il-gvern kien qed jehda jikser id-drittijiet fundamentali ta’ żewġha u ta’ wliedha. Din hi sentenza li fiha x’tomgħod.
Sa issa, 24 siegħa wara, l-Oppożizzjoni għadha lanqas biss tniffset dwar il-każ. Dawn liema ħabel qiegħdin jiġbdu?