Illum Joseph Muscat għadda ġuri lill-ġurnaliżmu. U sabu ħati.

L-ewwel għandkom issiru tafu d-dettalji ta’ dak li seħħ dalgħodu fil-qorti.  Aqraw ir-rapport imxandar fil-ġurnali. Joseph Muscat kien qed jixhed fil-kawża li huwa kien għamel lil Daphne Caruana Galizia li fiha xlieha li mmalafamatu meta xandret storja fis-sens li martu – u allura hu wkoll – hi sidt il-kumpannija Egrant.

Anki jekk għal dawn l-aħħar sentejn kont qed tgħix fil-qamar, għandek tkun taf li Egrant hi t-tielet kumpannija tal-Panama li kienet inħolqot minn Brian Tonna flimkien ma’ kumpanniji oħrajn li kienu nħolqu għal Keith Schembri u għal Konrad Mizzi ġimgħa biss wara li Joseph Muscat sar prim ministru f’Marzu 2013.

Ħadd ma kien jaf sidha min hu sakemm Daphne Caruana Galizia kitbet li l- Egrant kienet irċeviet ħlasijiet mingħand bint id-dittatur tal-Ażerbajġan li kienet sidt kontijiet bankarji mal-Pilatus Bank, bank f’Ta’ Xbiex li kien jaħsel flejjes għall-familja Aliyev.

Sa dakinhar ħadd ma kellu ħjiel li l-Pilatus Bank kien qed jintuża biex jinħaslu flejjes għall-membri tal-familja ta’ Aliyev. Dan il-fatt ġie konfermat aktar tard bis-saħħa ta’ informazzjoni oħra li kienet xandret Daphne Caruana Galizia u li kienet inġabret minn għejjun bankarji ta’ min jorbot fuqhom.

Mal-medda taż-żmien, fuq ordni tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Pilatus Bank ingħalaq u l-FBI arrestat lil sidha li issa qed jistenna li jgħaddi ġuri dwar frodi bankarja.

Dakinhar li Daphne Caruana Galizia xandret l-istorja dwar l-allegat tixħim ta’ Joseph Muscat u dwar il-ħasil tal-flus, sid il-Pilatus Bank kien intlemah joħroġ inkiss inkiss mill-bini tal-bank b’dawk li setgħu kienu provi.

L-għada filgħodu stess inbdiet inkjesta u wara aktar minn sena din ikkonkludiet li ma kienx hemm provi li Joseph u Michelle Muscat huma s-sidien ta’ Egrant.

Ir-rapport tal-inkjesta baqa’ ma xxandarx.

Fil-qorti dalgħodu Joseph Muscat insista li “l-parti l-oħra” għandha tirtira l-akkuża li hu sid l-Egrant u “tammetti li żbaljat”.

M’għandniex xi ngħidu ma kienx possibbli għal Daphne Caruana Galizia biex tidher il-qorti biex tikkunsidra t-talba ta’ Joseph Muscat jew inkella li tiċħadha u tipprova tiddefendi lilha nnifisha billi tissostanzja l-akkużi li kienet għamlet.

Ma kienx sorpriż Joseph Muscat li dalgħodu Daphne Caruana Galizia baqgħet ma dehritx il-qorti għaliex, kif jaf kulħadd, din kienet ġiet assassinata permezz ta’ karrozza-bomba aktar minn sena ilu.

Dalgħodu minflokha deher żewġha li kien qed jirrappreżenta wkoll lit-tliet uliedu. Ħadd min dawn ma kien kiteb l-artikli li xlew lil Joseph Muscat li hu sid l-Egrant. Madankollu Joseph Muscat dalgħodu qal li dawn għandhom jammettu li kienu żbaljati.

Lir-raġel u ma’ ulied Daphne, Joseph Muscat għażel li jirrikattahom biex b’hekk iġiegħehom jgħidu li “huma” kienu żbaljati dwar l-allegata korruzzjoni tiegħu u dwar l-allegat ħasil ta’flus. Għaliex ma kinux huma l-awturi tal-istejjer li huwa jgħid li mmalafamawh, lanqas ma kienu huma li skoprew, investigaw u għarblu l-provi qabel ixxandret l-istorja.

Għalhekk x’aktarx li m’hux se jkunu fil-pożizzjoni li jiddefendu lilhom infushom dwar l-akkuża li ommhom kienet żbaljata dwar dak li xandret dwar Joseph Muscat. U jekk ma tkunx tista’ tiddefendi ruħek, tista’ titlef il-kawża u teħel id-danni.

Joseph Muscat dan kollu jafu. Bosta kienu dawk il-liġijiet li jwaħħlu d-dnubiet tal-ġenituri fuq l-ulied li, mal-medda taż-żmien, tneħħew. Jekk missierek, f’sakra għamja, itajjar lil xi ħadd bil-karrozza u joqtlu u jinqatel hu stess fl-inċident, int – għax int ibnu – ma jibgħatukx biex tiekol ikla ħabs minfloku.

Anke li kieku, għall-grazzja tal-argument, kellna nikkonċedu li Joseph Muscat kellu raġun u li Daphne Caruana Galizia ma kellhiex raġun f’dak li kienet kitbet, jidher li għad għandna liġi barbarika li tippermetti lil Joseph Muscat jitlob id-danni mingħand uliedha.

Joseph Muscat jaf li b’din il-manuvra, mhux se jidher ħelu. Allura x’kien li qed jinsisti fuqha?

Għandkom tifhmu li, minkejja d-dmugħ tal-kukkudrilli li kien xerred, ir-rapport maġisterjali dwar l-Egrant – rapport li qrah hu biss – ma jeżonerahx mill-allegazzjonijiet li saru dwar l-Egrant. Ir-rapport igħid biss li ma nstabux provi li jissostanzjaw l-allegazzjoni. Din m’hix prova dwar l-innoċenza tiegħu.

Lanqas xejn. U Joseph Muscat dan jifhmu għaliex in-nies għadha sal-lum tistaqsi x’inhi r-raġuni għala Keith Schembri u Konrad Mizzi lanqas biss jindenjaw ruħħom li jiddefendu lilhom infushom mill-akkuża li hu tant ilu jinsisti li m’huwiex ħati fil-konfront tagħha. In-nies ilha wkoll tistaqsi x’inhi r-raġuni għala sal-lum baqa’ ma ġiegħelx lil Brian Tonna jgħid sid l-Egrant min hu. In-nies baqgħet ukoll sal-lum tistaqsi x’inhi r-raġuni għala r-rapport tal-inkjesta maġisterjali baqa’ ma xxandarx, minkejja l-fatt li hu kien wiegħed li jxandru.

Mill-banda l-oħra, jekk il-werrieta ta’ Daphne Caruana Galizia jitħajjru li jaċċettaw l-offerta biex b’hekk jevitaw aktar tlugħ fil-qorti, ma tantx se jkollhom ċans li fil-qorti joħorġu rebbieħa. U dan biex ma nsemmix l-ispejjeż u d-danni li jkunu jridu jħallsu għal dak kollu li huma jemmnu li ommhom ma kinitx ħatja tiegħu u li, wisq inwqas, huma ħartja tiegħu huma. M’hemmx dubju, kull “ammissjoni” li jistgħu jagħmlu tkun l-assoluzzjoni li jrid Joseph Muscat.

Għal Joseph Muscat, mhux biżżejjed li l-Maġistrat Aaron Bugeja ddikjara li ma kellux biżżejjed provi biex jirrakkomanda li l-pulizija tmexxi kontrih għaliex, fil-kuntest tar-responsabbiltà politika, dikjarazzjoni bħal din ma tnaddaflux ismu. Din hi r-raġuni li qed jinsisti li jiċħdu l-istorja li kienet xandret Daphne Caruana Galizia. Konvenjentement, Daphne m’għadhiex magħna u għalhekk qed jara kif jagħmel biex jirrikatta lil uliedha.

Hawn min forsi jistenna li l-werrieta ta’ Daphne Caruana Galizia mhux se jċedu. Iżda dan ikun ifisser li se jkomplu jiġġieldu battalja qalila f’isimna biex jevitaw li jaraw lil Joseph Muscat igħidilna “qed taraw … anki ‘l-parti l-oħra’ fil-kawża Joseph Muscat vs Daphne Caruana Galizia qed tgħid li Joseph Muscat huwa innoċenti u nadif.”

Daphne Caruana Galizia kienet iġġieldet il-battalji għan-nom tagħna u ma nistgħu qatt nagħmlu bħalma għamel Joseph Muscat u nfarfru r-responsabbiltajiet li kienet refgħet hi fuq uliedha.

Jagħmlu x’jagħmlu, xorta waħda se nibqgħu konvinti mhux biss bis-saħħa tal-provi li rajna b’għajnejna iżda anki bis-saħħa tar-raġuni u l-loġika. Id-dmugħ li xerred Joseph Muscat f’Ġunju li għadda u t-tbissim tiegħu ma bidlu xejn minn din ir-realta’.