Il-Financial Intelligence Analysis Unit, entità li għadha kemm ġiet imċanfra bil-kbir mill-European Banking Authority, issa heddet lil David Casa b’azzjoni kriminali.
Sinjuri, dan mhu xejn ħlief faxxiżmu ri-inkarnat. Il-gvern qed idendel il-manetti quddiem wiċċ wieħed mir-rappreżentanti eletti tagħna.
Ippruvaw ifhmu dan xi jfisser. Il-FIAU tinvestiga lil Konrad Mizzi u tikkonkludi li x’aktarx seħħew atti kriminali li jeħtieġ li jittieħdu passi dwarhom. Il-FIAU imbagħad tixħet il-konklużjonijiet tagħha stess taħt it-tapit. David Casa isir jaf b’dan u wara li jkun tkellem pubblikament u ta żmien lill-FIAU u lill-Pulizija biex jagħmlu xogħolhom u jieħdu l-passi skond il-liġi, fl-interess pubbliku David Casa jaqtagħha li jxandar l-informazzjoni.
Il-Partit Laburista – bejta tal-fake news – joħroġ stqarrija li tgħid li r-rapport imxandar minn David Casa m’hu “xejn ġdid”. Minnu l-fatt li l-akkużi kontra Konrad Mizzi huma ta’ natura kriminali m’hu xejn ġdid. Li hemm ġdid huma mal-109 paġna ta’ provi li jsostnu l-akkużi.
Issa minkejja li qalu li ma hemm xejn ġdid, tal-FIAU wkoll ħarġu stqarrija. Dawn qalu li David Casa kiser il-liġi u qed igħatti lil min tah l-informazzjoni li, minn naħa tiegħu, kiser il-liġi wkoll. U li dawn jeħtieġ jiffaċċjaw il-konsegwenzi.
L-istqarrija tgħid ukoll li r-rapport huwa wieħed falz u ma jirriflettix is-sewwa – allura, ngħid jien – għaliex dan l-għaġeb kollu.
Jeħtieġ li nilqgħu għall-intimidazzjoni faxxista. Jekk ma tiqafx jeħtieġ li nirreżistuha.