
Tmien borok intlemħu jittajru fuq il-Belt Valletta – ħaġa tant rari li l-kaċċatur li hemm fil-kabinett ta’ Joseph Muscat jimmira lejhom bl-uniku “senter” li jista’ jġorr miegħu f’Kastilja: il-kamera hi-res li għandu mal-mobile tiegħu.
Dan il-kaċċatur, Clint Camilleri – bniedem li ma jafx jissaporti laqgħa kollha tal-Kabinett mingħajr ma joqgħod jintilef f’ħolma li qed jolqot 8 borok b’tir wieħed – hu s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali. L-annimali moħħom mistrieħ li b’dan il-kaċċatur madwar il-mejda tal-kabinett għandhom tarka. Moħħu fihom biss.
U annimali oħra, bħalma huma l-kuntratturi u bankiera diżonesti, għandhom ukoll moħħom mistrieħ bil-klassi politika Maltija għaliex – f’każ li l-PN xi darba jitla’ fil-gvern – il-Ministru tad-drittijiet tal-annimali fil-gvern ta’ Adrian Delia se jieħu ħsiebhom bl-istess żelu.

Araw ftit kif il-Ministru Dell dwar id-Drittijiet tal-Annimali fil-Kabinett Dell ta’ Adrian Delia qagħad spalla ma’ spalla mal-imgħallem tiegħu fil-konfernza stampa li għamel il-PN dwar il-korruzzjoni tal-gvern. Hekk kif il-membri parlamentari l-oħra x’aktarx li stħaw li jpoġġu biswit Adrian Delia hekk kif dan, minħabba “allegazzjonijiet”, sejjaħ għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi, Mario Galea, id-difensur tal-annimali, iddefenda lill-imgħallem tiegħu b’ħerqa kbira.
F’dan il-pajjiż tassew xortik tajba li tkun annimal.