The Malta Independent kellu raġun biex ibiegħ meta lmenta dwar il-fatt li TVM qabad u njora stqarrija tal-European Banking Authority fis-sens li tal-FIAU ħallew lis-sistema finanzjarja ta’ Malta sservi ta’ forċina għall-kriminalità. Stennejniha mbagħad li TVM, b’partiġġjaniżmu stupidu liema bħalu, xandar biss it-tweġiba puwerili tal-FIAU.

Iżda għalkemm stennejna dan l-aġir, ma jfissirx li għandna noqgħodu lura milli nikkummentaw dwaru.

Kull jum li jgħaddi l-istazzjon televiżiv nazzjonali qiegħed jittradixxi medda kbira ħafna tal-popolazzjoni li tirrikorri lejh biex tkun tista’ tikseb informazzjoni dwar dak li jkun qed jiġri madwarha.

Hi ħaġa verament tal-għajb daqs kemm hi wkoll veritiera li għad hemm numru kbir ta’ persuni li jiddependu biss fuq it-TVM għall-aħbarijiet. Għal dan jaħtu l-limitazzjonijiet kulturali x’aktarx għaliex dawn jifhmu biss bil-Malti mitkellem akkumpanjat bl-istampi. Tiskanta kemm għad hawn min m’huwiex kapaċi jaqra’ dak li int qiegħed taqra’ bħalissa, aħseb u ara xi kitba miktuba bl-Ingliż. U ma’ dawn tkun trid iżżid lil dawk li ma jiddilettawx bil-qari u li qatt ma qraw xejn f’ħajjithom.

Il-problema hi li ma tantx hawn minn fejn wieħed jagħżel. Dawk li ġenwinament huma għatxana biex isiru jafu l-verità ħafna drabi jevitaw l-aħbarijiet li jxandru l-mezzi tax-xandir tal-partiti politiċi. Għal dawn in-nies, l-istat huwa awtorità li jmur lil hinn mill-partiġġjaniżmu u l-istazzjon nazzjonali televiżiv huwa newtrali u għaldaqstant kredibbli.

Din hi r-raġuni għala propagandisti bħal Reno Bugeja ma jħabblu rashom xejn dwar il-mod selettiv dwar kif tixxandar l-informazzjoni. Għax dawk li jiġġudikaw l-operat tagħhom fl-isfond tax-xandir ta’ aħbarijiet oġġettivi ma jiddependux mit-TVM biex isiru jafu dwar dak li għaddej madwarhom. Int sirt taf dwar ir-rapport tal-EBA għax, jagħmlu jew x’jonqsu li jagħmlu tat-TVM, sirt taf dwaru minn bnadi oħra. U Reno Bugeja ma jista’ jagħmel xejn dwar dan.

Iżda minn dawk li jiddependu fuq it-TVM biss, jista’ jostor kull aħbar dwar ir-rapport tal-EBA. U dawn lanqas isiru jafu dwar l-ilmenti li jsiru dwar dawn in-nuqqasijiet għaliex TVM ma jirrappurtahomx.

Din hija r-raġuni għaliex TVM huwa regolat minn entità kostituzzjonali. U minkejja dan, jidher li issa anke l-Awtorità tax-Xandir ħadet nagħsa ħelwa. Il-PN m’għadux jagħmel protesti mal-Awtorità tax-Xandir dwar in-nuqqasijiet ta’ TVM f’dak li hu d-dmir li jipprovdi informazzjoni u jxandar aħbarijiet li huma ta’ importanza nazzjonali, saħansitra anke dawk li jimbarazzaw lill-gvern.

Ma nistax nifhem il-għala l-PN waqa’ fil-muta. Wieħed ikollu jittama li dan is-skiet m’għandu x’jaqsam xejn ma’ l-interess li jista’ għandu xi ħadd li jipprova jidher ħelu mat-TVM –  u meta ngħid “interess” mhux qed infisser interess politiku.