Guest Post: ir-raġuni għala jriduh jibqa’ f’postu

By
2019-01-19T18:47:02+02:00Tue, 15th Jan '19, 10:00|0 Comments

Fin-Newsbook, Desmond Zammit Marmarà jintroduċi l-blog tiegħu billi jikteb li “hu partitarju Laburista u għaldaqstant huwa wieħed minn dawk li m’għandhom ebda xewqa li jaraw lil Dr Adrian Delia jsir Prim Ministru ta’ Malta.” Huwa jikkonkludi billi jgħid li “huwa wieħed minn dawk li se jkompli jagħmel l-almu tiegħu biex tal-Labour jibqgħu fil-gvern u biex il-PN taħt Dr Adrian Delia jibqa’ fl-Oppożizzjoni”.

Jekk kiteb dan kollu biex mingħalih iserrħilna rasna li huwa m’għandu ebda ħsieb moħbi hu u jiddefendi lil Dr Delia, Zammit Marmarà fallielu bil-kbir.

U ma ġabhiex żewġ minħabba l-fatt li Desmond Zammit Marmarà jikteb bil-mod kif jikteb għax huwa partitarju Laburista. B’Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni jaf li jista’ jserraħ rasu li l-PN jibqa’ fl-Oppożizzjoni. Din hija r-raġuni għala, għall-ewwel darba fl-istorja riċenti, nies fil-qalba tal-Partit Laburista, inkluż il-mexxej, qed jiddefendu bi ħġarhom lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Id-demokrazija ma tiġix mhedda meta jkollna mexxejja kredibbli. Li kieku Delia kellu jagħmel dak li suppost ilu li għamel u warrab, l-unika theddida għad-demokrazija li jkollna tkun ġejja miż-żamma tas-setgħa f’idejn tal-Labour.

L-istejjer li xxandru dwar Delia wieħed forsi jista’ jsejjħilhom “allegazzjonijiet”. Iżda huma dawn l-allegazzjonijiet li qegħdin isikktu lill-Oppożizzjoni. Kif tista’ l-Oppożizzjoni tikkritika l-imġieba tal-gvern meta l-Kap tal-Oppożizzjoni jingħad li jġib ruħu bl-istess mod?

Jien m’jinix membru tal-PN u, għalkemm fl-imgħoddi vvutajt PN kemm il-darba, għamilt dan għaliex il-PN kien il-Partit li jirrifletti l-prinċipji li huma għal qalbi u mhux għaliex għandi xi lejalta’ għamja jew inkundizzjonata għall-PN.

Lanqas m’jien membru tal-“fazzjoni ta’ kontra Delia”. Kontra Delia bħala persuna privata m’għandi xejn u jien m’għandi ebda ambizzjoni li nakkwista s-setgħa. Il-partit li vvutajt għalihom fl-aħħar elezzjoni jiffurmaw l-Oppożizzjoni u jien waħda minn dawk li mingħand il-mexxejja tagħna nistenna li jkun hemm imġieba eżemplari. Barra min hekk, nammetti li oppożizzjoni b’saħħitha ma nistgħux ngħaddu mingħajrha inkella jkollna stat b’partit wieħed.

Mexxej m’huwiex il-partit u partit politiku m’huwiex skwadra tal-futbol (għelkemm sforz it-taħwid li ħalla warajh Delia f’Birkirkara FC wieħed forsi jista’ jinħafer jekk ifixkel wieħed mal-ieħor).

Desmond Zammit Marmarà għandu ħafna xi jgħid dwar dik li huwa jikkunsidra li jammonta għal imġieba integra u li “jiġri x’jiġri” tibqa’ ssegwi lill-mexxej.

Ma tkunx integru jekk int issegwi mexxej jiġri x’jiġri. L-integrita’ titlob li l-partit u l-pajjiż għandhom jingħataw priorita’ fuq il-gwadann personali. Titlob li jintgħażlu mexxejja li jġibu ruħħom b’mod li jqallagħlhom il-lejalta’ u r-rispett. Meta tisma’ politiċi anzjani tal-PN li servew fl-imgħoddi jistqarru li “qatt ma raw lill-partit f’dan l-istat tal-biki” ikunu nistgħu nikkonkludu bla tlaqliq li l-“Mod Ġdid” ta’ Delia la jnissel fina rispett u lanqas lejalta’ għamja.

Madankollu Desmond Zammit Marmarà jagħmel mistoqsija valida: x’kwalita’ ta’ politika qegħdin noffru liż-żgħażagħ li jixtiequ jkunu ta’ servizz lill-poplu fil-qasam politiku? Huwa appuntu għaliex irridu naraw x’wirt se nħallu lil ta’ warajna li jien u ħafna oħrajn tal-fehma li neħtieġu kap tal-oppożizzjoni aħjar milli għandna.

Nagħlaq dan l-artiklu billi nissellef il-kliem ta’ Luke Fowley, politiku Awstraljan li kien fl-aħbarijiet f’Ottubru li għadda wara li sab ma’ wiċċu allegazzjonijiet li ta fastidju. Huwa ċaħad l-allegazzjonijiet u qal li dawn kienu foloz. Kien jaf ukoll li sakemm kien qed jiġi investigat, kellu jwarrab mill-kariga għax hekk titlob is-sewwa.

Araw x’kiteb: “L-ewwel ħaġa li rrid ngħid hi li l-allegazzjonijiet li saru kontrija llum u li xxandru mill-ABC huma foloz. Qabbadt avukati biex jinbdew proċeduri immedjati ta’ diffamazzjoni fil-qorti federali tal-Awstralja.

“Madankoll, mhux possibli għalija li niġġieled biex inaddaf ismi u niġġieled elezzjoni fl-istess ħin. Mhux possibbli li nagħmel it-tnejn f’daqqa”.

“Għaldaqstant se nwarrab mit-tmexxija tal-Partit Laburista b’effett mil-lum biex min jilħaq f’loki jkun jista’ jiffoka l-enerġija kollha tiegħu biex jegħleb lill-gvern Liberali Nazzjonali”.

Dan huwa dak li jseħħ f’pajjiż normali u demokratiku. Wasal iż-żmien li l-valuri demokratiċi li ngħidu li nemmnu fihom nipprattikawhom hawn Malta wkoll.