Adrian Delia. Segwi lil sieħbek jiftaħar.

Konrad Mizzi għamel “xandira qasira lin-nazzjon” fuq il-website tal-Ministeru tat-Turiżmu biex joqgħod jigdeb u jitbissem fl-istess ħin.

Qalilna li l-inkjesta li tkellem dwarha l-prim ministru — li għad trid tixxandar — eżoneratu u turi li dak li kitbet dwaru Daphne Caruana Galizia fil-blog tagħha ma kien xejn ħlief gideb. Kont se ngħidlek x’kien, Konrad Mizzi, ja giddieb!

L-inkjesta ta’ Aaron Bugeja ma setgħetx tittratta dwar il-kumpannija tiegħek tal-Panama għaliex l-imgħallem tiegħek Joseph Muscat hekk deherlu meta ta l-istruzzjonijiet lill-Maġistrat dwar it-termini ta’ dmirijietu. Għalhekk ma setgħax jittratta dwar il-kontijiet li ftaħt u dwar il-flejjes li kienu lesti biex jintefgħu fihom.

Dan nafuh mhux biss minn dak li kitbet Daphne Caruana Galizia, iżda nafuh ukoll mill-Panama Papers, minn The Daphne Project u mill-proċeduri li fetaħ fil-qorti Simon Busuttil.

Dan nafuh ukoll għaliex, flimkien ma sħabek Joseph Muscat u Keith Schembri, qiegħed tappella minn sentenza tal-qorti li ordnat lill-Pulizija biex tibda’ l-investigazzjonijiet.

Illum qed tiffanfra għax Adrian Delia ħafirhielek u keċċa lil Simon Busuttil li kien ilu jsegwik — kif kien dmiru — hekk kif inkxift ta’ li int.

B’xorti tajba, ħadd għadu ma jidher li qata’ qalbu minnek.

David Casa għadu kemm xandar l-investigazzjoni li l-FIAU għamlet fuqek. Ma jgħoddx 1,500 paġna. Fiħ ftit aktar minn 100 paġna u, kuntrarjament għar-rapport tal-Egrant, ixxandar sħiħ.

Tistgħu taqrawh hawn. Konrad Mizzi, FIAU Report

U kif nistgħu naraw,  bħalissa int suppost qiegħed il-kwartier ġenerali tal-Pulizija biex twieġeb għal mistoqsijiet skomdi ħafna u mhux titbissem qisek għaġeb fuq il-website tal-Ministeru tiegħek.

Aqraw il-konklużjoni:

In vista taċ-ċirkostanzi msemmija, l-informazzjoni li nġabret mill-FIAU tista’ titqies biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li jeżisti suspett raġjonevoli ta’ ħasil ta’ flus u/jew l-esistenza ta’ flejjes ġejjin mill-kriminalità. Għaldaqstant qed jiġi rakkomandat li dan ir-rapport jiġi mgħoddi lill-Pulizija ai termini ta’ Artiklu 31(1) tal-Att dwar il-Prevenzjoni tal Ħasil ta’ Flus (Kapitlu 373 tal-Liġijiet ta’ Malta) sabiex il-pulizija tieħu dawk il-passi li jkun jidhrilha xierqa fiċ-ċirkostanzi.