Għamlu pjaċir lilkom infuskom u araw lil Jacob Borg jiġri wara Keith Schembri tul it-triq mill-Qrati tal-Ġustizzja sa Kastilja. L-ewwel ħaġa li nosserva hija l-kundizzjoni fiżika tal-ġurnalista. Kont inkun b’nifsi maqtugħ bħal ta’ Kurt Farrugia nitla’ dik it-telgħa imma l-fatt li għandi kemmxejn aktar x’inġor mill-basket wara dahar Jacob Borg jispjega għala minix ġurnalista li niġri wara dak u l-ieħor.
Imma bħal ma jgħid Jacob Borg b’dik il-kalmezza plaċida tiegħu, din mhix kwistjoni taż-żufjett.
Dawk il-ftit minuti quddiem il-kamera huma xiehda tal-istat li fih tinsab id-demokrazija f’pajjiżna.
L-istampa issaqsi lit-tieni l-akbar persuna potenti fil-pajjiż mistoqsija sempliċi: ta’ min hi l-kumpanija li l-ewwel ċħadt u wara ammettejt li kienet fil-mira tiegħek biex tagħmel negozju magħha waqt li kont f’kariga uffiċċjali?
Ma weġibx. U l-mistoqsija saritlu ripetutament u b’mod persistenti.
Imbagħad jiddeffes Kurt Farrugia u jurina li huwa wkoll jinsab imħawwad bid-diversi inkjesti pendenti, frustranti, konfliġġenti u kif jittamaw huma, x’aktarx inutli. Ma naħsibx li kien qed jipprova jiżżvija lil Jacob Borg dwar jekk inkjesta fuq 17 Black attwalment hix għaddejja jew le. Naħseb li kien verament żball ġenwin minn naħa ta’ Kurt Farrugia li jqatta’ ħafna mill-ħin jipprova jiżgiċċa l-bawxati li jdaħħluh fihom il-kapijiet tiegħu.
Kien tassew imħawwad u l-fatti dawwarhom ta’ taħt fuq. Probabbilment qatta’ s-sigħat ta’ wara jisħet dan l-iżball.
Imma l-vera kulminu ta’ din is-silta huwa l-mument meta Keith Schembri jħalli r-rabja ta’ ġo fih tieħu s-sopravvent u jitfa’ dak li ħaseb kien kumment ta’ bravu li kellu jsikket lil Jacob Borg: “Forsi użajt (il-miljun dollaru mistenni mill-kumpanija fil-Panama) biex inħallas il-paga tiegħek, bħalma għamilt tul dawn l-aħħar tlett snin.”
Il-waħx ta’ tali kumment huwa konsiderevoli anke kieku wieħed kellu japplika l-kejl ta’ Dario Argento għall-ambjent politiku li qed ngħixu fih.
Bħal Michael Corleone f’diskursata ma’ Senatur minn Nevada, Keith Schembri jħoss li nefaq biżżejjed flus ixaħħam id-diriġenti li kien hemm it-Times of Malta sabiex jassigura ruħu li l-ġurnalisti li jaħdmu hemm ma jsaqsuhx domandi skomdi.
Fi stqarrija, l-Allied Newspapers ċaħdu kategorikament il-kummenti tas-Sur Schembri. “Kasco huwa biss wieħed minn dawk li jissuplixxu oħt il-kumpanija tal-Allied, cioe’ l-Progress Press,” qalet l-kumpanija.
Dan huwa punt sekondarju f’dan il-mument. Keith Schembri inkixef mill-Panama Papers li kien qed ixaħħam għal bosta snin lid-Direttur Maniġerjali tat-Times of Malta. Veru li t-trustees żguraw li jbewweġ ‘il barra iżda r-reputazzjoni ta’ ġurnal bi storja twila qalgħet’ daqqa ta’ ħarta. U magħha sfortunatament ir-reputazzjoni ta’ ġurnalisti bla biża’, ħawtiela, oġġettivi u kapaċi li m’għamlu xejn biex iċappsu l-gazzetta tagħhom bil-ħsara fir-reputazzjoni li fil-fatt sofriet.
Imma meta naħsbu fil-korruzzjoni, bir-raġun naħsbu l-ewwelnett f’dak li jisfaw korrotti u qalja naħsbu f’dak li jikkorrompu: dawk li jpoġġu l-flus fl-envelopp metaforiku u jitolbu pjaċiri għall-ħwejjeġ li mgħandhomx dritt għalihom.
Keith Schembri imur quddiem il-kamera illum u quddiem il-pajjiż kollu. Jpoġġi l-flus f’envelopp metaforiku u jgħaddih lil Jacob Borg filwaqt li jfakkaru li jafu s-silenzju u lealta’ bla tarf bħala rikonoxximent tal-paga li rċieva tul l-aħħar tlett snin.
Minkejja li l-ġurnalisti huma istituzzjoni tad-demokrazija tagħna mhumiex uffiċċjali tal-istat kif miftiehem mill-liġijiet fuq it-tixħim. Matul dik is-silta, Keith Schembri forsi ma kkommettiex rejat f’sens kriminali, pero’ ċertament li kkommetta rejat politiku.
Hedded ġurnalista li kien qed iżommu kontabbli bħala uffiċjal għoli tal-gvern li fuqu hemm suspetti ta’ aġir mhux xieraq, b’konsegwenzi personali: il-paga tiegħu. ‘Matul l-aħħar tlett snin il-paga tiegħek kienet tiddependi mill-generosita’ tiegħi. Kompli iġri waraja tul Triq Melita u din is-sitwazzjoni tista’ tinbidel’. Qed nuża kwotazzjoni singola peress li qed nuża kliemi biex infisser il-messaġġ li ntbagħat.
Araw il-video u ġġudikaw intom.
U ibqgħu segwuh sakemm fl-aħħar nett Kurt Farrugia — naħseb li huwa Kurt Farrugia — jittanta jitmejjel billi jistieden lil Jacob Borg jidħol għal kafe’.
Mhuwiex kafe’ li rridu. Huma tweġibiet. Jew inkella itilqu ‘l barra u ħallu ‘il ħaddieħor jagħmlu l-kafe’.