Ibqgħu ċerti li lil Owen Bonnici tal-Ġnus Magħquda mhux se jiġru warajh biex isolvilhom il-kriżi tal-Lvant Nofsani. Ta’ żatat li hu reħielha lejn Leeuwarden, belt Olandiża ta’ 100,000 ruħ, u bħal donnu stenna li n-nies ta’ hemmhekk se joqgħodu jidilkuh bix-xema’ bħalma tidilku ommu u jidilkuh il-mijiet ta’ ammiraturi tiegħu fil-facebook.
Il-fatt biss li ħaseb li dawk lil dawk li jmexxu l-attivitajiet kulturali, l-politiċi u l-ġurnalisti f’belt ċivilizzata Ewropea kien kapaċi li jikkalmalhom ir-rabja tagħhom dwar diskors dispreġġjattiv ta’ uffiċjal pubbliku fil-konfront ta’ ġurnalista assassinata juri kemm Owen Bonnici u sħabu huma maqtugħin mir-realtà demokratika.
Owen Bonnici għadu qatt f’ħajtu ma’ tkellem ma’ ġurnalist, artist jew amministratur pubbliku li m’huwiex wieħed lagħqi u inkompetenti.
Owen Bonnici donnu jaħseb l-artisti huma lkoll bħal Mario Philip Azzopardi, li jehdew bil-vujtaġni u li jagħmlu l-propaganda bi ħlas għall-Partit Laburista.
Donnu jaħseb li l-amministraturi pubbliċi huma lkoll bħal Jason Micallef, li ma jridu xejn biex jarmu r-responsabbiltajiet tal-kariga tagħhom il-baħar jekk dawn ikunu ta’ xkiel għall-interessi tal-Partit Laburista.
Donnu jaħseb li l-ġurnalisti huma lkoll bħal Janice Bartolo, li dlonk jinħallu jekk jaħsel jitbissmilhom.
U allura reħielha lejn l-Olanda bil-ħsieb f’moħħu li jekk jibqa’ jgħid li Jason Micallef kellu “d-dritt” li jiddispezza lil Daphne Caruana Galizia wara l-assassinju tagħha, is-semmiegħa Olandiżi kienu se jqumu bil-wieqfa u jċapċpulu għal din il-loġika tiegħu kif jagħmlulu hawn Malta.
Imma baħnan jibqa’ baħnan. U min ma jindunax li hu baħnan huwa l-akbar baħnan.
Il-vjaġġ li għamel – imħallas minni u minnek – ħalla lil Owen Bonnici fejn kien. Leeuwarden se tkompli tibbojkottja lil Valletta 2018 u ta’ Leeuwarden baqgħu ma jridux jafu bl-organizzaturi ta’ Valletta 2018.
Ara ma jkunx hawn min jaħseb li din hi biss okkażjoni li se ttellef l-attendenza għall-festini. Hi hekk ukoll. Iżda hawn qed nitkellmu dwar il-belt tiegħek, il-Belt Valletta, li issa m’għadhiex kunsidrata bħala belt Ewropea li jitħoqqilha il-kortesija, d-dinjità r-rispett li jitħoqqilhom bliet oħrajn.
Jekk b’dan kollu l-kburija tiegħek b’beltek ma ntmissitlekx, m’għandekx kburija.