Ħaġa tal-iskantament meta tisma’ lil Joseph Muscat jitkellem dwar forzi tad-dlam fi ħdan il-PN li qed jisfidaw id-deċiżjoni demokratika li permezz tagħha nħatar Adrian Delia bħala kap. “Din hi mentalità li fiha d-demokrazija tibqa’ rilevanti biss sakemm dak li għażlu n-nies jgħodd għalik”.
4 xhur ilu biss fuq BBC Radio 4 qal li r-Renju Unit għandu jagħmel “referendum ieħor dwar il-Brexit sabiex il-kontroversja dwar il-tluq tal-pajjiż mill-Unjoni Ewropea tinqata’ darba għal dejjem”.
L-argumenti li qed iġib kontra dawk li fil-PN qed joġġezzjonaw għall-mexxej preżenti tal-Partit huma l-istess bħall-oġġezzjonijiet li qed iġib Theresa May fil-konfront tat-tieni referendum dwar il-Brexit: l-għażla demokratika diġa’ saret u m’hemmx lok għal għażla differenti.
Joseph Muscat jinqala’ ħafna biex idawwar id-diskors skond kif ikun jaqbillu. Kif jifhimha Joseph Muscat, bejn is-snin 1981 u 1987, l-eroj tiegħu Dom Mintoff kien fil-gvern b’vot popolari minkejja l-fatt li ma kellux maġġoranza ta’ voti. U kien l-istess Joseph Muscat li ċċelebra r-“rebħa tal-partnership” fir-referendum tal-2003 dwar l-UE, meta mbagħad – għax hekk kien jaqbel – dawwar kollox u ammetta li kienu rebħu dawk li riedu lil Malta fl-UE.
Meta qorti taqta’ sentenza, wieħed jista’ jappella minn dik is-sentenza. U wieħed ma jkunx qed juri sfiduċja fis-sistema tal-ġustizzja meta jappella. Jekk ma taqbilx mal-mod kif ingħatat sentenza, ma tkun qed turi ebda disprezz kemm il-darba ma taqbilx magħha u tagħżel li tappella quddiem qorti oħra.
Meta l-Parlament igħaddi liġi, int għandek kull dritt li ma taqbilx magħha. Ma tkunx qed tiddisprezza lid-demokrazija jekk tmur tgħid fil-pubbliku, quddiem l-istampa jew quddiem il-qorti li ma taqbilx ma’ xi liġi mgħoddija mill-Parlament. U l-liġijiet jinbidlu skont il-ħtieġa permezz ta’ liġijiet ġodda. Sentenzi ġodda jieħdu post dawk qodma. M’hemm xejn anti-demokratiku f’dan kollu.
Anki deċiżjoni politika ta’ Ministru tista’ tinbidel minn dak il-Ministru stess jew minn wieħed mill-kollegi tiegħu fil-Kabinett jew saħansitra mill-Prim Ministru. Huwa minnu li l-Ministru jkun ġie elett bħala membru parlamentari b’mod demokratiku. Iżda d-deċiżjonijiet li jieħu m’humiex infallibbli u jekk tinbidel deċiżjoni ma jfissirx li jkun hemm nuqqas ta’ demokrazija.
Għażla demokratika tista’ tibdel għażla demokratika li tkun saret qabilha. Din hi l-essenza tad-demokrazija.
X’aktarx qed nibni argument favur iż-żamma ta’ referendum ieħor dwar il-Brexit, iżda ma naħsibx li dan għandu ċans kbir li jseħħ.
Hawn qed infakkar lil Joseph Muscat li hu stess qabel ma’ dan, iżda għar-raġuni li huwa mdorri jaġixxi demokratikament meta jkun jaqbillu biss, qed jargumenta mod ieħor fil-każ tal-għażla ta’ Adrian Delia.
M’hemmx dubju li Adrian Delia ntgħażel biex jopponih b’mod demokratiku. Joseph Muscat kien ferħan se jtir b’din l-għażla għaliex kien jaf li kienet għażla żbaljata. Dan bħal meta s-suldati tal-għadu jaħtru lill-ġaħan tar-raħal biex ikun il-ġeneral tagħhom. Għażla bħal din lil Joseph Muscat niżlitlu għasel għax ikkonsolidatlu l-vantaġġ.
Jekk verament tant għandu ammirazzjoni għall-mod kif il-PN għażel lil min imexxih, ikollu jammetti li hu stess m’għandux l-istess leġittimita’ demokratika għaliex ma kinux it-tesserati tal-Partit Laburista li ħatruh iżda kienu d-delegati tal-Konferenza Ġenerali li wrew aktar għaqal meta ġew biex jidentifikaw persuna li tista’ trebbaħom elezzjoni.
M’għandniex xi ngħidu, huwa jaf sew li fl-imgħoddi d-delegati tal-Partit Laburista wkoll iddeċidew b’mod żbaljat. Alfred Sant kien wieħed minn dawk id-dċiżjonijiet żbaljati.
Lil Adrian Delia, Joseph Muscat jridu jibqa’ f’postu u jaqbel miegħu li deċiżjoni favur tellieqa ġdida dwar min għandu jmexxi lill-PN tkun deċiżjoni anti-demokratika.
Din hi l-mentalita’ ta’ dawk li għalihom id-demokrazija hi rilevanti biss meta d-deċiżjoni tan-nies iddoqqilhom għal widnejhom.