Ħafna, ħafna snin ilu, ferm qabel ma ommi bdiet tħallini mmur kunċerti tal-mużika rock, Tina Turner kellha gig fil-Furjana. Kienet is-sena 1990.
Jien ma kontx hemm. Imma n-nies kienu rritornaw minn dak il-kunċert jgħidu li kienet tat spettaklu mill-aqwa. U li Michael Frendo, dak iż-żmien ministru tal-kultura, kien tela’ fuq il-palk biex jilqa’ lill-kantanta. Dakinhar kien hemm min tgħidx kemm stagħġeb li l-politiċi jħobbu jindaħlu fejn ma jesagħhomx.
Eventwalment, għadda ż-żmien u waqt li jiena kbirt u ommi bdiet tagħtini l-permess nattendi għall-kunċerti rock, il-politiċi wkoll bdew jifhmu li posthom mhux fuq il-palk imma fis-sitt filliera minn quddiem.
Jien ma kontx preżenti għall-kunċert ta’ Anastacia lbieraħ, u allura qed noqgħod fuq ir-rapporti li wasluli mingħand min attenda għall-kunċert. Il-kantanta tat spettaklu tajjeb ħafna u l-ebda Ministru ma tela’ fuq il-palk. Imma b’xi mod jew ieħor, fil-kummenti tagħha, xorta rreferiet għall-mexxejja supremi ta’ pajjiżna meta semmiet lill-Prim Ministru u lil wieħed mid-deputati tiegħu.
Apparentement, esprimiet il-gratitudni tagħha lejhom talli ngħatat il-permess li tagħti kunċert f’pajjiżna.
Ma nafx xi struzzjonijiet tawk, Ms Anastacia, imma hawnhekk m’għandekx bżonn il-permess tal-prim ministru biex tkanta fil-pubbliku. Għalkemm jidher li hu jaħseb li għandek bżonn il-permess tiegħu!
Jidher li kien hemm min tgħidx kemm ċapċap għal din l-attitudni servili li tfakkarna fi żmien il-purtiera tal-ħadid għalkemm kien hemm oħrajn li ħassewhom imbarazzati.
Lanqas timmaġinak titla’ fuq il-palk fl-Istati Uniti u tirringrazzja lil Donald Trump talli ħalliek tkanta f’kunċert! Konna qed nittamaw li f’Malta wasalna fl-istadju li l-affarijiet isiru bl-istess mod. Għal xi żmien, almenu, hekk konna naħsbu.