Illum fil-Qorti Pierre Portelli xehed u stqarr li kien bis-saħħa ta’ deċiżjoni li kien ħa hu li l-mezzi tax-xandir tal-PN naqsu li jxandru r-risposta tiegħi għal storja li kienu xandru fis-sens li dan il-blog kien ħareġ bi storja li tgħid li l-PN ivvota favur liġi dwar il-kannabis. Jien ma kontx ktibt f’dan is-sens. Huma rrifjutaw li jxandru rettifika. U jien daħħalthom il-Qorti biex jiġu mġiegħla jxandru r-rettifika li tlabt.

Pierre Portelli ma ċaħadx li dak li xxandar mill-istazzjon tat-televiżjoni li jmexxi ma kienx korrett. Anzi ammetta li kien bis-saħħa ta’ deċiżjoni li ħa hu li ma xxandritx risposta tiegħi skond il-liġi għal raġunijiet li, fost affarijiet oħra, m’humiex rileventi għall-każ.

M’jinix nikteb hawn biex niddefendi l-każ tiegħi. Dak bi ħsiebni nagħmlu fil-qorti.

Madankollu huwa ċar daqs il-kristall li Pierre Portelli ma kienx qed jimmira lejn il-każ li hemm pendenti fil-qorti: f’moħħu kellu biss it-tir li jipprova jiskreditani. M’għandniex xi ngħidu, l-akbar arma li jista’ jkollu ġurnalist hi l-kredibiltà u Pierre Portelli u l-PN mejtin biex iċaħħduni minnha.

Din hi r-raġuni li tkellem dwar dak li kien seħħ aktar minn sena qabel seħħ l-inċident dwar ix-xandir tal-istorja dwar il-liġi tal-kannabis – żmien li fih jien ma kontx ġurnalist, hu ma kienx imexxi x-xandir tal-PN u Adrian Delia ma kienx il-Kap tal-PN.

Dak li stqarr Pierre Portelli huwa nofs verita’, li hi agħar minn gidba.

Jien qatt ma kxift li kont jien li ktibt artikli bl-Ingliż biex jidhru f’isem Adrian Delia fit-Times of Malta u fil-Malta Independent għal waqt il-kampanja għat-tmexxija tal-PN. Ma kxiftx dan kollu għaliex min jagħmilha ta’ ghost writer m’għandu qatt jipprova jieħu l-mertu għal dak li jinkiteb u li jixxandar f’isem klijent. Issa li Pierre Portelli għoġbu jikxef din l-istorja għal raġunijiet li se nitkellem dwarhom aktar tard, inħoss li dak li kien klijent tiegħi – jiġifieri Adrian Delia – issa fetaħli l-bibien biex ngħid dak li fil-fatt kien ġara’.

Meta Pierre Portelli kien avviċinani fiż-żmien meta Adrian Delia kien ħabbar li kien bi ħsiebu jikkontesta l-elezzjoni għal Kap tal-PN, lil Adrian Delia bil-kemm kont nafu. Iżda lil Pierre Portelli kont nafu sew. Kif qal huwa stess, konna studenti flimkien fl-Universita’ 25 sena ilu. U kif qal ukoll, madwar tliet snin ilu talabni naċċetta l-kariga ta’ editur ta’ The Malta Independent on Sunday. Dak iż-żmien jien kont impjegat u kont nitħallas mal-erba’ darbiet aktar mill-paga li kien offrieli hu u – għalkemm ħassejtni onorat bl-offerta – għidtlu li ma kontx interessat.

F’Ġunju 2017 reġa’ avviċinani. Din id-darba mhux biex nagħmilha ta’ ghost writer  għal Adrian Delia. Qalli li kien tal-fehma li jien kien imissni nerġa’ lura għall-ħajja politika professjonali issa li tal-PN kien se jkollhom “Mod Ġdid” u li xtaqni nħadem għal Adrian Delia. Lil Pierre Portelli weġibtu billi għidlu li kont kuntent b’dak li kont qed nagħmel f’ħajti u li ma xtaqtx nerġa’ lura għall-ħajja fil-politika.

Aktar tard talabni biex nagħmliha ta’ ghost writer għall-kandidat preferit tiegħu u qalli wkoll li ma setgħax iħallasni. Minħabba r-relazzjoni ta’ ħbiberija ta’ bejnietna, aċċettajt li nagħmillu pjaċir. Pierre Portelli deherlu li kien qiegħed jappoġġja żiemel tajjeb u jien fdajt fil-ġudizzju tiegħu. Dak iż-żmien ma stajtx ngħarbel sew lil Adrian Delia. Mal-medda taż-żmien, iżda, bdejt ngħarblu aktar mill-viċin.

Meta Pierre Portelli kien talabni biex intih daqqa t’id, dan il-blog kien għadu jitwieled u ftit kienu dawk li kienu għadhom jiftakruni. L-aħħar li kont fil-ħajja pubblika kien fl-2013 u sal-2017 kont ilni li għosfort mix-xena. Kont ħdimt fl-Afrika u kien biss f’Ġunju 2017 li bdejt niktab f’dan il-blog tlieta jew erba’ darbiet fil-ġimgħa. Ma kontx għadni sirt ġurnalist: kont bejjiegħ tas-software u awtur ta’ artikli miktubin b’delizzju u mingħajr ħlas.

Ma rajt xejn ħażin li nagħmel pjaċir lil ħabib. Fil-kampanja b’kollox ktibt madwar nofs tużżana artikli. Pierre Portelli jrid jagħtik x’tifhem li jien kelli b’xi mod x’naqsam mar-retorika ta’ Adrian Delia dwar il-“biċċa blogger”. Ma dan jien ma kelli x’naqsam xejn. L-artikli li dehru f’isem Adrian Delia u li xxandru fit-Times of Malta u fil-Malta Independent kont ktibthom jien bil-mod kreattiv tiegħi. Sibt ruħi nikteb dwar il-politika tal-partit. Ma kontx naf f’hiex kienet tikkonsisti l-viżjoni ta’ Adrian Delia jew x’programm kellu u mal-medda taż-żmien kelli nsir naf li la kellu viżjoni u lanqas programm u, jien u nikteb, bdejt nagħmel tabirruħi x’kont nagħmel li kieku kont fiż-żarbun tiegħu.

Din hi dik li tissejjaħ “kitba kreattiva”: il-kelma “ghost” tagħtik ħjiel tal-iskop kollu wara kitba bħal din. Għalkemm inħoss li ftit huma dawk li jiskantaw meta jisimgħu min igħid li Adrian Delia m’huwiex kapaċi li jikteb artikli mimlijin ideat bħal dawn.

Illum Pierre Portelli stqarr li jien kittieb tajjeb. Ċertament m’għandix xi lawrja fil-letteratura. Iżda paragunat ma’ Adrian Delia u ma’ Pierre Portelli, nistqarr li għandi l-ħiliet fil-kitba. Huma m’humiex kapaċi jiktbu għaliex m’humiex kapaċi li jaħsbu.

Pierre Portelli mingħalih li llum ħareġ bl-istorja politika tas-seklu. Ċertament, l-udjenza li xtaq jindirizza ma tikkonsistix fit-trolls u fis-segwaċi ta’ Adrian Delia u bi kliemu kisser għal kollox l-akkużi li spiss jagħmluli li jien għandi xi nostalġija għall-influwenza u għas-saħħa li suppost kelli fi żmien Simon Busuttil, liema influwenza u saħħa suppost spiċċatli meta Adrian Delia “għamel tindifa” tal-imbarazz li suppost sab fid-Dar Ċentrali. Ironikament, il-fatti huma bil-maqlub.

Issa qed jippruvaw idawwruha li jien kont iddeċidejt li nsir ġurnalista full-time għaliex, meta Pierre Portelli kien talabni nkompli nikteb wara li l-impenn tiegħu kont għamiltu ġie fi tmiemu hekk kif intemmet il-kampanja, kont għidtlu li ħassejt li kont għamiltlu biżżejjed “pjaċiri”.

Hekk kif kienet għaddejja l-kampanja, bdejt inħossni dejjem aktar skomdu nikteb l-artikli biex jixxandru bħallikieku kien kitibhom Adrian Delia. Fil-fatt kont ktibt f’dan is-sens kemm fil-blog tiegħi kif ukoll fis-Sunday Times of Malta. Lil Pierre Portelli saħansitra kont għitlu f’wiċċu li, kemm il-darba kelli niddieċiedi li nerġa’ lura għax-xogħol politiku, lanqas kienet tgħaddili minn moħħi li naħdem għal Adrian Delia għaliex deherli li dan kien libes żarbun li ma jiġiħx. U ma qgħadtx lura milli niffirma ismi kull meta esprimejt ruħi pubblikament dwar Adrian Delia.

Daphne Caruana Galizia kienet diġa’ xammet li kont ktibt xi artikli bħala ghost writer għal Adrian Delia u waqt il-kampanja staqsietni biex nikkonferma li hekk kont qed nagħmel. Hi qatt ma kitbet xejn dwar dak li kienet taf għax kienet taf daqsi u aktar minni ghost writer x’ifisser. Madankollu waqt il-kampanja kienet kitbet li l-blog tiegħi kienet tikkunsidrah bħala għajn ta’ raġuni f’nofs il-ġenn kollu li kien qed jitkebbes minn Adrian Delia u minn Pierre Portelli

Ix-xogħol li nbeda minn Pierre Portelli fil-qorti dalgħodu tkompla mit-trolls tiegħu. Araw ftit kif il-Viċi Kap Robert Arrigo ġibed l-istess konklużjoni li jrid li tiġbed int: li jien iddeċidejt li nsir ġurnalista full-time għax Adrian Delia ma riedx iħallasni biex inkun dispost nappoġġjah.

Id-dati ta’ meta seħħew l-affarijiet qalbuhom. F’din il-blog kif ukoll fis- Sunday Times of Malta (tistgħu tiċċekkjaw kollox – hemm qegħdin, iswed fl-abjad) kont ktibt – qabel ġie elett bħala kap – li l-għażla ta’ Adrian Delia ma kinitx għażla tajba. Pierre Portelli kien reġa’ talabni nibda’ nikteb wara li ġie elett Adrian Delia, jiġifieri fiż-żmien meta kont għidtlu li kont onorajt il-ftehim li kelli miegħu u li ma stajtx inkompli nikteb mingħajr ma nitħallas.

Dan mhux biżżejjed. Taħsbu li huwa kredibbli li jien kont tlaqt minn impjieg full- time biex insir ġurnalist mhux imħallas u dan għar-raġuni li Adrian Delia ma riedx iħallas miżerja ta Eur120 għall-kitba ta’ artiklu darba fix-xahar?

Taħsbu li din kienet l-esperjenza li suppost bidlitli l-boxxla ta’ ħajjti?

Jew inkella dan kollu ġara’ għaliex fiż-żmien meta Pierre Portelli – mhux Manuel Delia – kien qed jagħmilha ta’ ghost writer għal Adrian Delia spiċċat inqatlet Daphne Caruana Galizia – l-istess mara li kienet ġiet imgħajjra “biċċa blogger”?

Naf ċert li ftit huma dawk li se jifhmu kif jien tlaqt impjieg biex nagħmel dak li qed nagħmel illum. Taħsbu li jeżisti xi pajjiż demokratiku ieħor fid-dinja fejn lill-ġurnalisti u lill-attivisti tas-soċjeta’ ċivili jkollhom jiffaċċjaw dawn l-affarijiet? Taħsbu li jeżistu ġurnalisti ta’ fehma Laburista li jaħdmu ma’ The Guardian li jkollhom jiffaċċjaw dawn il-kummiedji dan kollu għaliex jidhrilhom li Jeremy Corbyn ma jiswiex karlin?

U żgur li le.

Ħadt il-żmien tiegħi biex nikteb din it-tweġiba Pierre Portelli u lilu u lit-trolls tiegħu tajthom biżżejjed żmien biex jilħqu lill-udjenzi tagħhom. Skond Pierre Portelli, dawk li jirrispettaw lil din il-website issa ngħataw iċ-ċans li jiddubitaw għandhomx jibqgħu jirrispettawha u daħħalha f’rasu li dawn kollha bil-mod il-mod issa se jibdew jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Adrian Delia.

Dalgħodu jien m’attendejtx il-Qorti għaliex ninsab imsiefer mal-familja. U ma kontx bi ħsiebni ninterrompi l-ikla li kont qed niekol għal wiċċ Pierre Portelli.

Jista’ jkun li l-lixka li għamel Pierre Portelli jkun hemm min jiblagħha. Paċenzja. Jien ngħid li għandi ngħid u ma nistenniex l-applawsi. Ma tlift ebda vot. M’għandniex xi ngħidu, mhux bħal Adrian Delia li sal-bieraħ ma kellu ebda vot u llum qed jipprova jakkwista xi ftit minnhom.

Ġieli noqgħod naħseb u nistaqsi lili nnifsi kemm dan kollu hu vallpena u x’kien ġiegħelni naqbad it-triq li twassalni biex ngħid li għandi ngħid bil-liberta’ f’pajjiż fejn dawk li kapaċi li jaħsbu b’moħħhom jispiċċaw vittmi ta’ dawk li ma jafux jaħsbu b’moħħhom.

Min jaf, forsi b’persuni b’mentalita’ tat-tfal bħal Adrian Delia u Pierre Portelli li jaspiraw għal karigi li suppost jimtlew minn nies maturi, ikun jaqbel għall-futur ta’ wliedi jekk neħlishom minn dan il-ġenn u nitlaq minn Malta biex Pierre Portelli jkollu aktar fejn jimraħ.