Fl-2015 Anton Borg, dak iż-żmien President tal-Kamra tal-Kummerċ, kien laqa’ lil Simon Busuttil flimkien ma’ delegazzjoni tal-PN sabiex jiġi diskuss il-programm ekonomiku tal-Partit. M’għandniex xi ngħidu, l-Oppożizzjoni kienet qed tipprova twassal il-messaġġ li hi gvern alternattiv.
Iżda Anton Borg espriema ruħu fuq affarijiet oħra: “fejn tidħol il-governanza tajba, is-saltna tad-dritt u l-livelli, m’għandu qatt ikun hemm ġirja lejn il-qiegħ. Għandha dejjem tkun kompetizzjoni bejn iż-żewġ naħat tal-parlament dwar liema partit joffri l-aħjar politika u l-iprem kwalità f’dak kollu li jagħmel”.
Hawn kien qiegħed iwissi lill-PN biex ma jaqax għat-tentazzjoni li jaqlibha lil tal-Labour f’dawk li huma l-klijenteliżmu u l-korruzzjoni anki jekk tal-Labour – mingħajr ironija ta’ xejn – dan isejjħulu aġir “business friendly”.
Dawk li ma jarawx il-bogħod aktar mill-ponta ta’ mneħirhom ma jiddejqux jitmiegħku fil-ħmieġ ta’ gvern korrott. Iżda min igħix bin-negozju u jinsab impenjat lejh, jeżiġi kjarezza legali, is-saltna tad-dritt, ġustizzja u trasparenza.
Fl-2015 Anton Borg ma setax ikun jaf aktar minn ħaddieħor kemm il-gvern Laburista fil-fatt kien għodos lejn il-qiegħ għaliex l-iskandlu tal-Panama Papers kien għadu ma feġġx fix-xena u kienu għadhom ma bdewx jimpjegaw eluf ta’ bażużli u jqassmu art pubblika tista’ tgħid b’xejn.
Iżda kien tkellem hekk kif feġġew l-ewwel skandli bħal dak tal-Cafe’ Premier.
Il-Kamra tal-Kummerċ, bħala entita’ li temmen bis-sħiħ fil-kompetizzjoni u fil-ġid li din iġġib magħha, ma qalitx li l-partiti m’għandhomx jikkompetu bejniethom. Anzi, permezz tal-President tagħha, il-Kamra saħqet dwar l-importanza fundamentali tat-tħaddim tal-politika b’mod dijalettiku: il-partiti politiċi għandhom jippikaw bejniethom dwar min minnhom ikollu l-ħila li jipprovdi lill-votanti b’alternattivi innovattivi għall-aħjar ġid tal-pajjiż.
Min jaf x’kien igħid Anton Borg li kieku tkellem f’dawn il-ġranet.
Għal għexieren ta’ snin, tal-Labour għamlu l-almu kollu tagħhom biex ibaxxu l-livelli politiċi f’kollox. B’mod jew ieħor, tal-PN bħal donnhom qed jippruvaw jippikaw biex ibaxxu l-livelli dejjem aktar. Dan qed iwassal biex ir-rivalita’ jew il-kompetizzjoni qed jitħaddmu permezz tal-mod l-antik jew tal-politika negattiva.
Din hu r-raġuni l-għala tal-PN saru qieshom tal-Labour: saru alleati magħhom kontra għadu komuni minflok jikkompetu ma’ xulxin.
Mhux possibbli li wieħed ikejjel il-manuvrar politiku tal-partiti permezz tal- metodi konvenzjonali li jintużaw biex jgħarblu lill-politiċi. Il-ħruġ ta’ dokumenti dwar politika saru ħaġa rari u d-diskorsi politiċi saru mimlijin retorika, simplistiċi u saħansitra puwerili.
Fiż-żminijiet u fil-kuntest tal-lum, il-ħsieb tal-partiti politiċi jintagħraf f’dak li jixxandar fil-mezzi tax-xandir li jinsabu taħt il-kontroll tagħhom u fit-trolls li jirrepetu l-propaganda skond kifikunu ordnawlhom.
F’dan kollu tkun tista’ tintebaħ x’qed jinkwetahom, x’qed ikiddhom u x’inhuma l-miri tal-attakki tagħhom.
Fil-faċċata ta’ quddiem tal-ġurnal tal-PN ta’ nhar il-Ħadd ixxandret storja dwar dawk li suppost huma l-pjani sigrieti tal-gvern biex jintroduċi l-abort. Uffiċjalment il-gvern qed igħid li din il-kwistjoni mhux bi ħsiebu jittrattaha f’din il-leġiżlatura. Jekk dan hux minnu jew le, għadna ma nafux.
Il-gvern ta’ Joseph Muscat kemm il-darba għamel użu minn kwistjonijiet soċjali biex joħloq qasma fil-PN. U kif fl-imgħoddi l-PN kien irnexxielu joħloq alleanza bejn il-kattoliċi u l-liberali, id-divorzju, l-unjoni ċivili u inizjattivi oħra bħal dawn inġiebu ‘l quddiem biex joħolqu din il-qasma. Dawn kienu suġġetti li l-PN ried li jevita għax kienu jesponulu ċerti dgħjufijiet.
Il-qasma li xtaq il-Labour fi ħdan il-PN ma seħħitx u, b’ironija liema bħalha, issa l-PN qed jitkellem dwar l-abort bil-għan li jsaħħaħ favur tiegħu lill-votanti Kattoliċi u jħejjihom għall-assedju li jmiss.
Il-PN irid iwassal il-messaġġ li min ma jappoġġjax lil Adrian Delia ikun qed jistieden il-qtil tat-trabi.
U biex żgur ma jitħalla ebda dubju, fuq il-faċċata ta’ quddiem ta’ Il-Mument kitbu li tal-Occupy Justice huma favur l-abort.
Tal-Occupy Justice wieġbu billi qalu li dan is-suġġett lanqas biss ikkunsidrawh u li huma ma esprimew ebda opinjoni dwar il-kwistjoni. Tal-Mument ma kienet xejn ħlief aħbar falza. Fi kliem ieħor gidba fabbrikata minn Pierre Portelli li, kif tistgħu taraw, daħal f’battibekk ma’ waħda mill-attivisti tal-Occupy Justice.
Dejjem ftakru li Pierre Portelli l-kumpannija li xxandar Il-Mument. L-istorja hi tiegħu.
Hu x’inhu, dawn ċaħdu b’mod uffiċjali li kienu favur l-abort iżda dan ma bidel xejn min dak li kien leħaq seħħ.
It-trolls issa qed igħidu li min jattendi l-attivitajiet tal-Occupy Justice jkun qed jikkampanja favur l-abort.
Eżatt hekk kienu jagħmlu tal-Labour meta kien hemm uħud mis-segwaċi tal-partit li kienu qed jaħsbuħa sewwa li jivvutaw “iva” fir-referendum dwar id-dħul fl-Unjoni Ewropea u lil dawn kienu jgħidulhom li uliedhom kienu se jiġu mġiegħla jiġġieldu fil-gwerer fl-Ewropa.
Il-gidba dwar l-abort tista’ timpressjona lil dawk l-imzazen Kattoliċi li jibilgħu malajr dak kollu li jingħad.
Naqta’ rasi li issa jinsabu fil-mira l-liberali konxjenzjużi li jattendu l-attivitajiet tal-Occupy Justice li għandhom għal qalbhom il-governanza tajba.
Il-bieraħ tal-One TV xandru storja dwar “dik li kienet attivista tal-Occupy Justice jisimha Erica Mizzi (min?) li rriżenjat mill-grupp għax ġiet “imġiegela” tiġbor għexieren ta’ eluf ta’ ewro li ma tafx x’sar minnhom.
M’għandniex xi ngħidu, din kienet gidba sfaċċata li ġiet attribwita jew lil persuna li ma teżistix jew li gidbet fl-interess ta’ dawk li qed jużawha.
Din l-istorja xxandret fuq One TV iżda huma t-trolls tal-PN li qed jirrepetuha. Din l-istorja saħansitra sabet ruħħa wkoll fil-paġni tal-Facebook tal-fergħat tal-PN li, għal ġieħna, issa saru jserrħu fuq l-aħbarijiet li jxandar il-One News.
Wieħed malajr jista’ jintebaħ x’inhu jiġri hawn. Qegħdin jagħmlu l-arja mal-attivisti u jivvintaw l-istejjer dwarhom. Qegħdin iġiegħluhom jiċħdu stejjer ivvintati li jpinġuhom bħala nies li huma favur il-qtil tal-embrijuni jew li huma frodisti u dan sabiex jaljenaw lill-poplu mill-veritajiet li dawn qegħdin isostnu.
Kif qed taraw, il-partiti politiċi issa jinsabu magħqudin kontra forza li qed jintebħu li qed tissaħħaħ ġmielha.
Araw ftit x’kiteb Pierre Portelli.
Il-mezzi tax-xandir li jinsabu taħt il-kontroll tiegħu ilhom xhur sħaħ jinjoraw il-protesti. Meta l-attivisti ġew attakkati fiżikament, din l-aħbar ġiet injorata mix-xandir tiegħu. Meta l-gvern ma ppermettiex il-protesta u ċċensuraha għal mitt darba, ra kif għamel biex il-partit tiegħu jagħmel tabirruħu li ma kien ġara’ xejn.
Issa li jinsab dahru mal-ħajt, qed jirrealizza li dawn l-attivisti se jkomplu bil-protesti u allura qed jirrikorri għall-gideb biex mingħalih iwarrabhom u jidħol flokhom.
Qed nassistu għal ġirja lejn il-qiegħ u, fil-proċess, iż-żewġ partiti politiċi qed jirnexxielhom inaffru lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom is-sewwa.