Jekk int mingħalik li l-ġustizzja ssir għax tkun tlabtha, għadek ma fhimt xejn.

Jekk xejn, Simon Busuttil qed jeżawrixxi l-possibilitajiet kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jara li jiġi applikat il-prinċipju li l-ġustizzja qiegħda hemm għal kulħadd u li meta s-setgħan jinqabad jikser il-liġijiet, m’għandux igħaddiha lixxa u għandu jiffaċċja l-konsegwenzi li jkollu jiffaċċja ħaddieħor. Il-qrati mhux qed jaċċettaw l-appelli ripetuti tiegħu biex il-provi li jeżistu kontra Konrad Mizzi, Keith Schembri, Joseph Muscat u l-klikka tal-Panama jiġu nvestigati. Kuntrarjament għal dak li reġa’ stqarr illum Konrad Mizzi b’dik l-espressjoni baħnana fuq wiċċu, il-provi u l-mertu tal-każ la qatt ġew investigati u wisq inqas ġew imwarrba.

Il-fatti huma li l-qrati qed jibqgħu isostnu li l-liġijiet tagħna ma jagħtux rimedju kemm il-darba l-pulizija tinqos minn dmirijietha. Jekk is-setgħan jikkontrolla l-aġir u imġieba tal-pulizija, dan ma jkollux fuqhiex jinkwieta għax il-vittma qatt ma jkun jista’ jieħu sodisfazzjon.

Robert Abela u Edward Zammit Lewis illum indirizzaw konferenza stampa u qalu li bis-saħħa tas-sentenza li ngħatat illum Simon Busuttil reġa’ qala’ “t-tielet knock-out legali”. L-ewwelnett irid jingħad li knock-out jista’ jingħata darba biss. Il-fatt li Simon Busuttil jerġa’ jqum ripetutament biex ikompli jiġġieled ifisser li dawn it-tnejn ma jifhmux fil-boxing.

Iżda l-isbaħ waħda kienet meta ippruvaw ipinġu t-talba li saret lill-istituzzjonijiet biex isseħħ il-ġustizzja u biex jaqdu dmirhom bħala “attakk fuq l-istituzzjonijiet”.

Ikkunsidraw kif irreaġew dawn it-tnejn għall-aħbar li Malta kompliet tiżloq ‘l isfel fil-perċezzjoni dwar il-korruzzjoni. Meta ntalbu jikkummentaw dwar x’jaħsbu li kien il-kaġun ta’ dan, ara ma tmorrux taħsbu li dawn irreferew għall fatt li l-Prim Ministru kien mistieden fit-tieġ ta’ frodist Iranjan li qed jistenna li jgħaddi ġuri fl-Istati Uniti dwar frodi bankarja; ara ma tmorrux taħsbu li dawn semmew il-fatt li ċ-Chief of Staff u l-Ministru tal-Enerġija tal-imgħallem tagħhom kienu ħolqu kumpanniji sigrieti fil-Panama wara li kienu ilhom biss ġimgħa fis-setgħa; ara ma tmorrux taħsbu li semmew il-fatt li l-accountant ta’ dawn it-tnejn kien kiteb li l-kumpanniji tagħhom kienu se jdaħħlu $5,000 kuljum kull wieħed mingħand il-kumpannija ta’ persuna li kien rebaħ il-kuntratt tal-power station; ara ma tmorrux taħsbu li semmew il-fatt li dawn kienu midħla ma’ dittatur mill-aktar notorju li kellu wliedu jaħslu flushom hawn; ara ma tmorrux taħsbu li semmew il-fatt li nbiegħu il-passaporti Maltin lil eluf ta’ sinjuruni u li ċ-chief of staff tal-prim ministru inqabad bi flus ġejjin mit-tixħim; ara ma tmorrux taħsbu li semmew il-fatt li l-ġurnalista li kienet kixfet dan il-ħmieġ kollu spiċċat assassinata b’karrozza- bomba.

Skond dawn iż-żewġ xakalli, ma kiex minħabba dawn il-fatti kollha li l-perċezzjoni dwar il-korruzzjoni f’Malta baqgħet nieżla ‘l isfel.

Skond Robert Abela u Edward Zammit Lewis, Simon Busuttil qed ikun populist u qed jimmina l-istituzzjonijiet demokratiċi b’aġenda anti-demokratika.

Huma u jikkwotaw mir-rapport ta’ Transparency International, jafu ben tajjeb li r-rapport ma’ jirreferix għal Simon Busuttil iżda jirreferi għalihom u għall-imgħallem tagħhom Joseph Muscat u li jirreferi wkoll għall-kollass f’pajjiżna tas-saltna tad-dritt li semmiet il-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa bħallikieku kienet qed tirreferi għal xi repubblika tal-banana.

Imbagħad xi ngħidu għall-gideb?

Robert Abela stqarr li “l-gvern kien diġà wettaq diversi bidliet importanti f’dan ir-rigward hekk kif il-Prim Ministru Joseph Muscat għadda s-setgħa dwar il-mili ta’ karigi fil-ġudikatura f’idejn sotto-kumitat”. Qal ħmerija. Il-Kummissjoni ta’ Venezja diġa’ stqarret li din il-mossa kienet biss farsa għaliex Joseph Muscat kompla żamm f’idejh is-saħħa li jaħtar il-membri tal-ġudikatura u li s-“sotto-kumitat” huwa biss paraventu. Biżżejjed wieħed isemmi l-mod kif qed jingħataw il-promozzjonijiet lill-Maġistrati.

Edward Zammit Lewis stqarr li “l-Kummissjoni ta’ Venezja rreferiet għal diversi entitajiet li kienu jeżistu qabel l-2013 u li f’25 sena il-PN m’għamel xejn biex jirranġahom”.

Hawn jista’ għandu punt. Kif darba kien qal Simon Busuttil: l-istituzzjonijiet kien messhom saru ‘Labour-proof’ biex ikunu jistgħu jilqgħu għall-abbużi li kienu saru minn tal-Labour fis-snin 70 u 80 u kif ukoll f’dawn l-aħħar ħames snin. Issa ġejna li lanqas biss nistgħu nittamaw f’alternattiva għal dak li għandna llum.

Illum Simon Busuttil stqarr li kien bi ħsiebu jibqa’ jħabbat il-bibien tal-ġustizzja sakemm jinfetaħ bieb. It-tenaċja tiegħu hi waħda ta’ min ifaħħarha. It-taqtiegħa għas-sewwa u għall-ġustizzja m’hix, kif igħidu tal-Labour, xi taqtiegħa ristretta għal dawk ta’ madwar Simon Busuttil.

Li naf żgur hu li kieku ma kienx għall-persistenza tiegħu, ta’ David Casa, ta’ Jason Azzopardi u ta’ ftit oħrajn, li lkoll baqgħu jinsistu minkejja t-tgħajjir u minkejja l-ostakli istituzzjonali kollha ta’ żmien il-kolonjaliżmu li nħolqu minn setgħa barranija u li għadhom magħna, ma nafx min aktar kien ikun lest ibill subgħajh fl-ilma mbierek.

Dan kollu għad irid jinbidel. Biex tipprova tipperswadi dwar xi każ fil-Parlament jew fil-gvern, jeħtieġ li tkun politiku. Iżda biex tipprova tipperswadi dwar każ mal-pulizija, fil-Qrati jew fl-istituzzjonijiet li lkoll għandhom is-sudizzjoni minn Joseph Muscat, m’għandekx għalfejn tkun politiku.

Robert Abela jista’ jserraħ rasu li xi darba, l-ġustizzja se ssir u aħna se nibqgħu nippersistu sakemm ikollna sodisfazzjon. Meta jseħħ dan, ikun seħħ mhux għax inkunu mminajna l-istituzzjonijiet. Iseħħ għax inkunu ħlisnihom mill-kriminali li llum qed joħonquhom.

Il-veru jum il-ħelsien għad jisbaħ.