Il-Qorti tal-Appell irrevokat ordni li kienet tat il-Qorti tal-Maġistrati biex issir inkjesta dwar dak li nkixef permezz tal-Panama Papers. Dik l-ordni kienet ingħatat mill-Maġistrat Ian Farrugia f’Lulju 2017 wara talba li kienet saret minn Simon Busuttil li fiha lmenta li mill-2016, il-Pulizija ma kinitx investigat dak li nkixef mill-Panama Paper. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet iddeċidiet li kien hemm raġunijiet biżżejjed biex tinbeda’ nkjesta.

Hu u jippresjiedi l-Qorti tal-Appell l-Imħallef Giovanni Grixti illum ma qabilx mas-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati u qal li l-livell ta’ dettall li hemm fit-talbiet ta’ Simon Busuttil ma jissodisfawx dak li titlob il-liġi biex tinbeda’ nkjesta bħal din.

M’hemmx dubju li din is-sentenza se titpinġa bħala waħda li tati raġun lil Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri u l-bqija tal-klikka tal-Panama. Dawn se jaqbżu fuq kelma waħda li għamel użu minnha fil-konklużjoni tiegħu l-Imħallef Giovanni Grixti – “spekulazzjoni” – u, eżatt bħalma ġara fil-każ tal-konklużjoni tal-inkjesta Egrant, se jgħidu li din is-sentenza tfisser li m’hemm ebda raġuni il-għala għandhom jiġu nvestigati r-reati kriminali ta ‘ korruzzjoni u ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin imwettqa minn dawk li għandhom is-setgħa.

Bħal fil-każ tal-inkjesta Egrant, stennew bumbardament politiku minn naħa tal-Labour.

Iżda din id-darba l-Oppożizzjoni tinsab fuq għarrkubtejha u Joseph Muscat se josserva lil Adrian Delia jipprova jitfa’ l-ħtija Simon Busuttil li jarah bħala rivali tiegħu.

M’hu ser ikun hemm ħadd biex ifakkarna fil-fatti.

Simon Busuttil m’huwiex u qatt ma ppretenda li hu xi investigatur kriminali. It-tnedija tal-investigazzjonijiet hi xogħol il-Pulizija li lanqas biss indenjaw ruħħom jiflu l-provi kollha u li, aktar minn sentejn ilu, kien messhom inizjaw investigazzjoni.

Simon Busuttil għamel użu mill-unika triq li seta’ jgħaddi minnha u li jista’ jgħaddi minnha kull ċittadin ieħor bħalek u bħali li juri tħassib għall-fatt li f’Pulizija qgħadet lura milli tinvestiga xi ħaġa billi ppreżenta rikors fil-qorti li fiha talab li tiġi ordnata inkjesta dwar fatti li issa jaf bihom kulħadd.

Ilkoll nafu x’fihom il-Panama Papers. Mhux bis-saħħa tal-Pulizija. Ma kellhom għalfejn jinvestigaw xejn biex insiru nafu dak kollu li xxandar mal-erbat irjieħ tad-dinja.

Xogħol il-Pulizija kien jikkonsisti filli jiflu u jgħarblu l-provi u jinvestigaw bil-għan li mbagħad ikunu f’pożizzjoni li jmexxu kontra l-kriminali. Dan ix-xogħol il-Pulizija naqsu li jagħmluh.

Bis-sentenza tagħha il-Qorti tal-Appell għamlitha ħafna aktar diffiċli għal kull ċittadin li jitlob lill-Qorti sabiex tordna li ssir inkjesta minħabba l-fatt li ċ-ċittadin ikun irid jipprova hu stess li twettaq reat. Din hi sitwazzjoni mill-aktar assurda u, jekk din l-interpretazzjoni hi korretta, dan ifisser li s-setgħa li l-liġi tagħti liċ-ċittadin biex jitlob li ssir inkjesta ġiet fix-xejn.

Ċertament din ma kinitx l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Maġistrati li issa inqalbet bis-sentenza tal-Imħallef Grixti. Bħalma lanqas hi l-interpretazzjoni tal-Maġistrat Aaron Bugeja li, hu u jirreferi żewġ ilmenti oħra ta’ Simon Busuttil lil żewġ Maġistrati oħra, qabel li jeħtieġ inqas minn prova “prima facie” biex tinbeda’ inkjesta. Hemm żewġ inkjesti għaddejjin bħalissa li kienu nbdew bis-saħħa ta’ din l-interpretazzjoni.

Bis-sentenza tal-Imħallef Grixti biex ilment li jwassal għal inkjesta jkun jista’ jsir, ċittadin ikun jeħtieġ li jsir investigatur mingħajr iżda ma jkollu s-setgħat li għandha l-pulizija. Din is-sentenza prattikament xejjnet id-dritt taċ-ċittadin biex tiġi ordnata nkjesta f’dawk l-okkażjonijiet meta l-Pulizija tonqos li tinvestiga l-provi li jkollha f’idejha dwar it-twettiq ta’ reat kriminali.

Fi ġranet li ġejjin, ikun faċli ħafna li wieħed jinsa punt importanti ħafna. Joseph Muscat u l-klikka tal-Panama ma ġewx investigati – u wisq inqas imħarrka – dwar reati kriminali li jirriżultaw minn provi. Dan ifisser li mhux minnu li dawn ġew b’xi mod liberati mill-akkużi li wettqu dawk ir-reati kriminali.

Huma ser igħidu li ġew liberati. Dan m’hu minnu xejn. Dak li seħħ illum jikkonferma dak li ilna nafu żmien twil: dan il-pajjiż jinsab immexxi minn ċorma ta’ nies korrotti li ebda ġustizzja ma tista għalihom u li se jibqgħu jgħadduha lixxa sakemm il-Pulizija u l-prosekutur jibqgħu jonqsu minn dmirijiethom.