Il-bieraħ Pierre Portelli tkellem dwar żmienu fl-Università. Fl-1998 kien iggradwa b’lawrja fil-Komunikazzjonijiet bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien li beda’ jxandar in-Net TV, stazzjon li llum imexxih hu stess.

Bħala student matur li kien se jillawrja, kiteb teżi f’paġna 7 ta’ The Times kien ixxandar bran minn din it-teżi.

Dak iż-żmien Eddie Fenech Adami kien qallu li “t-televiżjonijiet bil-partiti bħala sidien huwa fenomenu ta’ transizzjoni f’Malta. Waqt li l-Partit Nazzjonalista kien qed iħejji biex ivara l-istazzjon televiżiv tiegħu, Dr Fenech Adami qal li l-fatt li l-PN kien se jkollu l-istazzjon tat-televiżjoni tiegħu għandu eventwalment iwassal biex tispiċċa l-ħtieġa li l-partiti jkollhom l-istazzjon tat-televiżjoni tagħhom

“Dr Fenech Adami qal li l-fenomenu tal-istazzjonijiet tal-televiżjoni tal-partiti politiċi huwa wieħed ta’ transizzjoni u li mal-medda taż-żmien u hekk kif ikun hemm aktar maturita’ fil-politika, l-ħtieġa li l-partiti jkollhom l-istazzjonijiet televiżivi tagħhom għandha tispiċċa”.

Illum ma tantx għandna biex inkunu ottimisti. Mill-1998 ‘l hawn, li kieku l-politika verament saret aktar matura u li kieku d-demokrazija tagħna leħqet livell ogħla ta’ maturita’, l-istazzjonijiet televiżivi ma kinux jibqgħu kontrollati mill-partiti.

Fl-1998, iż-żgħażugħ Pierre Portelli kien staqsa mistoqsija intelliġenti lill-partiti politiċi. Il-fatt li huma sidien ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni hi theddida għad-demokrazija? M’għandniex xi ngħidu, t-tweġiba tagħhom kienet “le”. Iżda s-sinjifikat jinsab fil-mistoqsija u mhux it-tweġiba.

Fl-1998 Pierre Portelli kien fehem li l-istazzjonijiet tat-telviżjoni għad jintużaw mill-partiti politiċi biex jimminaw il-ħajja demokratika. Issa, għoxrin sena wara, hu stess qed imexxi wieħed minn dawn l-istazzjonijiet u qed jużah biex jivvendika ruħu dwar kwistjonijiet personali.

Pierre Portelli il-bieraħ mexxa l-idea li jien “merċenarju”. Robert Arrigo — li jmexxi l-ġbir tal-fondi għall-PN — iddieħak bil-fatt li din il-website taċċetta donazzjonijiet ta’ flus mingħand il-qarrejja. “Kollox għall-flus”.

Għandi ma sibtx mod kif nista’ ngħaddi mingħajr il-flus għalkemm l-aspettattivi tiegħi m’humiex għoljin u marti tikkontribwixxi sew għad-dħul tal-familja.

Imma possibbli għandu l-wiċċ li jgħajjarni merċenarju min qed jaqbad paga mħallsa minn partit politiku?