Meta l-European Banking Authority ikkonkludiet li tal-FIAU kisru l-liġijiet meta naqsu mir-risponsabbiltà tagħhom li ma jippermettux li s-sistema finanzjarja sservi ta’ forċina għall-kriminalità, ikkonfermat ukoll l-istħarriġ ta’ Jonathan Ferris.
Jonathan Ferris kien jaħdem mal-FIAU għal ftit xhur qabel tkeċċa. Kien biss meta ħaddem il-ħiliet li għandu bħala investigatur – ħiliet li akkwistahom minn snin ta’ servizz fil-korp tal-pulizija – li malajr intebaħ li l-FIAU kienet qed tintuża, mhux biex tkun ta’ tarka kontra l-kriminalità, iżda bħala għodda b’riżq il-ħallelin.
Tkeċċa minn xogħol li fil-verità kien ġie sekondat għalih mill-korp tal-pulizija. U tilef postu mill-korp tal-pulizija wkoll. Spiċċa biex daħal il-Qorti b’kawża kontra l-gvern. L-avukat tal-gvern – l-avukat ġenerali – li wkoll imexxi l-FIAU li keċċietu, lill-qorti qalilha li l-kawża li għamel Jonathan Ferris għandha titwarrab sabiex jitħares dak li l-avukat ġenerali jifhem li hu l-interess pubbliku.
Fi kliem ieħor, l-avukat ġenerali qed igħid li ma jkunx fl-interess pubbliku jekk jixxandar dak li jaf Jonathan Ferris. Kif żviluppaw l-affarjiet, il-European Banking Authority issa qed tikkonferma dak li ilu jingħad.
Jonathan Ferris applika biex jingħata whistleblower status biex b’hekk ikun f’pożizzjoni li jaqdi dmiru u jixhed dwar dak kollu li jaf. Dan l-istatus ma ngħatalux u kellu jidħol il-qorti biex jingħata drittijietu. Sal-lum għadu l-qorti jiġġieled biex ikollu l-privileġġ li jservi lil pajjiżu minkejja l-intimidazzjoni, l-fastidju u t-telfien ta’ ħobżu.
Minkejja dak li ġara’ lil Daphne Caruana Galizia, Ferris ġiet miċħuda lilu sigurtà effettiva u dan minkejja l-fatt li qiegħed igħix taħt theddid kontinwu. Dan il-bniedem qed ikollu jgħix ħajtu b’seba’ għajnejn speċjalment kull darba li jdawwar il-ċavetta tal-makna tal-karrozza tiegħu.
Dan huwa xhud li, għax fada’ lill-awtoritajiet Maltin tal-pulizija li magħhom ħadem għal diversi snin, issa qed jaqlagħha fuq rasu ripetutament u b’mod selvaġġ. Dan huwa persuna li ġie mhedded minn ministri tal-gvern u kelliema oħra li pubblikament heddewħ bil-ħabs kemm il-darba jitkellem dwar dak li jaf.
U issa, kif ikkonfermat il-European Banking Agency, irriżulta li kellu raġun: is-sistema finanzjarja ta’ Malta serviet ta’ forċina għall-kriminalità bil-barka tal-FIAU.
Mingħajr aktar dewmien Jonathan Ferris għandu jingħata kumpens għat-telf ta’ paga, għandu jingħata protezzjoni xierqa, għandu jerġa’ jiddaħħal fil-korp tal-pulizija u għandu jingħata l-immunità biex ikun jista’ jixhed kontra dawk li ġabu lill-pajjiżna f’dan l-inkwiet kollu.
Dawk li ġabu lill-pajjiżna f’dan l-inkwiet għandha tiddabbrilhom rashom, għandhom jiġu nvestigati u, fejn ikun xieraq, imħarrka.
Għandna dejjem ninsistu li ssir il-ġustizzja.