Pierre Portelli għandu raġun biex ibiegħ. Il-Partit Nazzjonalista mhuwiex dawk il-qabda bloggers li jippretendu li l-Partit huwa tagħhom. Ċertament li m’huwiex tagħhom.

L-istqarrija li għamel illum fil-Facebook m’hi xejn ħlief attentat biex it-tifħir li ngħata Adrian Delia dwar il-karattru tiegħu kemm mill-eks-sieħbu fl-uffiċċju legali li kellu, kif ukoll minn ħatnu, jiġi trasferit għax-xena politika.

Mhux anqas mid-Deputat Prim Ministru li qalilna li m’għandniex nistennew li l-mexxej tal-PN għandu jirriżenja sakemm ikun qed jiddefendi ruħu fil-Qorti dwar akkużi ta’ vjolenza domestika. Inzerta li Robert Musumeci u Jeffrey Pullicino Orlando qed idoqqu l-istess diska.

Chris Fearne jidhirlu li Adrian Delia għandu jibqa’ fejn hu, għallinqas sakemm ikun hemm xi qorti li tikkundannah dwar xi ħaġa. Din mhix il-fehma ta’ xi Ċikku l-Poplu. Hemm ukoll fehmiet assurdi bħal dik ta’ Jeffrey Pullicino Orlando li ħareġ bi ħrafa li wara l-pressjoni li qed issir fuq Adrian Delia hemm Richard Cachia Caruana. Ċar li l-fissazzjonijiet ma tantx jitmewwtu kif ġieb u leħaq.

Iżda f’dak li stqarr Chris Fearne nistgħu naraw f’hiex tikkonsisti l-politika uffiċjali tal-Labour. Skont huma, politiku m’għandux għalxiex iwarrab minħabba allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika magħmulin minn martu. Donnhom qed igħidulna: miskin tuħ ftit tan-nifs u erħulu.

Kristy Debono tkellmet ukoll dwar il-mod li bih għandhom jirreaġixxu fil-konfront tal-allegazzjonijiet li saru kontra Adrian Delia id-deputati parlamentari nisa li kienu għamlu kampanji ħorox biex isiru riformi fil-liġijiet dwar il-vjolenza domestika.

Fost in-nisa, kienet minn tal-ewwel li tkellmet u, f’dan il-każ, il-fatt li hi mara huwa ferm sinjifikanti.

Kristy Debono wkoll jidhrilha li, minkejja l-allegazzjonijiet li saru ta’ vjolenza domestika, l-kwistjoni tas-separazzjoni ta’ Adrian Delia hi waħda ta’ natura privata u waħda li ma teffettwax ħażin l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Allura jidhrilha li kulħadd għandu jsodd ħalqu dwarha. Miskin tuh ftit tan-nifs u erħulu.

Dak li stqarret huwa aktar sinjifikanti minħabba l-fatt li hi l-unika parlamentari mara li tkellmet s’issa dwar il-kwistjoni. Ħaddieħor baqa’ sieket u dan ma jistax ħlief ifisser li dawn jaqblu magħha.

Kif qalilna llum Pierre Portelli, hemm l-unanimità fost il-klassi politika, biż-żewġ partiti jaqblu bejniethom li Adrian Delia għandu jibqa’ fejn hu.

M’għandniex xi ngħidu, bħal ħaddieħor għadni nisma’ l-garr minn taħt l-ilsien ta’ wħud mill-membri parlamentari dwar dan. Jekk dawn verament għandhom opinjoni politika, għaliex qed iżommuha bejnhom u bejn ruħħom? Il-garr minn taħt l-ilsien ma jiswa’ xejn. Jiswew biss l-istqarrijiet pubbliċi u dawk li smajna s’issa mingħand il-klassi politika huma fis-sens li meta politiku jiġi mixli li kkaġuna l-vjolenza domestika, m’għandniex nitkellmu dwar il-kwistjoni sakemm ikun hemm kundanna mill-qorti.

Din il-fehma hi ċara.

U mbagħad hemm il-‘qabda bloggers’ li jitkellem dwarhom Pierre Portelli li, skont hu, jippretendu li għandhom id-dritt li lil Adrian Delia jew lill-PN igħidulhom x’għandhom jagħmlu.

Tgħid għal minn qed jirreferi hawn?

Illum Ramona Depares kitbet blog fuq timesofmalta.com. Din hi tal-fehma li dawk li qed isejjħu għar-riżenja ta’ Adrian Delia għandhom l-aġenda tagħhom. Madankollu taqbel magħhom li l-pożizzjoni tiegħu m’għadhiex tenibbli. Kif qalilna Pierre Portelli, Ramona Depares m’għandhiex toqgħod tindaħal x’għandu jagħmel jew ma jagħmilx Adrian Delia.

F’kitbietu fil-Lovin Malta, Christian Peregin qatt ma qagħad jogħmodha matul dawn l-aħħar ġranet. Skont hu, Adrian Delia għandu jwarrab. Iżda, kif igħidilna Pierre Portelli, il-blog ta’ Peregin m’għandux jindaħal fejn ma jesgħux.

Nistenna li tafu kif naħsibha jien dwar il-kwistjoni. Ma nafx Pierre Portelli x’ried igħid biha l-frażi “erba’ bloggers”: min jaf, forsi qed iħeġġiġni bil-pulit biex nissokta bid-dieta u bl-eżerċizzju? Nissuspetta li din il-frażi ma ħariġx biha b’kumbinazzoni.

Hi fil-fatt frażi mnebbħa minn dik il-famuża frażi li kien uża l-imgħallem tiegħu fil-kampanja biex isir Kap tal-PN – frażi li għaliha se jibqa’ msemmi: “biċċa blogger”.

Meta kien tkellem Adrian Delia, kien qal li ġurnalista minn barra l-Partit m’għandhiex tippretendi li tidddetta l-aġenda tal-Partit. U li din il-pretensjoni – li f’moħħ il-kelliem u s-segwaċi tiegħu kienet realta’ – kellha tixxejjen.

Ir-rwoli qegħdin jitħawwdu proprju hawn u f’dan is-sens Pierre Portelli għandu raġun.

Hi affari tal-Partit Nazzjonalista l-għażla ta’ dak li għandu jmexxih. Il-fehmiet ta’ ħaddieħor dwar dan mhux se jbiddlu lil din ir-realta’.

Xogħol il-membri u l-mexxejja tal-Partit jikkonsisti f’li jagħmlu għażliet tajbin. U jekk dawn l-għażliet ma jkunux tajbin, ikollhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi mal-elettorat. Nieħdu eżempju ta’ negozju privat. Jekk immur f’ristornat u nintebaħ li l-kok lanqas m’hu kapaċi li jgħalli bajda, bħala klijent m’għandi ebda dritt li nkeċċi lill-kok u nissostitwih b’ieħor. Dan xogħol sid ir-ristorant.

Madankollu ħadd ma jlumni jekk nitkaża mal-erbat irjieħ dwar il-kwalita’ ħażina tal-ikel li jservu f’dak ir-ristorant. U dawk li jemmnu dak li nkun tkażajt bih, min hu sidhom jekk jiddeċiedu li dak ir-ristorant ma jmorrux jieklu fih?

Is-sid tar-ristorant ikun jeħtieġ li jagħmel il-kalkoli tiegħu sewwa u jistaqsi lilu nnifsu: vallapena li nibqa’ ninjora lil min qed jikkritikani ġaladarba l-kritika tiegħu qed tingħata widen u qed tnaffarli n-nies?

Dawn il-biċċa bloggers, jew erba’ bloggers, m’huma ħadd ħlief il-kritiċi tax-xena politika. Dan m’hu xejn ħlief xogħol il-ġurnalisti u tal-opinjonisti: jgħarblu dak li josservaw u jitkellmu dwar dak li jkunu osservaw ma dawk li jtuhom widen. Jeżistu kritiċi tajbin u oħrajn ħżiena daqs kemm hemm ristornati tajbin u oħrajn ħżiena. Hemm ukoll kritiċi li, mal-medda taż-żmien, jakkwistaw ċerta kredibilita’ għax il-qarrejja tagħhom jafdaw il-ġudizzji li jagħmlu. Hemm ukoll kritiċi oħrajn li ma jagħmlu xejn ħlief jagħżqu fl-ilma.

Eżatt bħar-ristorant, partit politku għandu quddiemu għażla sempliċi: irranġa dak li jeħtieġ li jitranġa biex imbagħad taħsad frott bnin f’dak li hu negozju jew inkella kompli għażel li tispara fuq il-kritiċi għax int awtonomu sakemm imbagħad jiġu jħabbtulek biebek il-kredituri tiegħek.

Għaldaqstant Pierre Portelli għandu raġun biex ibiegħ. Aħna min aħna biex niddettaw x’għandu jagħmel il-PN fil-konfront ta’ min qed jiġi mixli minn martu bi vjolenza domestika u dwar jekk dan għandux jibqa’ fejn hu jew le? Din l-għażla ċertament m’hix tagħna. Kif iqiegħdha Pierre Portelli, hi l-għażla tal-membri, tal-voluntiera, tal-impjegati u tal-mexxejja tal-Partit. Kulma nistgħu nagħmlu hu li nespriemu fehmitna – fehma li ċertament mhix infallibbli.

Issa għad jasal dak il-jum li fih l-elettorat ikollu jiddeċiedi x’kwalita’ ta’ prim ministru jixtieq li jkollu biex imexxilu l-gvern u x’kwalita’ ta’ partit politiku jixtiequ li jkollu biex imexxi l-pajjiż. U forsi dakinhar Pierre Portelli u Kristy Debono u dawk il-mexxejja siekta li llum jaqblu mal-fehmiet tagħhom ikunu jistgħu jgħidulna lkoll – l-erba’ biċċiet bloggers li aħna – kemm kellhom raġun meta għażlu li jinjorawna.